Sport | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80
Ħafna jsejħu s-salvazzjoni mir-relegazzjoni ta’ Msida St. Joseph bħala miraklu. Oħrajn jgħidulek li kien kollu frott ta’ ħidma kollettiva fejn kulħadd ta dak kollu li seta’. Personalment nemmen li d-differenza fid-destin tas-Saints għamluha biss il-barranin li nġiebu f’Jannar biex ħadu post l-oħrajn ta’ qabilhom li ma laħqux il-livell mixtieq. Patrick Curmi jaqbel miegħi meta ngħidlu li l-Brażiljani li ġew f’Jannar kienu l-qofol ta’ kollox.
“Naqbel li kienu l-Brażiljani li salvawna. F’Jannar ġibna barranin ta’ livell. Konna ilna tliet ġimgħat insegwuhom sew. Priso fl-aħħar fażi ta’ l-ewwel round beda jħalli l-frott mixtieq. Għad għandu biss 19-il sena. Ħasra li ġew f’Jannar għax kieku ġew fil-bidu ta’ l-istaġun il-pożizzjoni ta’ Msida kienet tkun ħafna aħjar. Pedrino u Priso għandhom kuntratt ta’ sentejn imma Gilberto huwa ftit ikbar u għandu kuntratt ta’ sena b’option. Irridu naraw ħafna affarijiet qabel niddeċiedu fuq il-futur. Se npoġġu bil-qiegħda u naraw sa fejn nistgħu naslu.”
B’wiċċ sarkastiku nsaqsih jekk jaqbilx miegħi f’dawn it-tliet konklużjonijiet fuq il-plejers barranini li rnexxielhom jakkwistaw Msida St. Joseph: Li jew vera jafu jagħżlu, jew vera għandhom aġenti tal-prima klassi jew inkella għandhom fortuna infinita f’għażliet kruċjali bħal dawn. Infakkru f’Aganun, Zongo, Babatundu u preżentament Priso.
“Mistoqsija tajba. Naħseb li l-Imsida, kemm ili hemm jien u anki qabli, urew li għandhom kuntatti tajba ħafna ma’ aġenti barranin u jidher bil-fatti li l-plejers li dejjem ġabu l-Imsida kienu dejjem ta’ l-ogħla livell.”
Kienu l-ewwel mistoqsijiet li bdejt bihom meta nhar it-Tnejn li għadda meta ltqajt ma’ Patrick Curmi, il-kowċ li rnexxielu jsalva lil Msida St. Joseph mir-relegazzjoni f’kampjonat xejn faċli. Imwieled fit-3 ta’ April 1960 u miżżewweġ lil Ruth, Patrick huwa wkoll missier ta’ tifla, Jessica, li għandha 19-il sena. Jgħidli li joqgħod Sta. Venera iżda huwa Ħamruniz. Naħtaf l-opportunità biex insaqsih għalxiex jaħseb li fit-toroq ta’ l-Imsida meta ssemmi lokal tal-Ħamrun qisek għamilt xi dnub mejjet bl-għadu li hemm.
“Ma naħsibx li għadu. Aktar pika sportiva bħal kif inhi Floriana kontra Valletta. Iżda sinċerament ma nafx minn fejn hi ġejja din il-pika. Floriana u Valletta tista’ tgħid li żewġ timijiet antiki li rebħu ħafna imma Msida St. Joseph, taqta’ dawn l-aħħar snin, dejjem lagħbu f’divizjonijiet inferjuri u allura ftit li xejn iltaqgħu ma’ Ħamrun. U ma naħsibx li l-fatt li għax Victor Tedesco kien ma’ Msida qabel mar il-Ħamrun se jaffettwa f’dan kollu. Kemm ili ma’ Msida jien qatt ma smajt kelma waħda kontra Tedesco. Forsi l-pika hija minħabba li ż-żewġ lokalitajiet imissu ma’ xulxin u kważi Msida rebħu dejjem il-konfronti diretti.”
