Xkien jgħid? | 04 ta’ Mejju 2008 Nr 79
Ħa nqerr miegħek, il-moral pjuttost baxx dalgħodu u ninsab daqsxejn b’sormha kif konna ngħidu aħna tax-xaqliba tat-telgħa tal-Ganċ, il-Belt, fejn ixxenxilt jien u anki l-Capo tal-Partito Nazionale, Dottor Enrico Mizzi. X’ma nkunx b’sormha meta aktar kmieni din il-ġimgħa fil-pjazza tal-Campidoglio Ruma rajt ġgajta Faxxisti jtellgħu jdejhom ’il fuq biex jagħtu s-salut Ruman bil-ferħ wara r-rebħa tas-sindku post-Faxxista Gianni Alemanno?! Iċ-Ċentru Xellug tilef wara li kien ilu jmexxi l-belt kapitali ta’ Ruma għal dawn l-aħħar 15-il sena.
Biex ikompli jgħaxxaqli l-bubun, nhar il-Ħamis jaqilgħu tkaxkira għal Alla li ħalaqhom il-Laburisti Ingliżi fl-elezzjonijiet lokali fejn qabżuhom mhux biss il-Konservattivi kif kien mistenni, imma anki t-tielet Partit tal-Liberali-Demokratiċi. B’din ir-rata ma nafx x’se jibqa’ minnu x-Xellug fl-Ewropa, għax bl-eċċezzjoni ta’ Spanja, għajr għall-pajjiżi fejn għad hemm l-għaks u l-għakkarija li għadha ġejja minn żmien il-ħakma Komunista, is-Soċjaliżmu Demokratiku bħal donnu ħadd ma jrid jaf bih fil-pajjiżi affluwenti. Mhux ta’ b’xejn illum hawn minn jgħid li t-twemmin Soċjalista tal-qamel għax qed jirbaħ biss fil-pajjiżi fejn għad hemm il-qamel.
Il-Laburisti f’Malta
Imma l-iktar li qed niddipressa ruħi, u minħabba fihom qed ikolli nibla bott Valium wara l-ieħor, huma l-Laburisti f’Malta. Bit-tielet telfa wara l-oħra li ġarrbu se jkunu ġabu l-maġġoranza tal-voti darba waħda biss f’dawn l-aħħar 32 sena għax mill-1976 ’il hawn rebħu l-maġġoranza tal-voti darba biss, fl-1996. Bid-dikotomiji bejn Old vs New Labour, Antik Testment vs Testment il-Ġdid, patrijarkaliżmu vs maniġerjaliżmu, filli vixxeralment kontra l-Ewropa, filli Ewropeisti ferventi, moħħi ġabuhuli qisu washing-machine. Il-problema fundamentali tas-Soċjalisti mhux biss f’Malta imma f’ħafna pajjiżi oħra, hi li ma aġġornawx it-twemmin tagħhom maż-żminijiet b’mod li jibqgħu rilevanti mingħajr ma jarmu kollox il-baħar. Għall-kuntrarju l-maġġoranza fi ħdanhom addottat lock stock and barrel il-politika Liberalista tas-suq mingħajr wisq differenzi sostanzjali mill-Partiti tal-Lemin, u l-minoranza żgħira fi ħdanhom, erħilha tinfexx fin-nostalġija tal-politika sorpassata tal-passat.
Minimaliżmu
Minn politika massimalista li suppost riedet toħloq soċjetà perfetta u tbiddel id-dinja, is-Soċjalisti Ewropej u Maltin spiċċaw b’politika minimalista li ċċaqlaq l-affarijiet mill-inqas, biex kemm jista’ jkun ma jintrifsux kallijiet. La l-estremiżmu massimalista ma jrebbaħ l-elezzjonijiet u wisq inqas il-moderatiżmu minimalist ma ġab is-suċċess mixtieq.
Fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali il-poplu Malti tassew xtaq il-bidla, mhux akkost ta’ kollox, imma għall-aħjar u mhux għal bidu ġdid li ma tafx jekk bih hux se tispiċċa agħar jew aħjar. Fi żmien ix-Xirka ta’ l-Imdawwlin, il-politika tagħna kienet imsawra fuq l-aspirazzjonijiet tan-nies, fuq dak kollu li kien meħtieġ biex il-kotra toħroġ mill-madmad li kienet tinsab fih, madmad ta’ ġuħ materjali u spiritwali. Il-moviment tagħna kien jeżisti biex juri d-dawl u mhux biex nimxu fid-dell tad-dawl li kienu jurina ħaddieħor.
