MediaToday

Intervista | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80

Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Kurt Sansone jintervista lil George Abela

“Jien nieqaf hawn.” Dak kien l-aħħar kliem ta’ George Abela fis-sajf imqalleb ta’ 10 snin ilu meta għall-aħħar darba ra l-għatba tal-kwartieri fil-Hamrun.
Żamm is-silenzju tiegħu għal dan iż-żmien kollu iżda wara l-aħħar telfa elettorali għall-Partit Laburista u r-riżenja irrevokabbli ta’ Alfred Sant, Abela qed jinsisti li hu lest biex imexxi.
Beda t-tiġrija tiegħu minn waranett imma bil-mod il-mod mhux biss irnexxielu jisforza konferenza ġenerali straordinarja biex id-delegati jiddeċiedu jwessgħux il-votazzjoni għall-Kap ukoll lit-tesserati imma sab ħafna widnejn miftuħin għall-messaġġ tiegħu.

Fl-1998 Alfred Mifsud kien kiteb lil Alfred Sant iwissih dwarek u kif il-fazzjoni tiegħek kienet qed taħdem ma’ Mintoff biex tiddistabilizza t-tmexxija tiegħu. Illum Mifsud qed jappoġġak fil-miftuħ, Mintoff ukoll qed jagħtik l-appoġġ u ħafna min-nies prominenti madwarek huma nies li kisruha ma’ Sant. George Abela jirrappreżenta lil-Laburisti li ma jaħmlux lil Sant?
Ċertament li le. Jien dejjem ħdimt id f’id ma’ Sant u dejjem kont leali lejh. Hi skorretta li tgħid li nirrappreżenta xi nies jew nifforma xi parti minn grupp li ma jaħmlux lil Alfred Sant. Dwar il-konklużjonijiet li għamel dwari Alfred Mifsud fl-1998, hu stess kiteb issa u qal li kienu konklużjonijiet żbaljati. Dakinhar kiteb dwar x’fehem hu. Illum, 10 snin wara, irrealizza kemm kien żbaljat.
Lill-Partit Laburista qatt ma xtaqtu jitlef dik l-elezzjoni li tfisser ukoll li ridt lil Alfred Sant jibqa’ Prim Ministru ta’ Malta. Qatt ma kont nifforma parti minn xi fazzjoni, la tal-Perit Mintoff u la ta’ ħadd. Qatt ma kont pupazz f’idejn ħadd u qatt m’jien se nkun, iktar u iktar fl-età tiegħi llum. Dejjem tkellimt dak li ħassejt.

Int kont parti mit-tim tat-tmexxija li rebħet elezzjoni bl-għajta ta’ Svizzera fil-Mediterran, li tneħħi l-VAT u ħalliet lil ħafna jemmnu li se jitneħħew il-cash registers. X’ġara minn dakinhar, rajt id-dawl fit-triq għal Damasku?
Iva rbaħna fuq dak il-programm imma dik kienet deċiżjoni demokratika tal-poplu u għalhekk irridu nirrispettawha.
Madankollu kif dħalna fil-Gvern sibna sitwazzjoni ferm differenti minn dik li ħsibna li konna se nsibu partikolarment fejn jidħlu l-finanzi. Konna sibna dak il-famuż memo ta’ l-eks Ministru John Dalli li l-finanzi tal-pajjiż kienu f’qagħda prekarja. L-ekonomija kienet staġnata wkoll u allura ridna nkunu daqsxejn flessibbli fuq il-programm tagħna.
Fuq l-Ewropa ġraw żewġ fatti marbuta ma’ xulxin. Il-kwistjoni tal-VAT u r-relazzjoni tagħna ma’ l-UE.
L-ewwel indikazzjoni li kont involut fiha ġiet meta l-Kummissjoni Ewropea bagħtet delegazzjoni teknika biex tevalwa s-sistema ta’ tassazzjoni ġdida u qalulna li kienet se tkun diskriminatorja kontra prodotti li joriġinaw fl-UE. Huma qalulna li bħala stat sovran stajna ndaħħlu sistema diskriminatorja madankollu bl-istess mod huma setgħu jittrattaw prodotti li joriġinaw minn Malta.
Għalija dakinhar xegħlet il-bozza l-ħamra. Fil-fatt id-diskriminazzjoni konna neħħejniha.
Dik fetħet ukoll il-possibbiltà li nirrikunsidraw l-iffriżar ta’ l-applikazzjoni għal sħubija. Il-friża ta’ l-applikazzjoni ma kenitx tfisser li ma mmorrux għal sħubija sħiħa, imma kienet tfisser li ħadna stocktaking tas-sitwazzjoni u ta’ x’inhuma l-aħjar relazzjonijiet ma’ l-UE.
Internament konna partit li niddiskutu ħafna, konna awto-kritiċi ħafna. Tkellimna informalment fuq ġewwa dwar xi forma ta’ konverġenza mal-Partit Nazzjonalista biex insibu triq komuni bejnietna.
Kienu żewġ affarijiet li ġraw fil-bidu tal-leġislatura u allura kellna ż-żmien li nsibu s-soluzzjonijiet neċessarji. Imbagħad ġara l-inkwiet kbir tal-Perit Mintoff, li kont assolutament kontrieh.