B’ittra maħruġa kontrija mill-klabb Misidjan xi tliet snin ilu li tinpedili li ġurnalistikament ma nista’ navviċina lil ebda individwu li jaqa’ taħt il-kappa ta’ Msida St. Joseph, mort għal din l-intervista b’rispett lejn il-ħbiberija ma’ l-individwu. Għalkemm l-ittra kienet maħruġa b’letterhead tal-klabb, iffirmata mill-President ta’ dak inhar Kevin Deguara u mibgħuta lil diversi istituzzjonijiet b’konnessjoni max-xogħol tiegħi b’intenzjoni uniku li tagħmilli biss ħsara, iddeċidejt li għal darba nagħlaq għajnejja. Probabbli li l-uffiċjali preżenti anqas għandhom idea b’dan kollu u żgur li m’għandhom l-ebda tort f’dan kollu. Fil-verità, llum il-ġurnata nemmen li l-klabb Misidjan għandu nies aktar professjonali fi ħdanu jmexxuh. Patrick jaqbel miegħi meta nkellmu fuqhom.
“In-nukleu ta’ nies li qed imexxu lill-Imsida għandhom ċertu livell. Jaħdmu minn qalbhom għat-tim tal-lokal tagħhom u b’nies bħal dawn nemmen li l-futur ta’ Msida huwa wieħed sabiħ u assigurat.”
Iżda llum il-ġurnata Patrick Curmi qiegħed f’pożizzjoni li jgħid li kellu missjoni kompluta?
“Ovvjament, l-obbjettiv priniċipali kien li nżommu lit-tim fil-Premier Division. Il-klabb kellu bilfors ibigħ seba’ plejers importanti li kienu parti integrali mill-iskwadra. Mingħajrhom ħadna daqqa ’l isfel. Irnexxielna nibdluhom bi plejers li ma tantx kellhom esperjenza bħal Clive Brincat, Gilbert u Glenn tan-Naxxar u Clive Spiteri tal-Belt. Domna ħafna biex integrajna u sibna l-barranin addattati.”
Minkejja li mhux xi veteran, Patrick huwa kowċ b’diversi esperjenzi sbieħ. Ħamrun Spartans, Lija Athletic, Marsa u Pietà Hotspurs huma kollha klabbs li hu mmilita fihom qabel din l-esperjenza l-ġdida ma’ Msida. Insaqsih jekk qattx irrealizza li taqta’ lill-Athletics, kien ma’ erba’ klabbs b’rivalità kbira bejn xulxin u li l-partitarji ma jarawx għajn m’għajn.
“Ma ngħidx għajn m’għajn imma aktar pika sportiva. Waqt il-logħba jkun hemm xi ftit tal-pressjoni żejda imma jekk tinnota dejjem għadda kollox b’wiċċ il-ġid. Minnhom l-erba’ timijiet hija dik bejn Ħamrun kontra Marsa l-aktar li tinħass. In-nies jibdew jitkellmu fuqha minn ġimagħtejn qabel u jibqgħu jitkellmu fuqha sa xahar wara.”
Nistaqsih kif kienet bdiet il-karriera tiegħu u t-triq li wasslitu biex b’xi mod kien f’dawn il-klabbs kollha.
“Għalija kollox beda fl-1988 meta ħabib tiegħi kien daħħalni fin-nursery tal-Ħamrun u 10 snin wara spiċċajt kowċ tat-tim tal-kbar wara li l-Kumitat kien waqqaf il-kuntratt ta’ Orazio Sorbello. Wara hemmhekk kont ġejt avviċinat minn Charles Scerri ta’ Lija Athletic li għal dak iż-żmien ħsibt li kien l-aqwa option għalija. Kont ukoll żewġ staġuni ma’ Marsa li għalija kien perjodu negattiv ferm fil-karriera.
“Dħalt fl-Imsida għax kont ġejt avviċinat minn Robert Farrugia. Ħabib antik tiegħi miż-żminijiet tal-Ħamrun Spartans. Jien kont ġej minn erba’ snin head kowċ ta’ Pietà Hotspurs. Kienu erba’ snin sbieħ fejn jien ngħid li ikkultivajna l-ammont kbir ta’ zgħazagħ li ħarġu minn hemm. Kont ma’ Clive Mizzi. Ma stajtx nirrifjuta l-opportunità li nerġa’ nikkowċja fil-Premier.”
