Editorjal | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80
Il-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-MLP ta’ nhar il-Ġimgħa bagħtet numru ta’ messaġġi lil hinn mill-Kwartieri fil-Milend. L-istess jagħmel ir-riżultat ta’ l-elezzjoni meta d-delegati ma aċċettax li madwar 19,000 tesserat Laburist ikollhom l-istess dritt tad-delegati meta jaslu għal ħatra ta’ mexxej ġdid.
Fil-ħwienet tat-tè jista’ jkun hemm min qed jifraħ u jargumenta li s-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef kellu raġun meta f’Xarabank qal li d-delegati għadhom ma ħafruhiex lil George Abela li fl-1998, lejlet elezzjoni ġenerali, abbunduna lill-MLP.
George Abela ma kisibx l-appoġġ li kien qed jistenna għall-mozzjoni tiegħu. Il-fatt li l-kamp ta’ Abela rnexxielu jikseb biss 21 fil-mija tal-voti hu sinjal. Juri biċ-ċar li f’dan l-aħħar xahar u nofs it-team li qed jappoġġah ma rnexxilux ikun superjuri għall-makna interna tal-Partit li mbuttat bil-maqlub.
Bla dubju r-riżultat heżżeż il-kunfidenza li kellhom in-nies ta’ madwar l-Avukat Abela iżda żgur li qatt ma jista’ jkun imkejjel bħala riżultat umiljanti.
L-akbar suwiċidju li jista’ jagħmel il-kamp li ma jappoġġax lil Abela hu li minn issa jibda jgħajjat vittorja. It-tiġrija għal ħatra ta’ mexxej ġdid tibqa’ sa l-aħħar minuta u jkun żball jekk wieħed jikkonkludi li Abela jista’ jinqala’ ’l barra mit-taqtigħa.
Jibqa’ possibbli xenarju partikolari. X’jiġri jekk Joseph Muscat jew xi wieħed mill-kontestanti l-oħra ma jiksibx il-50 fil-mija u wieħed tal-voti u eżatt warajh u fit-tieni post jibqa’ George Abela? Fejn se jmorru l-voti tal-kontestanti l-oħra li jkunu nqatgħu mit-tiġrija? Se toħroġ il-firda vera li teżisti internament fil-Partit Laburista? U l-voti ta’ dawk li mhumiex kuntenti bl-amministrazzjoni preżenti jistgħu jduru fuq Abela?
L-elezzjoni ta’ nhar il-Ġimgħa tqanqal ukoll ħsibijiet li mhux ta’ min iwaddabhom taħt it-tapit.
Ċerti interventi minn delegati kontra l-mozzjoni darrsu u bagħtu messaġġ ħażin lil persuni bi twemmin differenti imma li jixtiequ jersqu lejn l-MLP. Ċerti diskorsi fakkru fl-għajta ta’ Alfred Sant li “min mhux magħna kontra tagħna.” F’dan il-każ morna pass aktar minn hekk. Dan kollu jista’ jinfthiem li ‘min xi darba kien Nazzjonalist qatt ma jista’ jkun milqugħ fl-MLP.’
Jitla’ min jitla’ mexxej ġdid irid ipoġġi bilqiegħda u jdur dawra ma’ l-istrutturi kollha tal-Partit. Hemm bżonn li l-istatut jinbidel? Jekk iva, dan irid isir mingħajr dewmien.
Politiku tajjeb irid ikollu biżżejjed melħ f’moħħu li jifhem li l-kwistjoni ta’ nhar il-Ġimgħa tista’ terġa’ titfaċċa bħal ħmar il-lejl li jippersegwita lit-tmexxija l-ġdida.
Dan kollu jiddependi minn kemm il-mexxej il-ġdid se jkun għaqli fil-mod kif imexxi.
Il-21 fil-mija tal-voti li kiseb George Abela mhux ta’ min jarmihom. Il-Partit Laburista li se jmexxi għandu biċċa xogħol iebsa biex jinvolvi u jinkludi fih persuni li l-bieraħt lura ħarġu għonqhom kontra l-kurrent.
Il-fattur Marlene Pullicino u ta’ deputati oħra, li għad li s’issa ma ħarġux fil-beraħ u qed jaħdmu minn taħt, ma jistax jittieħed b’mod ħafif.
Jekk le, il-kwistjoni tal-klikek u l-fazzjonijiet li hemm bħalissa mhux biss mhux se tissolva imma se jinħoloq lok għal tfaqqis ta’ klikek ġodda.
Ħamsa u għoxrin ġurnata oħra jista’ jkun bidu ġdid għall-Partit Laburista. Imma jista’ jkun ukoll bidu ġdid b’konsenturi ġodda f’dan il-Partit. |
|
Kurt Sansone jintervista lil George Abela
Editorijal

Il Punt
Ralph Cassar

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|