Int qbilt ma’ elezzjoni bikrija?
Lil Mintoff fil-Parlament ma kien ikellmu ħadd u offrejt biex nimmedja imma ma wasaltx. Qatt ma qbilt ma’ li għamel Mintoff li skossja l-ħajja tal-Gvern. Madankollu lanqas ma qbilt li niffaċċawh billi mmorru Bormla, u jien dakinhar ma nżiltx. Dan ma jfissirx li jien kont xi biċċa waħda mal-Perit Mintoff.
Kont naqbel li kellha ssir elezzjoni imma ma qbiltx li dak kien il-mument.
Jien fhimt li l-Gvern ma setax ikompli jiffunzjona fid-dell tal-Perit Mintoff imma l-mument kellna nagħżluh aħna u mhux Mintoff.

Bit-trasformazzjoni li għamilt minn persuna li rbaħt elezzjoni bl-għajta Svizzera fil-Mediterran għal xi ħadd li ħadem fil-MEUSAC waqt in-negozjati għal sħubija ħafna Laburisti jistaqsu jekk ivvutajtx lill-PN?
Fir-referendum ivvutajt ‘iva’ biex pajjiżna jissieħeb fl-UE. Meta ġejna għall-elezzjoni ġenerali vvutajt fuq bażi ta’ partit u l-partit tiegħi dejjem kien il-Partit Laburista.

Fuq Net TV kont dehert fi programm mhux politiku dwar Lawrence Gonzi u bħala ħabib tiegħu għaddejt kelma tajba dwaru. Kif int differenti minn Gonzi għax hemm min jgħid li int fotokopja tiegħu?
Ma jien fotokopja ta’ ħadd u lanqas clone ta’ xi ħadd. Jien George Abela. Aħna konna fl-istess kors tal-Liġi u allura nafu sew lil xulxin. Il-politika trid issir billi nikkonvinċu lin-nies u mhux billi nattakkaw lill-persuni. Jien immur fuq l-argument u ma’ Gonzi qatt ma rajt għajn ma’ għajn fuq il-politika u lanqas se nara.

Jekk tkun mexxej se ssejjaħ konferenza ġenerali minnufih biex id-delegati jkollhom id-dritt jagħżlu l-amministrazzjoni tal-partit?
Jekk fl-organi tal-partit ikun hemm din ix-xewqa mhux se nkun jien li nwaqqaf id-diskussjoni.

Bħala mexxej ikollok id-dritt li ssejjaħ konferenza meta trid...
Naturalment imma nkun irrid nara wkoll is-sentiment fuq ġewwa x’inhu.

Int għedt li lest tagħmel l-ewwel żmien tiegħek bħala kap barra l-Parlament biex tikkonċentra fuq il-partit. Dan ifisser li se naraw lil George Abela, Kap tal-MLP u Alfred Sant, Kap ta’ l-Oppożizzjoni?
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni f’każ bħal dan ikun id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament. Meta qed ngħid li se nagħmel ċertu żmien barra l-Parlament qed nitkellem fuq kwistjoni ta’ ftit xhur għax eventwalment ikolli nsib posti fil-Parlament.