Insaqsih fuq il-mod kif kien spiċċa minn ma’ Ħamrun Spartans. Ħafna jsostnu li r-relazzjoni bejn iż-żewġ naħat mhix xi waħda mill-aħjar.
“Illum jien kowċ ta’ Msida St. Joseph u daqshekk. Ħamrun Spartans kien it-tim li introduċini fil-Premier u ma nistax ninsa dak iż-żmien u lanqas nista’ ninsa lil Victor Tedesco, ħabib kbir tiegħi, li nqisu daqs missieri. Mingħandu tgħallimt ħafna. Nies bħal mibki Tony Bajada jibqgħu f’qalbi. Jien inħoss li kont raġel biżżejjed meta fit-tieni avventura tiegħi ma’ l-Ispartans tlifna l-ewwel ħames partiti. Offrejt ir-rizenja tiegħi lil Antoine Attard dakinhar President u aċċettaha. Tajthom iċ-ċans biex jibdluni jekk jaħsbu li jien kont il-problema.”
U infatti dak l-istaġun Ħamrun Spartans biddlu lil Patrick ma’ Gencho Dobrev f’tentattiv li jsiru l-mirakli u jsalvaw posthom fil-Premier. Fl-aħħar ta’ l-istaġun kulħadd intebaħ li l-problema ma kien Patrick xejn iżda t-tim skars li kellhom il-Ħamruniżi f’dik l-epoka.
F’dawn l-aħħar jiem wasalli għal widnejja li Patrick jista’ jħalli lis-Saints fi tmiem l-istaġun wara li diġà saritlu offerta minn klabb ikbar. Jikkonfermali li kellu dan il-kuntatt.
“Nikkonferma li diġà kelli kuntatt minn klabb ieħor. Iżda bħalissa qed naħseb biss f’dawn iż-żewġ logħbiet li fadalli ma’ Msida. Mhu se neskludi xejn għal staġun ieħor. Hija ħolma ta’ kull kowċ li jibqa’ jikkowċja fl-ogħla Divizjoni u possibbilment ma’ top club. Nemmen li f’dawn l-aħħar sentejn urejt li kapaċi nikkowċja f’dawn il-livell. Din hija x-xewqa tiegħi iżda fil-futur ma tistax tgħid x’jista’ jiġri.”
Insaqsih kemm jaħseb li hu diffiċli li klabb żgħir iżomm postu fil-Premier u jekk jibżax li xi darba jew oħra klabb żgħir irid jerġa’ jispiċċa fid-Diviżjonijiet inferjuri.
“L-istorja hekk tgħidlek. Normalment min jitla’ minn First għall-Premier jerġa’ jinżel. Imma eċċezzjonijiet hemm ukoll. Din is-sena waqgħu Pietà Hotspurs wara tant snin mal-kbar. Il-Pietà kien, għadu u jibqa’ klabb żgħir iżda l-investiment kbir li għamlu fl-istruttura tagħhom gawdewh ħafna. Jien nammirahom ħafna. Għamlu 13-il sena jilagħbu Premier li mhux ċajta għal klabb żgħir. U ma rridux ninsew iż-żgħażagħ li rnexxielhom itellgħu. B’wiċċi minn quddiem ngħid li jekk jirnexxilhom iżommu dan in-nukleu ta’plejers fi żmien sentejn jew tliet snin se jkollhom skwadra kompetittiva ferm. Dan kollu jistgħu jagħmluh ukoll Msida St. Joseph. Veru li sfortunatament in-nursery għadha xi ftit lura. Iżda issa l-klabb għandu l-faċilitajiet kollha biex jieħu dan kollu bis-serjetà wkoll. Issa qegħdin nitħarrġu fuq tapit sintetiku u dan huwa vantaġġ għat-tfal. Sa ftit taż-żmien ilu dan kollu ma kienx jeżisti fl-Imsida.”
Niddiskutu l-kampjonat tas-sena d-dieħla. Nistaqsih x’jixtieq iżid fit-tim Misidjan biex ikompli jsaħħaħ l-iskwadra.
