Ittri | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80
Minn Emmanuel Mazzitelli,
Santa Venera
Nirreferi għall-ittra ta’ Joseph Farrell li dehret fit-13 ta’ April. Inħoss il-bżonn li għandi nwieġeb kumment li ingħad fil-konfront ta’ Wenzu Mintoff.
Jien lil Farrel ma nafux. Iżda lil Wenzu Mintoff ilni nafu 30 sena, sa miż-żmien li konna studenti. Hu bniedem rett, ġust, onest u integru. Wenzu hu bniedem li jara fil-bogħod, bniedem li tieħu pjaċir tiddiskuti miegħu, bniedem kolt, istruwiet u fuq kollox bniedem ta’ qalb kbira.
Bniedem li qatt ma beża’ juri fehmtu, ikkritika lill-Partit Laburista meta kien hemm bżonn li jagħmel dan u saħansitra issagrifika l-karriera politika tiegħu, lura fl-1989, f’tentattiv li jara l-Partit Laburista jitnaddaf.
Altru milli jiżra’ l-firda fl-MLP bil-kitba tiegħu, Mintoff kien dik il-persuna li 19-il-sena ilu ħa pożizzjoni iebsa u kuraġġuża fil-konfront ta’ dawk li fil-fehma tiegħu kienu ta’ mażżra għall-Partit Laburista. Illum ħafna jirrikonoxxu li dakinhar Wenzu kellu raġun. Il-kontribut tiegħu ta żvolta ġdida lill-Partit Laburista.
Nawgura li fil-politika Maltija ikun hawn aktar nies bħal Wenzu, li jkollhom il-kuraġġ li jitkellmu, jesprimu ruħhom favur is-sewwa anki jekk jagħmluh b’detriment għalihom – kif għamel Wenzu fil-mument tal-verità meta mar jiffaċċa l-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista fl-1989.
Fid-dawl ta’ dan jien nara li Farrel kien żbaljat meta għamel dak il-kumment fuq Wenzu. Kummenti ta’ din ix-xorta ma jagħmlu ġid lil ħadd u hu vera barra minn loku li wieħed jinqeda b’kummenti dispreġġattivi ta’ din ix-xorta biex imbagħad jgħidilna min fl-opinjoni tiegħu għandu l-kwalifiki meħtieġa biex imexxi lill-Partit Laburista. |
|
Kurt Sansone jintervista lil George Abela
Editorijal

Il Punt
Ralph Cassar

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|