Wenzu Mintoff | 04 ta’ Mejju 2008 Nr 79
Kif jgħid il-Malti li għandu ħabta jidħol bħal Pilatu fil-kredu, fl-aħħar mill-aħħar iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma. Ftit ftit hekk qed jagħmel, avolja l-prezz tiegħu sploda u ma jkunx jaqbel li nħalluh jixxerred ma’ l-ilma. Kuljum b’xi waħda ġdida li tagħti indikazzjoni ċara ta’ x’waslu biex għamlu n-Nazzjonalisti matul il-kampanja elettorali biex salvaw il-pożizzjoni tagħhom fil-Gvern b’xagħra u b’sufa. ‘Logħba ċess’ qalilna Joe Saliba fejn biċċa toqtol lill-oħra sakemm ix-Xiħ tan-naħa l-oħra ma jibqagħlux fejn jiċċaqlaq u jimmanuvra. Jirbaħ min jibqa’ ħaj anki jekk ferut u mbenġel, imbasta jkun rebaħ.
F’intervista li kellu fil-gazzetta Malta Independent it-Tnejn li għaddew, Joe Saliba spjega kif dwar il-każ ta’ Jeffrey Pullicino Orlando l-magna tal-PN spiċċat bħall-perżuta maqbuda bejn is-sandwich. Ma setgħux jirtiraw il-kandidatura ta’ JPO għax il-poloz tal-voti kienu diġà stampati u ma setgħux jiġu stampati mill-ġdid. La kien fadal żmien biżżejjed biex dan seta’ jsir u lanqas il-Liġi Elettorali ma kienet tippermetti dan. Mill-banda l-oħra n-Nazzjonalisti kienu konxji tal-fatt li l-iskandlu tal-Mistra kien qed jiswielhom il-voti fl-aħħar ġimgħa ta’ qabel l-elezzjoni. Allura iddeċidew li jissieħbu fil-bluff u l-qerq ta’ Pullicino Orlando u jilagħbu l-logħba tiegħu, li dan kien ‘vittma ta’ frame-up li safa mċappas mit-titjir ta’ tajn li jiddiletta bih l-imxajtan Alfred Sant’.
Fl-aħħar mill-aħħar dak li joħroġ ċar minn dak kollu huwa li kemm Pullicino Orlando u t-tmexxija tal-PN li tagħtu s-suffraġju, ġaladarba kienu jafu bid-dettalji tal-kuntratt li JPO iffirma f’Jannar li għadda, spiċċaw qarrqu bil-poplu Malti speċjalment b’dawk li l-vot tagħhom ġie influwenzat bil-mod kif svolġiet din il-biċċa xogħol.
Proposti indeċenti
Erġajna koppi bil-lanja tas-soltu fejn il-Gvern tal-ġurnata jispiċċa ma jwettaqx dak li wiegħed fil-programm elettorali u jwettaq dak li ma jkunx wiegħed. Ibda bil-PfP li daħħluna fiha nhar Ħamis ix-Xirka, sħubija li ma ġiet proposta fl-ebda programm elettorali. U spiċċa bil-proposta indeċenti li ħarġu biha din il-ġimgħa, li jagħtu sitt xhur paga ta’ xejn lill-ex-Ministri u ex-Segretarji Parlamentari sakemm dawn jerġgħu jsibu saqajhom fil-professjoni jew fin-negozju tagħhom. Proposta li ma azzardawx jinkluduha bħala t-354 wegħda tal-manifest elettorali tagħhom, imma li xorta waħda Gonzi biħsiebu jwettaq għax għandu bżonn iwennes b’xi mod lill-erwieħ imnikkta li tħallew b’xiber imnieħer meta ġie biex jifforma l-Kabinett ġdid tiegħu.
Bħal dak li qallu mhux kulħadd jgħaddi minn trawma meta jispiċċa mix-xogħol u jkollu jfittex jara x’se jagħmel bih innifsu speċjalment jekk ikun misjur u ’l fuq minn ċerta età! Issa erħilha li hemm ċerti Ministri u Segretarji Parlamentari li fis-seba’ snin tal-ġid altru milli ħasbulu għas-seba’ snin ta’ l-għaks.
L-uffiċċji professjonali tagħhom komplew jissaħħu u ċertament ma waqgħux lura fi żmien li kellhom inkarigi uffiċjali. Anki permezz ta’ kuntratti kbar li ngħataw mill-ministeri tagħhom stess lill-firms privati tagħhom. Mhux sew jekk Gonzi għandu problema serja b’ċerti Deputati Nazzjonalisti li jħossuhom urtati u mweġġgħin għax inqalgħu ’il barra, se juża fondi pubbliċi bħala solljev biex jipprova jipplakahom xi ftit.
Ħatriet
Iwettaq dak li ma wiegħedx, u ma jwettaqx dak li wiegħed. Ħu mill-bordijiet tal-Gvern u tal-korporazzjonijiet pubbliċi li qed jinħatru bħalissa. Skond dak li ġie mwiegħed fil-programm elettorali ta’ GonziPN, suppost li kellha titfassal sistema fejn kulmin hu interessat f’dawn il-karigi jkun jista’ japplika u jgħaddi minn proċess ta’ għażla ibbażata fuq il-ħila u l-kompetenza. Minn dak kollu ma sar xejn u l-ħatriet li qed isiru bħalissa, eżempju ta’ Gordon Pisani f’Kastilja u ta’ Berta Sullivan fl-Awtorità Maltija tal-Kommunikazzjonijiet, huma bis-sistema antikwata tal-patrunaġġ politiku fejn jibqgħu jiġu riċiklati l-istess erba’ tużżani min-nies f’karigi marbutin għal perjodu ta’ sentejn jew iktar.