Lil Alfred Sant tridu fil-Parlament u fil-Partit?
L-elettorat għażel lil Alfred Sant biex ikun fil-Parlament u dik irrid nirrispettaha. Jekk qed taħseb li fuq livell personali għandna problema nista’ niżgurak li le. Ma’ Alfred Sant George Abela dejjem kellu relazzjonijiet mill-aħjar u ta’ lealtà, dik importanti. Fejn ma qbiltx miegħu urejtu għax ridt il-ġid tiegħu stess u fuq kollox tal-partit.

Waħda mir-riformi li se jkun qed jagħmel il-Gvern fil-ħames snin li ġejjin hi dik tal-Mepa. Bħala Kap ta’ l-Oppożizzjoni u Kap tal-MLP se tkun mistenni tikkritika din ir-riforma. Tħossok f’pożizzjoni komda li tagħmel din il-kritika meta int jew il-kumpanija tiegħek irċevejtu flejjes mill-Mepa għas-servizzi legali li tajtuha? Tħoss li għandek kunflitt?
Ma naħsibx li fl-10 snin li għaddew għax kien hawn Gvern Nazzjonalista ma stajtx naħdem ta’ avukat. Hemm Membri Parlamentari li jieħdu proġetti tal-Gvern. X’hemm ħażin b’dan? L-importanti li teħodhom bis-sewwa.
Fil-każ tal-kumpanija tiegħi ta’ l-avukati l-offerta tal-Mepa kienet b’sejħa pubblika u rbaħniha aħna fost kompetizzjoni ma’ kumpaniji oħra. S’issa m’għandi l-ebda kariga fil-Partit u allura m’għandix kunflitt. Imma jekk insir mexxej imbagħad ikolli kunflitt u allura jien żgur ma nistax nibqa’ wieħed mill-avukati ta’ kumpanija li taħdem mal-Mepa. Fejn għandna nikkritikaw se nikkritikaw u nemmen ħafna fir-riforma tal-Mepa.
Fil-manifest tiegħi diġà iddikjarajt li lest naħdem biex fejn jidħol żvilupp ta’ ċertu kobor nippruvaw nilħqu kunsens bejn il-partiti speċjalment fejn jidħlu żviluppi barra ż-żoni ta’ l-iżvilupp.

Taqbel li l-MLP għandu jitlob maħfra tal-vjolenza li twettqet fit-Tmeninijiet?
Assolutament m’għandi l-ebda diffikultà nitlob maħfra. Min weġġa’ jaf li ma kontx involut f’dawk l-inċidenti. Bħala membru tal-Partit Laburista dak li sar ħażin mhux se naqbel miegħu. Jekk irridu nħarsu ’l quddiem iż-żewġ partiti l-kbar kellhom it-tajjeb u l-ħażin tagħhom u fejn sar ħażin kulħadd irid ibaxxi rasu u jitlob skuża.

Taqbel ma’ l-isħubija ta’ Malta fil-Partnership for Peace?
Iktar il-mod kif saret hu ħażin. Il-Gvern ipprova jirrombla. Dan mhux mod kif taħdem, iktar u iktar meta Gonzi għandu maġġoranza daqshekk prekarja. Prekarja mhux fis-sens ta’ partit għax wara kollox il-PN rebaħ il-Gvern imma prekarja fis-sens tas-sentiment ta’ l-elettorat. Bil-mod kif ivvutaw in-nies taw indikazzjoni ċara li l-politika kif kien miexi biha qabel, jiġifieri għax ikollok ħames siġġijiet tirrombla, ma togħġobhomx.
Il-Gvern ta’ Gonzi qed jagħti sinjali ħżiena fosthom b’din tal-PfP u b’numru ta’ karigi pubbliċi li ngħataw b’mod partiġġan.
Hemm karigi fejn wera prudenza, bħall-għażla tal-Bord Editorjali tal-PBS, imma mbagħad ma tistax tagħmel uffiċjal tal-komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru lil xi ħadd li lbieraħ kien f’kariga simili fil-Partit.
Tal-PfP kienet nuqqas ta’ turija ta’ rispett lejn l-Oppożizzjoni anki għall-fatt li l-Gvern seta’ indikala l-programmi li beħsiebu japplika għalihom biex imbagħad anki l-Oppożizzjoni tkun tista’ tikkonvinċi lin-nies tagħha stess jekk ikun il-każ.

