Ittri | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80
Minn Caroline Schembri,
Żurrieq
Illum il-ġurnata d-dehra hi importanti fil-politika u Joseph Muscat żgur li għandu dehra pożittiva u eleganti li togħġob lill-votant.
Għandu atteġġament naturali u jaf jikkomunika. L-età żagħżugħa ta’ Muscat hi wkoll ta’ vantaġġ għall-Partit Laburista. L-ebda partit politiku Malti jew barrani ma jagħżel mexxej għal ftit snin u jbiddlu daqshekk malajr.
It-tmexxija ta’ partit hi xi ħaġa serja u għalhekk għandna bżonn nagħżlu mexxej li jkollu enerġija fit-tul. Mexxej ġdid irid ikun hemm għal xi 10 jew 15-il sena. Muscat ma jkollux problema ta’ anzjanità f’dan is-sens.
Ilkoll nafu kemm kellu suċċess Muscat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Imma Muscat għamel ukoll impatt kbir bix-xogħol Ewroparlamentari tiegħu u saħansitra rnexxielu jieħu ħafna inizjattivi pożittivi għal Malta.
Mhemmx dubju li d-dmirijiet tiegħu fl-Ewropa Muscat jaqdihom sew bħal meta tħabat fuq il-kwistjoni tat-taxxa ta’ l-ivvjaġġar u t-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-karrozzi għall-benefiċċju ta’ kulħadd.
Ma ninsewx lanqas l-atteġġament patrijottiku ta’ Muscat meta iddikjara li kellu d-dritt jitkellem bil-Malti fil-Parlament Ewropew.
Xogħol Muscat mhuwiex biss fi Brussell u Strasbourg. Ħafna drabi ssibu Malta jieħu sehem f’attivitajiet tal-Partit Laburista.
F’dawn l-aħħar snin Muscat irnexxielu wkoll isib il-ħin jistudja għad-Dottorat mill-Università ta’ Bristol. Ma tistax ma tammirahx għad-dedikazzjoni tiegħu biex jidħol għal biċċa xogħol u jistinka sakemm iwettaqha.
Muscat hu raġel tal-familja u missier ta’ żewġt itrabi żgħar. Fil-ħajja politika tiegħu dejjem kellu l-appoġġ ta’ martu Michelle li minn dejjem kienet attiva fil-promozzjoni tal-Partit Laburista. Muscat u martu jagħmlu tim Laburista b’saħħtu.
Illum post Malta fl-UE hu fatt u għalhekk kulmin imexxi partit irid ikollu esperjenza Ewropea. M’hemmx dubju li Muscat ġabar l-esperjenza meħtieġa kemm ilu Membru Parlamentari Ewropew.
Muscat qatt m’għejja jew qata’ qalbu tul iż-żmien kollu li ilu jaħdem fil-Partit Laburista. Fix-xita u fix-xemx, fil-ferħ u fid-dwejjaq, dejjem baqa’ hemm. Qatt ma tilef il-kuraġġ u kuldarba li kien hemm xi diffikultà kliemu dejjem kien: ‘Tibżgħux, ħbieb, taqtgħux qalbkom. Din diffikultà li se nsolvu bi tbissima. Din hi biss sfida li se negħlbu.’
Għalija Muscat hu tipikament is-suldat ta’ l-azzar Laburista li se jkun magħna sod u qalbieni sar-rebħa. |
|
Kurt Sansone jintervista lil George Abela
Editorijal

Il Punt
Ralph Cassar

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|