Aħbarijiet | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80
Michael Falzon
www.falzonmichael.com
Kemm-il darba tkellimt u ktibt dwar il-ħtieġa li l-Partit Laburista, biex jiġbed il-fiduċja ta’ l-elettorat lejh, qabel xejn irid iħossu komdu miegħu nnifsu; u dan, biex ħaddieħor ikun jista’ jibda jħossu komdu ma’ l-istess Partit. Niltaqa’ ma’ bosta delegati li juruni t-tħassib tagħhom li, filwaqt li l-Partit qed dejjem jenfasizza aktar il-ħtieġa li niġbdu liż-żgħażagħ lejna, jibżgħu li lilhom għad ninsewhom, jew b’xi mod inwarrbuhom.
Dan m’għandux ikun il-każ. Anzi, il-ħidma ta’ dawk li ilhom għal snin twal jimmilitaw fil-Partit għandha tkun apprezzata u mpoġġija fuq quddiem, bħala mudell għaż-żgħażagħ li tilgħin. L-istorja tagħna, bħala Partit li jifforma parti minn moviment tal-ħaddiema, hi għalina wieħed mill-akbar teżori tagħna. L-istorja turina r-relevanza li l-Partit Laburista kellu fis-snin imgħoddija u li għad għandu llum. Meta l-Partit Laburista kellu viżjoni ċara u miri preċiżi, minkejja d-diffikultà li kien hemm biex dawn il-miri jintlaħqu, dejjem ħakmet l-immaġinazzjoni tal-poplu, mhux lanqas taż-żgħażagħ.
Dawk li llum iqisu lilhom infushom bħala l-veterani tal-Partit u tal-moviment, f’dawn iż-żminijiet kienu ż-żgħażagħ li fil-Partit Laburista raw il-boxxla li tagħti direzzjoni lejn il-ġejjieni. Illum irridu niġbru magħna żagħżagħ ġodda biex għada pitgħada jkunu huma l-vetarani li jittrasmettu t-tagħlim ta’ l-istorja lil dawk ta’ warajhom.
Din il-ġimgħa, fost id-diversi laqgħat li kelli, ħadt l-opportunità li niltaqa’ mar-rappreżentanti taż-żgħażagħ fl-Università. Kienet opportunità sabiħa li matulha tkellimna b’mod miftuħ dwar ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet li għandhom huma, u dwar il-mod kif nixtieq li l-Partit Laburista u eventwalment Gvern Laburista, jinkludihom b’mod sħiħ bħala parti minn tmexxija dinamika għal pajjiżna.
Għalkemm ma naħsibx li fost dawn iż-żgħażagħ kien hemm delegati tal-Partit u għalkemm jien ċert li bosta minnhom ma jħaddnux it-twemmin Laburista, kellna laqgħa ta’ djalogu li tat eżempju ħaj dwar kif id-djalogu jista’ jwassal għal konverġenza ġdida fejn minkejja d-differenza ta’ l-opinjoni nistgħu xorta waħda nsibu punti ta’ qbil, biex flimkien nibnu l-aħjar ġejjieni għalina lkoll. Dan ukoll għandu jkun il-mod biex anke fl-intern tal-Partit nikkomunikaw bejnietna, u minflok ikollna diverġenza bejn il-ġenerazzjonijiet, ikollna konvergenza biex kulħadd iħossu li jista’ jagħti sehmu u li għandu parti fid-deċiżjonijiet. |
|
Kurt Sansone jintervista lil George Abela
Editorijal

Il Punt
Ralph Cassar

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|