Taqbel li l-MLP għandu jipproponi liġi tad-divorzju?
Se nitkellem b’mod miftuħ iktar minn hekk. Il-manifest tiegħi tkellem ukoll fuq id-drittijiet tal-minoranzi li jinkludu wkoll persuni li jikkoabitaw.
Is-sena li għaddiet kont kelliem ewlieni f’laqgħa għall-kappillani li saret fuq jumejn dwar il-koabitazzjoni. Kont tkellimt fuq il-bżonn li nħarsu d-drittijiet tal-minoranzi.
Wasal iż-żmien li jkun hemm leġislazzjoni li tirregola d-drittijiet li għandhom persuni li jikkoabitaw u persuni gay. Filwaqt li bħala partit nibqgħu kommessi lejn il-valur bażiku tal-familja rridu naraw li d-drittijiet tal-minoranzi jkunu regolati.
Kelli każ fejn il-qorti annullat għotja li kien għamel raġel lill-mara li kien ilu jgħix magħha għal 20 sena għax il-mara li kien miżżewweġ magħha u uliedu oġġezzjonaw. Għalija din is-sitwazzjoni mhix aċċettabbli iktar u iktar fejn għandek relazzjoni stabbli.

Anki koppji gay?
L-istess. Kien influwenzani l-argument ta’ l-Arċisqof Pawl Cremona li qal li rridu nżommu distinzjoni netta bejn il-morali li nemmnu fihom u d-drittijiet legali u ċivili li joħorġu minn relazzjonijiet li jitwieldu fis-soċjetà. Jien għandi dan l-istess twemmin.
M’aħniex stat konfessjonali u għalhekk irridu naħsbu f’dawn ir-relazzjonijiet u nirregolawhom. Ma nistgħux inħalluhom għal rashom jew nikkunsidrawhom illeċti.

Taqbel li għandu jidħol id-divorzju?
Irridu naraw x’inhi u x’se tkun id-diskussjoni fil-pajjiż.

Imma dik il-politika li kellu l-MLP fl-aħħar manifest elettorali.
Ma nistgħux nimponu fuq xi ħadd. Madankollu nirrikonoxxi li fuq id-divorzju għandna pożizzjoni anomala fil-pajjiż għax il-qrati Maltin iridu jirrikonoxxu divorzju ġej minn barra imma m’għandhomx id-dritt li jagħtuh huma. Qed nitkellem fuq bażi ta’ drittijiet ċivili u legali għax bħala George Abela mhux fuq divorzju rrid nitkellem imma fuq kif tissaħħaħ il-familja.

Taqbel mal-proposta tal-PN li l-ogħla rata tat-taxxa fuq id-dħul għandha tinżel minn 35% għal 25% ħlief għal dawk li jaqilgħu €60,000?
Il-problema tal-PN hi li l-wegħdi kollha li għamel fil-kampanja elettorali qishom dawk iċ-chickens that have come home to roost. Hemm diffikultajiet kbar biex tiġi implimentata din il-wegħda. Ara x’ġaralna issa. Splodielna l-prezz taż-żejt u l-Gvern Nazzjonalista issa marbut bil-wegħda li skond stimi tiegħu stess se tiswa Lm20 miljun. Apparti dan hemm il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja sfrenat li qed jagħfas fuq il-familji.
Il-Gvern irid jistaqsi x’inhu l-aħjar: li jgħin il-poplu billi jtaffielu l-problema tal-għoli tal-ħajja u jwieżen lill-familji li raw iż-żieda antiċipata tittiekel jew iżomm ma’ dik il-wegħda li minnha s-saffi ta’ isfel żgur mhux se jgawdu.

Taqbel mal-proposta li saret fil-manifest tal-MLP li s-sahra ma tkunx intaxxata?
Jien naħdem fil-qasam tax-xogħol u mill-esperjenza tiegħi dehrli li ħafna nies li jagħmlu s-sahra diġà kellhom is-sahra mhux intaxxata bil-mod kif jaqgħu fis-saffi tat-taxxa fuq id-dħul. B’mod popolari ma naħsibx li din il-miżura niżlet tajba man-nies.

Taqbel li ċ-Childrens Allowance għandha tingħata lil kulħadd, ikun xi jkun id-dħul tal-familja?
Ikun irid isir studju biex naraw x’impatt se tħalli. L-impatt tas-sistema kif inhi llum ma nafx x’inhu. Inkun prużuntuż jekk ngħid li din proposta tajba. Trid tara l-impatt soċjo-ekonomiku ta’ kull wegħda li ssir.

X’inhi l-politika tiegħek fuq l-immigrazzjoni illegali?
Ma nitlaqx bil-preġudizzju kontra l-immigranti irregolari. Mhumiex illegali għax ħafna minnhom jidħlu hawn biex isalvaw ħajjithom. Hi kwistjoni ta’ bilanċ bejn id-drittijiet li huma għandhom ibbażati fuq id-dinjità tal-persuna u l-interess nazzjonali. Ħdimt fosthom dawn in-nies u kienet esperjenza li ffurmatli l-karattru.
Ċertament ma naqbilx li f’pajjiżna jkun hawn nies jgħixu taħt it-tined. Mort narahom hemmhekk u m’hemm l-ebda skuża infrastrutturali jew finanzjarja biex inċaħħdulhom id-dinjità li jixirqilhom. Lanqas ma naqbel li d-detenzjoni għandha tkun għal sena u nofs. Il-perjodu hu twil wisq. Għandu jkun massimu ta’ sena u għandna niddeċiedu sa dak iż-żmien.

L-Oppożizzjoni għandha tagħmel ftehim ta’ pairing mal-Gvern?
Is-sitwazzjoni bħalissa żviluppat f’min se jwaħħal f’min. Lawrence Gonzi akkuża l-Oppożizzjoni li żvelat x’kienu d-diskussjonijiet u aħna bħala partit inwaħħlu fil-Gvern li suppost ġie bi proposta li ma kienet proposta xejn għax meta qed joffri Speaker bil-kundizzjoni li jkun deputat minn tiegħek tasal tgħid x’qed joffrilek dan?
Meta int qed tinnegozja, tinnegozja fuq pakkett u fuq ġewwa. Imbagħad bħalma jsir mill-unions tmur quddiem niesek u tippreżentalhom il-pakkett li probabbilment ikun fih kompromessi miż-żewġ naħat.

Taqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Galdes biex donazzjonijiet lill-partiti politiċi ta’ aktar minn Lm10,000 ikunu illegali u donazzjonijiet ta’ iktar minn Lm5,000 ikun ippubblikat is-sors?
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu aġġornati u implimentati. Ikun aħjar għal kulħadd għax tevita li jkollok nies li jagħtuk donazzjoni u jkollhom intenzjonijiet li dik jużawha qisha investiment.

Int għedt li l-MLP hu partit mifni bid-dejn. Michael Falzon sostna li l-problema ma baqgħetx tikber f’dawn l-aħħar ħames snin u fil-kampanja l-partit ma ssellifx ċenteżmu wieħed. X’se tkun qed tagħmel biex issolvi din il-problema?
Bħala parti mir-riorganizzazzjoni amministrattiva u finanzjarja tal-Partit Laburista nkun irrid inkun naf x’inhi l-qagħda finanzjarja tal-partit u anki l-fergħat tiegħu kif ukoll ONE TV. Għalhekk insejjaħ għal audit indipendenti. Din kont għamilta meta dħalt fil-Malta Football Association.
Dan ikun meħtieġ biex fuq medda ta’ snin inġibu l-finanzi b’saħħithom ħalli l-partit ikun jista’ jippjana bil-quddiem il-kampanji tiegħu.