Il-qmugħ
Prova ċara oħra ta’ l-qerq li rrikorra għalih GonziPN biex tkaxkar mal-qiegħ ħalli jirbaħ l-elezzjoni li għaddiet hi d-deċiżjoni li ngħatat nhar it-Tnejn li għaddew kontra l-Gvern mill-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust ippresjeduta mill-Maġistrat Silvio Meli. Il-kumpannija Federated Mills li timporta l-qmugħ u d-dqiq f’Malta talbet lill-Gvern biex jawtorizzaha tgħolli l-prezzijiet tagħha ftit tal-ġimgħat qabel id-data ta’ l-elezzjoni. Imma l-Gvern ta’ Gonzi għamel mandat biex din il-kumpannija ma tkunx tista’ tgħolli l-prezzijiet tagħha qabel l-elezzjoni. M’għandniex xi ngħidu l-mandat li għamel il-Gvern ta’ Gonzi, proprja proprja ma kellux l-iskop li jipproteġi lilna l-konsumaturi imma li jgħatti x-xemx bl-għarbiel lejlet l-elezzjoni.
Ngħiduha kif inhi, din il-kumpanija kellha kull ġustifikazzjoni tgħolli l-prezzijiet meta wieħed jara x’movimenti qawwija ’l fuq fil-prezzijiet kien hemm fis-swieq internazzjonali minħabba l-fatt li ħafna mill-qmugħ u ċ-ċereali qed jintużaw biex isir il-bio-fuel minflok jintużaw għall-ikel jew għall-għalf. Prattikament il-prezzijiet internazzjonali tal-qmugħ u taċ-ċereali irduppjaw f’temp ta’ sena. Minħabba l-multiplier effect taż-żieda qawwija fil-prezz tal-qmugħ u ċ-ċereali, splodew il-prezzijiet ta’ kulma jsir mid-dqiq, ċereali, ħalib u anki tal-laħam.
Imma lejlet l-elezzjoni GonziPN ried isodd it-toqob b’subgħajh bit-tama li kemm jista’ jkun ma jitlifx voti minħabba l-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja. Biex jagħmel dan, GonziPN kellu jirrikorri għall-ingann u qabeż il-poteri li tagħtih il-Liġi billi ħareġ mandat kontra l-Federated Mills meta ma kellux ġustifikazzjoni biex jagħmel dan.
Flok ra kif għamel bħal ġieli għamel, jissussidja l-prezz ta’ ċerti oġġetti essenzjali bħalma huwa l-ħobż, ħareġ dan il-mandat kontra l-Federated Mills biex sempliċement jipposponi l-problema għal wara l-elezzjoni. Biex issa, li għaddiet l-elezzjoni ‘ħallihom jogħlew il-prezzijiet’ u addio sussidji u addio mandati li nħarġu b’mod abbużiv.
Il-prezzijiet
Verament id-dinja bħalissa tinsab għaddejja minn waħda mill-ikbar kriżijiet kbar li qatt rajna mit-Tieni Gwerra Dinjija lil hawn. Fiċ-Ċina jinsab għaddej żvilupp ekonomiku enormi u verament mgħaġġel għax ftit pajjiżi jistgħu jikkompeti magħha. Mhux biss għax hemmhekk hemm pagi baxxi, imma anki għax m’hemmx l-istess livell ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, drittijiet fundamentali tal-bniedem u drittijiet soċjali li jeżistu f’din in-naħa tad-dinja.
Minħabba dan ir-ritmu ekonomiku qawwi li hemm fiċ-Ċina kibret ħafna d-domanda għall-materja prima minn pajjiżi barranin, ewlenin fosthom iż-żejt, u kibret ħafna wkoll fiċ-Ċina d-domanda għal prodotti għall-konsum lokali. Sploda l-prezz taż-żejt, ħafna mill-produzzjoni tal-qmugħ u ċ-ċereali marret għall-produzzjoni tal-bio-fuel, u llum ninsabu fiex ninsabu għax il-prezzijiet ta’ l-iktar oġġetti essenzjali qed jogħlew minn xahar għal iehor.
Tabilħaqq din hija kwistjoni li aħna l-Maltin bl-ebda mod ma ġibna b’idejna għax niddependu tista’ tgħid għal kollox fuq l-importazzjoni taż-żejt u ta’ l-ikel u għalhekk m’għandniex inħarsu lejn il-problema minn lenti partiġġana.
Madanakollu dan ma jfissirx li l-Gvern, hu min hu, quddiem sitwazzjoni bħal din għandu joqgħod b’idejh marbutin u l-ħotob li qed joriġinaw minn barra minn xtutna sempliċement jgħabbihom mill-ewwel fuq dahar il-poplu Malti.
Fi żminijiet hekk imsejħin ‘tal-qedem u d-dlamijiet’, kien hemm dak li kien jissejjaħ il-Fond tal-Posterità biex jagħmel tajjeb għal sitwazzjonijiet ta’ emergenza bħalma hi din. Illum ma jeżisti xejn minn dak kollu għax jeżistu biss il-forzi tas-suq li jsuq.
|
|
Julia Farrugia tintervista lil Michael Falzon
Editorijal

Il Punt
Toni Abela
Peppi Azzopardi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|