Min imexxi partit politiku qiegħed hemm biex jagħti d-direzzjoni u juri t-triq lill-imseħbin tiegħu u lis-soċjetà b’mod ġenerali. Frankament kont insibha kemmxejn diffiċli biex nifhem il-politika ta’ Alfred Sant fuq kwistjonijiet bħad-divorzju meta kien jgħid li l-ewwel għandna nħallu s-soċjetà ċivili tieħu pożizzjoni b’mod ċar u b’saħħtu, imbagħad wara l-Partit jartikola dik il-pożizzjoni b’mod politiku.
Frankament huwa u jgħid dan, ma nafx għal-liema soċjetà ċivili kien qed jirreferi meta tikkunsidra minn xiex ikollhom jgħaddu dawk li jgħaddu mill-esperjenza qarsa ta’ żwigijiet miksura. Ma nimmaġinax li dawn se jkollhom moħħ wisq joqogħdu jipparteċipaw wisq fis-soċjetà ċivili. Partit politiku jeżisti biex imexxi u mhux biex jitmexxa mill-movimenti fis-sondaġġi ta’ l-opinjoni pubblika.
Profil ċar
Mhux faċli għal Partit Soċjal-Demokratiku li jżomm il-profil u l-identità tiegħu ċara u distinta minn kif sejra d-dinja b’ekonomija globalizzata kif nafuha llum. Mhux faċli tisħaq fuq it-tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema f’dinja fejn pajjiż qed jikkompeti ma’
ieħor fuq bażi tat-tnaqqis u mhux tat-tisħiħ ta’ dawn id-drittijiet. Minħabba f’hekk intom il-Partiti tax-Xellug, fid-dinja kollha u mhux biss f’Malta, qed tiffaċċjaw sfidi kbar. X’tistgħu tagħmlu f’din is-sitwazzjoni? Żgur mhux li tixximjottaw lin-Nazzjonalisti u tħossukom inferjuri lejhom. Fl-ispazji ristretti li jippermetti x-xenarju ta’ l-ekonomija globalizzata, tridu tħabblu raskom kemm tifilħu, tfittxu l-mod u l-kif tibqgħu tnaqqxu l-profil tagħkom ta’ Partit Soċjal-Demokratiku progressiv.
Wieħed mill-oqsma fejn jista’ jsir ħafna u ħafna xogħol, anki mil-lat politiku, huwa l-ħarsien tad-drittijet tal-konsumatur fejn minkejja t-tibdil leġislattiv kbir li sar, xorta waħda l-konsumatur ta’ spiss għadu qed isib lil min jgħaddih kamin.
Il-parir tiegħi ta’ xiħ żmagat li jien, ibqgħu isħqu kemm tifilħu fuq dik li hija edukazzjoni, għax dak huwa l-unika mod kif jonqos l-isfruttament billi jogħla l-livell tal-kwalifiċi akkademiċi u tal-ħiliet tekniċi. Tazzardawx tipproponu xejn li jista’ jipperikola l-istabbilità fl-ekonomika, imma mill-bqija fejn jidħol pereżempju it-titjib fid-drittijiet ċivili, kontabbilità u trasparenza, tiddejqux tkunu radikali.Għamlu dak li tħossu li hu sew u ta’ ġid għas-soċjetà u m’għandkomx għalfejn toqogħdu tikkalkulaw kollox bil-miżien tal-voti. Il-poplu fl-aħħar se jippremjakom tal-kuraġġ li tkunu fittixtu li tagħmlu dak li hu sew u ġust.
Daqshekk għal-lum għax wara dil-priedka kollha, qed inħossni qisni monsinjur tal-Katidral, u bħalma taf il-monsinjuri għalija kienu l-inkubu ta’ ħajti.
|
|
Julia Farrugia tintervista lil Michael Falzon
Editorijal

Il Punt
Toni Abela
Peppi Azzopardi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|