Int kont Deputat Mexxej meta twaqqaf ONE TV u r-radju. Illum temmen li l-partiti politiċi għandhom ineħħu l-istazzjonijiet televiżivi tagħhom?
Fis-sitwazzjoni kif inhi llum żgur li le. Minn dak li rajt u segwejt ONE TV għandu apparat u riżorsi umani li huma l-aħjar fil-pajjiż. Imma l-messaġġ politiku tagħna mhux l-aħjar. Aħna l-aħjar fejn jidħol divertiment u fil-parti edukattiva ta’ stazzjon. Imma meta niġu għall-informazzjoni, nistaqsi jekk hux qed inwasslu l-messaġġ tal-verità b’tali mod ukoll li jirrispetta l-avversarju tagħna. Qed nittrattaw l-avversarju b’mod dinjituż jew qed inmorru għall-garġi ta’ dak li jkun, għall-persuna tiegħu u l-messaġġ dejjem jasal b’mod negattiv? M’għandnix nibżgħu ngħidu fejn hu tajjeb u nuru li aħna kapaċi ntejbuh.
Inkella mhux se nkunu kredibbli. Kif se tirbaħ l-imħuħ u l-qlub tan-nies li llum qed jitbiegħdu miż-żewġ partiti jekk m’għandekx kredibbiltà u konsistenza?
Il-bidla trid tkun radikali kemm f’kontenut u stil.

Sodisfatt bil-mod kif qed jitmexxa ONE TV f’din il-kampanja għat-tmexxija?
L-affarijiet irranġaw ħafna. L-affarijiet minn kif kienu meta bdejt it-tellieqa elettorali jien għal kif qed jiżviluppaw, anki jekk kull ġurnata trid toqgħod viġilanti, iġegħluni nkun sodisfatt.

Int għedt li se tibqa’ tagħti sehmek fl-MLP anki jekk ma tintgħażilx kemm-il darba l-affarijiet isiru sewwa. Jekk skond int l-affarijiet ma jsirux sewwa x’se tagħmel, twaqqaf partit għal rasek bl-għajnuna tan-nies li qed jappoġġawk?
Assolutament le. Ħallik milli nagħmel partit għal rasi. Jekk mhux se nbiddlu l-approach tagħna mhux se jirnexxielna. Jgħiduli għax il-floater iħares ħafna iktar lejk. Imma mhux dan li jrid il-Partit Laburista? L-aqwa ċertifikat tiegħi hu x’għamilna bejn l-1992 u l-1996 għax f’dak il-perjodu tajna fiduċja lin-nies li jistgħu jafdawna. Serraħnilhom moħħom. Dak li rrid nagħmel jien. Jien se nibqa’ naħdem fil-partit kif dejjem għamilt mhux bilfors f’xi kariga. Miniex interessat li nikkontesta għal Deputat Mexxej. Imma fejn jindikali l-mexxej nkun lest naħdem. F’dawn l-10 snin li għaddew għent numru ta’ kunsilli Laburisti, kunsilliera Laburisti, anki każini Laburisti. Għent lil kull ħaddiem li ħtiġlu l-għajnuna tiegħi. Dak se nkompli nagħmlu u bil-qalb fi ħdan l-istrutturi tal-Partit.
Jien twelidt bħala Laburist, qed ngħix ta’ Laburist u rrid nibqa’ Laburist. L-għan primarju tiegħi hu li nirbħu lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni li ġejja.

 

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Kurt Sansone jintervista lil George Abela


Editorijal
Wara l-votazzjoni


Il Punt
Sfreġju Ħ’Attard
Ralph Cassar


Toni U Peppi


Il-ħatriet fil-bordijiet u awtoritajiet. Il-grazzi għal min għandu għajnejh blu?



Emmanuel Micallef
Il-kunsens ta’ ftehim nazzjonali


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bibien m’għandhomx jingħalqu



X'kien Jgħid
Il-konfużjoni Laburista tikkonfondi lil Lorenzo



Wenzu Mintoff

Sitwazzjoni skomda
Minn ewl id-dinja li partit li jkun tilef l-elezzjoni jgħaddi minn mumenti diffiċli sakemm isib saqajh u jerġa’ lura għar-rutina politika.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan