MediaToday

Emmanuel Micallef | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80

Il-kunsens ta’ ftehim nazzjonali

Għandu raġun il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jissuġġerixxi lill-imsieħba soċjali biex jerġgħu jibdew jiddiskutu l-possibiltà li jaslu fi ftehim ta’ Patt Soċjali? Fiċ-ċirkostanzi tagħna jista’ xi darba jintlaħaq ftehim bħal dan? Jew aħna magħġunin differenti mill-pajjizi fl-Unjoni Ewropea?
Li aħna differenti u għandna l-partikolaritajiet tagħna hu fatt. Iżda b’daqshekk ma jfissirx li maqtugħin mill-kumplament ta’ l-Ewropa. Anzi rridu nammettu li għandna ħafna x’nitgħallmu mill-esperjenzi ta’ pajjiżi Ewropej li sa llum għadhom iħossu l-ħtieġa li kultant żmien iwettqu l-programmi li jitfasslu f’Patt Soċjali.
Forsi wkoll hi sfortuna li l-Pattijiet Soċjali li nwettqu f’pajjiżna jsiru biss fuq bażi ażjendali. Kull ftehim kollettiv hu forma ta’ Patt Soċjali bejn min iħaddem u l-ħaddiema. Ftit huma l-okkażjonijiet fejn irnexxielna niftiehmu fuq qafas ta’ ftehim li jorbot setturi partikolari, u agħar minn hekk, għadna ma wasalniex fi stat li nifteihmu ta’ l-anqas fuq sett ta’ prinċipji jew linji gwida fuq bażi nazzjonali.
Dan ikompli jagħmilha diffiċli biex naslu niftehmu fuq Patt Soċjali kif inhu mifhum u prattikament f’pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea. Apparti l-piki żejda li jinbtu minn żmien għal żmien bejn organizzazzjoni u oħra, l-ikbar ostaklu biex jitwettaq Patt Soċjali hi l-mentalità jew il-kultura tagħna li għadha tbarrina milli naċċettaw lill-Imsieħba Soċjali li jċedu l-interessi partikolari tagħhom għall-interess nazzjonali. Il-klima ekonomika u soċjali fil-pajjiż tilgħab parti importanti fuq kemm tinħass il-ħtieġa ta’ Patt Soċjali jew le.
Tonio Fenech esprima l-fehma li fuq l-esperjenza li għadda minna fl-2004 jara li l-possibbiltà li jinbdew in-negozjati bejn l-Imsieħba Soċjali bħala xi ħaġa diffiċli u remota biex iseħħ. Ma nlumux! Mhux ta’ l-istess fehma huma l-Prim Ministru u l-Ministru tas-Sigurtà Soċjali. Dawn jidher li fehmu sewwa l-messaġġ li ried jgħaddi l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
Il-Gvernatur qal li ċ-ċirkostanzi ta’ erba snin ilu huma differenti minn dawk ta’ llum. Iżda kemm-il darba ma naħsbux biex bis-serjetà nilqgħu għal mewġ ekonomiku qawwi li hu previst li jiġi minn barra allura nistgħu nitkaxru mal-kurrent bil-konsegwenzi li dak li stinkajna għalih fl-erba’ snin li għaddew jinħatt fi żmien inqas.
Erba’ snin ilu ridna npoġġu pajjiżna fit-triq li jlaħħaq ma’ l-obbligazzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea. Kieku ma ħadniex ħsieb dan kieku llum ma ninsabux fl-istat li ninsabu fih u ma konniex inkunu rikonoxxuti mill-istess Unjoni Ewropea li aħna stat membru li mixjin fuq il-kriterji tagħhom u li jiddistingwuna minn oħrajn għal fini ta’ politika monetarja, fiskali u ekonomika sana.
Ikun hawn min jirraġuna li rnexxielna niksbu r-riżultati meta ma kellniex Patt Soċjali. Iżda l-argument għandu jorbot mal-fatt dwar kemm konna navvanzaw iktar kieku kien fis-seħħ Patt Soċjali għal pajjiżna. Illum jinħtieġ li nagħmlu eżerċizzju simili ieħor.