“Trid tara l-aspettativa finanzjarja. Jekk jittranġaw ċerti issues tkun idea tajba li nagħmlu xi akkwisti. Nemmen li għandna bżonn difensur ċentrali ta’ kwalità u centre forward ta’ kwalità mal-plejers li għandna. Jista’ jkun li hekk ikollna ċans kbir li nsibu postna ma’ l-ewwel sitta. Il-kampjonat huwa twil. L-ikbar problema li kellna fil-bidu kienet tal-barranin. B’xi mod jew ieħor il-Maltin li tlifna ġew mibdula tajjeb ħafna minn Maltin stess li ħadulhom posthom. Irridu nżommu saqajna ma’ l-art. Hawn Malta, taqta’ t-top clubs diffiċli ħafna għall-kumplament biex jieħdu unur. Biex tirbaħ kampjonat jew trophy trid investiment b’mod qawwi.”
Inkellmu fuq il-plejers li kellu din is-sena għad-dispożizzjoni tiegħu. Nitolbu opinjoni fuq min jaħseb li kien l-aħjar plejer ta’ l-istaġun tat-tim tiegħu.
“Ma nixtieqx insemmi min kien l-aqwa plejer ta’ Msida. Ngħidlek biss li l-aqwa kienet il-qalb kbira ta’ kulħadd. Fiż-żmien diffiċli meta wisq probabbli konna aħna l-kandidati serji li se naqgħu bqajna nissieltu sa l-aħħar sakemm sibna x-xorti fil-barranin.”
Nistaqsieh jaqbilx fit-teżi tiegħi li Tyrone Farrugia huwa l-unika plejer ta’ klassi li għandhom Msida St. Joseph.
“Tyrone huwa l-ikbar asset li għandu l-klabb jekk taqta’ lill-barranin. Naħseb li jista’ jilgħab ma’ kull tim ieħor li hawn Malta u ftit jafu li Tyrone huwa wieħed minn dawk li kellu anki offerti minn klabbs barranin. Għad għandu 19-il sena biss u għandu talent kbir. Izda hemm plejers oħra li huma tajbin ħafna u ftit huma nnutati.
“Jien inħobb insemmi ħafna lil Dino Cachia li t-teknika li għandu hija tajba ħafna. Forsi vera ma tantx jidher. Imma huwa intelliġenti ħafna u ħafna mill-piż li kellna dan l-istaġun tfajnih fuqu. Kellu staġun impekkabbli u flimkien ma’ plejers oħra bħal Adrian Farrugia u Pio Sciriha taw dak kollu li jafu. Ma kellniex ħafna plejers ta’ isem iżda kollha kemm huma taw qalbhom biex irnexxielna nsalvaw.”
L-ikbar kwistjoni li tibqa’ tissemma staġun wara ieħor hija l-format tal-kampjonat Premier Malti. Patrick ma jaqbilx mal-mod kif inhu.
“Ma naqbilx definittivament. Il-punti li tkun ġbart se jintilfulek nofshom mill-ewwel. Ħu minn dan l-istaġun. Kieku aħna konna nkunu minn ħafna qabel salvi u mhux kellna nistennew li nirbħu l-ewwel tliet logħbiet mir-Relegation Pool. Anki ċans biex iddaħħal tifel jew tnejn huma limitati.
“Jien nemmen li l-kampjonat għandu jkun bi 12-il tim. Anki għar-Relegation tkun ġlieda bejn ħames timijiet. Jiena ngħid li bi 12-il tim il-kampjonat xorta se jkun missielet bejn erba’ jew ħames timijiet. Iż-żgħażagħ li qed naraw jiġu introdotti fil-kampjonat huma ftit wisq. Għalina kull logħba kienet kruċjali u ma stajt qatt nieħu r-riskju li nilgħab xi tifel żgħir.”
Nurih li ma naqbilx miegħu. Tnax huma wisq għal Malta. L-istess numru ta’ timijiet għandhom l-Iskoċċiżi fil-kampjonat Premiership. Iżda Patrick kif jaħsibha fuq il-kwistjoni tal-barranin?
“Ma naqbilx li jinfetaħ is-suq. Irridu nsalvaw lill-plejers żgħar li tilgħin. Naħseb li għaċ-ċokon tal-pajjiz u għal-livell tal-futbol tagħna tliet barranin huma biżżejjed.”
Nitolbu l-opinjoni fuq min jara l-aktar kandidat serju li jirbaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena ta’ l-MFA.
“Kien hemm ħafna plejers li kellhom staġun tajjeb. Mhix mistoqsija faċli. Iżda jkolli nsemmilek wieħed li kellu staġun pożittiv ħafna ngħidlek li kien David Camilleri. Illum wasal fl-aħħar tal-karriera tiegħu u jkun xieraq li l-unur tal-Plejer tas-Sena ta’ l-MFA jirbħu hu. Kevin Sammut ta’ Marsaxlokk kien tajjeb ħafna u ieħor li kellu staġun kbir kien Rupert Mangion ta’ Ħamrun Spartans.”
Ironikament tnejn minnhom huma Ħamrunizi li ġejjin minn skola tal-futbol Spartana. L-ieħor libes ukoll għal xi żmien il-flokk iswed u aħmar.
Nistaqsih jekk bħala tim żgħir Msida ngħatawx coverage biżżejjed u kif hu personali jħares lejn il-media lokali.
“Jien wieħed li nsegwi l-programmi televiżivi u l-gazzetti. Nemmen li l-coverage qiegħed tajjeb ħafna. Jien personali, għalkemm minn klabb żgħir, kont mistieden xi ħames darbiet u kelli diversi plejers tat-tim li kienu mistednin fuq programmi matul l-istaġun. Naħseb li l-bilanċ bejn it-timijiet iż-żgħar u l-kbar qiegħed tajjeb.
“Veru li ħafna drabi wara l-ewwel logħba jew tnejn jibdew jikkundannaw lil kulħadd. Ma tridx tgħaġġel fil-previżjonijiet tiegħek.”
B’din l-aħħar frażi bħal donnu tefa’ botta diretta lili meta fl-ewwel tliet xhur tal-kampjonat kont għidt li Msida St. Joseph huma l-inqas tim ta’ saħħa fil-kampjonat. Imma nfakkru li dak id-diskors jien kont għidtu qabel is-suq tat-trasferimenti tal-barranin f’Jannar li għadda. Niddiskuti miegħu li l-ikbar previżjoni żgur li ma kinitx tiegħi. Kien hawn ġurnalist ieħor viċin ħafna ta’ Msida li kien ilu staġun sħiħ sa l-aħħar nifs ta’ l-aħħar logħba kontra Hibernians itambar fuq it-televiżjoni li Ħamrun Spartans sejrin Relegation Pool.
Patrick Curmi jirringrazzja lil dawk kollha li kienu viċin tiegħi matul dan il-kampjonat.
“Nixtieq nirringrazzja lill-Kumitat li baqa’ warajja u wara l-plejers. Ma nistax ninsa lill-partitarji, li għalkemm mhux numerużi, baqgħu wara t-tim f’kull ħin u mument.”
Ngħidlu li għas-sena d-dieħla l-ħajja għalih u għall-klabb Misidjan tista’ tkun xi ftit aktar faċli jekk kemm-il darba l-eks President Antoine Portelli jagħmel ir-ritorn tiegħu kif diġà qed jissemma.
“Antoine sas-sena l-oħra kien President u ħabib kbir tiegħi. Din is-sena, għalkemm ma kienx fil-Kumitat, baqa’ viċin it-tim u viċin il-President attwali. Jekk hux se jerġa’ jidħol jew le hija biss deċizjoni tiegħu li jrid joħodha mal-Kumitat. Li hu żgur hu li huwa bniedem kapaċissimu u validu iżda ħass li għandu jagħmel sena mistrieħ.”
Forsi Antoine jiddeċiedi bis-serjetà l-futur tiegħu wara li jkun iċċelebra r-rebħ tal-kampjonat ta’ Inter illum wara nofsinhar. Jekk ma jiċċelebrax kampjonat hekk, nissuġġerilu jaħsibha darbtejn qabel jerġa’ jidħol fil-futbol… |
|
Kurt Sansone jintervista lil George Abela
Editorijal

Il Punt
Ralph Cassar

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|