Carmelo Mifsud Bonnici | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80
Il-bieraħ kellna l-ftuħ uffiċjali tal-11-il Parlament ta’ dan il-pajjiż. Mument importanti bid-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet tiegħu. Kull partit, bil-pożizzjonijiet rispettivi, sab lid-Deputati eletti jieħdu l-ġurament. Dan hu ta’ valur bħalma hu dak tal-għażla ta’ l-Ispeaker, Deputat Speaker u ċ-Chairman tal-Kumitati. Id-deċiżjonijiet li ttieħdu ġew f’mument verament iebes għall-klima politika li mhix waħda tas-soltu. Il-fatt li l-Partit Laburista għandu fuq naħa persuna bħala aġent kap u miegħu Kap ta’ l-Oppożizzjoni li rriżenja, u fuq l-oħra għadu jrid jagħżel il-mexxej futur, mhuwiex proprju stat ta’ normalità.
Wieħed irid isellem li minkejja dan l-istat ta’ l-affarijiet xorta waħda l-partit fl-Oppożizzjoni għażel li jiċċelebra l-1 ta’ Mejju qisu mhux għaddej minn xi taqlib. Imma dik l-istess ġurnata wriet iktar dan l-istat iebes ta’ affarijiet f’partit maqsum bejn jekk għandux jibdel it-triq jew iżommha. Nittama li b’dawn il-kliem ma jien inweġġa’ s-sentimenti ta’ ħadd. Dan hu biss li jidher oġġettivament minn barra. Mument li jitlob ħafna attenzjoni minn kulmin hu fil-ħajja politika.
Ngħid dan bir-rispett kollu lejn il-kollegi ta’ kull naħa. Uħud minna issa drajna sew lil xulxin. Nafu l-kapaċitajiet u d-direzzjoni li nieħdu f’ħidmietna. Forsi żewġ leġislaturi ilu konna għandna kif dħalna, imma llum għandna nħarsu ’l quddiem fuq dik l-esperjenza. It-tnejn għandna s-sehem rispettiv tagħna imma għandna ħafna fejn inħarsu ’l quddiem.
Ħadd minna ma jiddeċiedi jekk ikunx elett jew le, inkella jekk ikunx fuq in-naħa tal-Gvern jew ta’ l-Oppożizzjoni – dak huwa dritt esklussiv tal-poplu. Imma ladarba hemm qegħdin, ngħid li għandna dmir li nibnu spirtu aħjar ta’ kooperazzjoni, speċjalment fuq numru ta’ punti li jitolbu l-piż ta’ l-Oppożizzjoni warajhom.
Ammirajt f’dawn il-jiem il-kandidati li jridu jilħqu Mexxej jew Deputat Mexxej li kellhom l-għaqal li ma jitkellmux bla sens, la fuq il-pożizzjoni ta’ l-Ispeaker u wisq inqas fuq kwistjonijiet oħra. Kienet u għadha stramba kif fuq deċiżjoni tal-futur, għall-ħames snin li ġejjin, ħadu pożizzjoni quddiem il-Prim Ministru żewġ persuni li se joħorġu barra mix-xena.
Kien hemm ħafna doża kif kien qabel iffurmat il-Partit fil-passat, dak li jrid irid jorbot dak li ġej. Għeluq ta’ bieb li, fir-realtà, jaqbel li jkun miftuħ. Għax hemm diversi miżuri li jistgħu jsiru fil-leġislatura jekk tonqos ċerta intransiġenza sterili li konna kważi tlifna t-tama li ser tispiċċa.
Il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista m’għandhiex tittieħed f’dak li mhix. Hi waħda li tħalli l-bieb miftuħ. Waħda li tiggarantixxi s-sistema mingħajr ma ġġib l-istituzzjoni fl-istess indeċiżjoni li inevitabbilment taħkem partit li jrid jagħżel mexxej wara 16-il sena.
Tmexxija li tintagħżel wara l-5 ta’ Ġunju, sija jekk tkunx mill-ewwel ċara jew tiċċarax ruħha iktar ’il quddiem, għandu jkollha l-libertà u l-ispazju biex tiddeċiedi tidħolx f’rapport iktar intelliġenti u għaqli mal-Gvern. Ħidma kostruttiva, iffukata u, fuq kollox, pożittiva miż-żewġ naħat tal-Kamra huma pedamenti għal min ikun hemm fil-Gvern.
Il-ħsieb li l-partit fil-Gvern irid jaħdem hu biex imexxi ’l quddiem il-pajjiż mentri min huwa fl-Oppożizzjoni jista’ jaġixxi b’mod differenti, jew anzi li għandu xi dmir li jżidlu fil-problemi, hu żbaljat.
Irridu t-tnejn inħarsu ’l quddiem u nsibu punti ta’ konverġenza mingħajr ma nitilfu l-identitajiet rispettivi tagħna. Veru li dan ix-xahar jista’ jservi ta’ tentazzjoni għal min qed jikkontesta kariga sabiex jidher “ġellied” iktar minn ħaddieħor però m’għandniex inħallu din l-opportunità taħarbilna. Ma għandniex nitilfu l-okkażjoni ta’ iktar ħidma nazzjonali f’daqqa. M’għandniex nagħlqu bieb fix-xejn. |
|
Kurt Sansone jintervista lil George Abela
Editorijal

Il Punt
Ralph Cassar

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|