Qabel ma nibdew nitkellmu dwar Patt Soċjali l-ewwel irridu nistabilixxu jekk verament aħniex fi stat li l-aħjar soluzzjoni tkun li l-Imsieħba Soċjali kollha, inkluża s-soċjetà ċivili, jagħtu sehimhom u jiġbdu ħabel wieħed. Għal mument irridu ninsew ir-rettorika politika li ikkaratterizzat il-kampanja elettorali li għaddiet u niffukaw fuq ir-realtajiet li qed ikollna niffaċċaw bħala pajjiż.
Kemm-il darba jirriżulta li l-qagħda ekonomika u soċjali ta’ bħalissa mhix se tibqa’tkun kredibbli u sostenibbli fil-futur immedjat, allura ma nistgħux nibqgħu jdejna fuq żaqqna. Skond il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jidher li l-forzi internazzjonali se jġegħluna nissikkaw iċ-ċinturin għal xi żmien u għalhekk jixtieq jara li jinbdew in-negozjati għal Patt Soċjali. Forsi wieħed m’għandux joqgħod biss għall-konklużjoni tal-Gvernatur iżda nistgħu nanalizzaw is-sitwazzjoni b’mod xjentifiku u professjonali u kulmin hu f’pożizzjoni ta’ awtorità jħabbtu ras ma’ ras biex naraw kif nilqgħu għal mewġ. Jekk mill-banda l-oħra l-qagħda hi differenti allura nistennew l-esperti jgħidulna bla tlaqliq li aħjar ma ninfaxxawx rasna qabel naqsmuha!
Żgur li xi forma ta’ deċiżjoni trid tittieħed. Ma jagħmilx ġid jekk ir-responsabbilità tad-deċiżjoni taqa’ biss fuq il-Gvern li tajjeb jew ħażin ikollu jimponi miżuri u piżijiet li forsi permezz ta’ Patt Soċjali l-impatt tagħhom ikun inqas. Min-naħa tiegħu, l-Gvern m’għandux juża n-negozjati tal-Patt Soċjali qisu jrid jagħmel xi gwadann politiku – iktar u iktar jekk l-Oppożizzjoni tiddeċiedi li tinvolvi ruħha fil-proċess. Jekk l-intenzjoni tal-Gvern hi din allura aħjar ma jsir xejn.
Qabel ma l-Imsieħba Soċjali jpoġġu madwar il-mejda jrid ikun assigurat li Patt Soċjali jkun sforz kollettiv u li hu ’l fuq mill-politika. Nippreferi kieku l-inizjattiva tittieħed mill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u l-proċess ta’ negozjati u ftehim jibqa’ jinżamm taħt it-tmexxija awtonoma ta’ dan il-Kunsill.
Jagħmel tajjeb jekk il-Kunsill jutilizza s-servizzi tat-teknokratiċi f’dan il-qasam. Jekk għall-Gvern il-Patt Soċjali jintuża biex effettivament jabdika mir-responsabbilità politika tiegħu, u jekk l-Oppożizzjoni tħares lejn il-Patt Soċjali bħala turija ta’ kompliċità fil-politika ekonomika u soċjali kif imfassla mill-Gvern, allura nsostni li aħjar ma jsir xejn għax inkunu qed nheżzu l-istess pedament ta’ Patt Soċjali fl-interess nazzjonali.
Iżda jekk ġenwinament il-partijiet kollha konċernati jagħtu sehimhom għax jifhmu l-ħtieġa imminenti ta’ Patt Soċjali allura ma nifhimx għalfejn għandna noqogħdu nkaxkru saqajna. Din mhix kwistjoni ta’ jekk u kemm il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali kellux raġun jew le.
Il-mistoqsija li rridu nagħmlu hi waħda: il-Patt Soċjali għandna bżonnu jew le?

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Kurt Sansone jintervista lil George Abela


Editorijal
Wara l-votazzjoni


Il Punt
Sfreġju Ħ’Attard
Ralph Cassar


Toni U Peppi


Il-ħatriet fil-bordijiet u awtoritajiet. Il-grazzi għal min għandu għajnejh blu?



Emmanuel Micallef
Il-kunsens ta’ ftehim nazzjonali


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bibien m’għandhomx jingħalqu



X'kien Jgħid
Il-konfużjoni Laburista tikkonfondi lil Lorenzo



Wenzu Mintoff

Sitwazzjoni skomda
Minn ewl id-dinja li partit li jkun tilef l-elezzjoni jgħaddi minn mumenti diffiċli sakemm isib saqajh u jerġa’ lura għar-rutina politika.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan