Aħbarijiet | 04 ta’ Mejju 2008 Nr 79
Sir Anthony Mamo - 08 ta’ Jannar 1909 – 01 ta’ Mejju 2008
Rappurtaġġ: Sabrina Agius
u Kurt Sansone
Bħala sinjal ta’ rispett u b’tifkira għall-bniedem li ifforma parti mill-istorja ta’ pajjiżna kienu bil-bosta dawk li marru jagħtu l-aħħar tislima lil Sir Anthony Mamo fil-Palazz il-Belt nhar il-Ġimgħa.
L-aħħar tislima lil Sir Anthony ġabet magħha bosta turisti, kurżitajri iżda, fuq kollox, nies li kellhom relazzjoni mill-qrib miegħu.
Bintu Josephine Tortell f’kumment lil din il-gazzetta qalet li l-aħjar ħaġa li seta’ jgħaddilha missierha kienu “il-valuri”.
Dejjem wera l-imħabba lejn tal-familja, sostniet Josephine, u avolja dejjem kien impenjat ħafna, għalih il-familja dejjem ġiet l-ewwel.
“Anke jekk miet fl-età ta’ 99 sena, għalina xorta telfa kbira,” stqarret Josephine.
Sakemm il-fotografu staqsiha għall- permess biex joħdilha xi ritratti terġa’ tiftakar f’missierha u bi tbissima tgħid: “Ġeneralment ir-ritratti ma tantx iġibuni sabiħa. Id-daddy lill-fotografi hekk kien jgħidilhom: ‘Ħuduli basta ġġibuni sabiħ’.”
Għal Pauline Gatt, il-ħajjata personali ta’ Sir Anthony, ftit hawn irġiel bħalu. “Għalija jfisser ħafna. Kien dejjem jgħin lill-proxxmu. Kien jgħin ukoll ħafna lill-mara tiegħu li kienet taħdem fil-karità. Il-familja kienet tfisser ħafna għalih. B’familja mhux biss il-mara u t-tfal imma wkoll ħutu, in-neputijiet u l-bqija. Anke jekk kellu pożizzjonijiet għolja ta’ awtorità qatt ma nesa lil ħutu. Bniedem li ma kien imkabbar xejn għall-pożizzjoni li kellu.”
Fost in-nies li marru jagħtuh l-aħħar tislima kien hemm ukoll Dun Frans Mifsud, li għalkemm ma kienx jafu personalment, sostna li Sir Anthony dejjem għamel għall-aħjar f’kull kariga li kellu. “Bla dubju bniedem ta’ integrità u kompetenza. Kien jixraqlu li tawh Ġieħ ir-Repubblika.”
L-eloġji min-nies li attendew għall-funeral statali ma naqsux. Madeline Camilleri, ħabiba tal-familja, sostniet li Malta tilfet teżor.
“Ġentlom mill-aqwa. Raġel fuq l-irġiel. L-ewwel u l-aħjar li Malta qatt rat.”
L-istess ħasibha Oreste Grech mill-Belt. “Jien nafu għax mill-Belt u dejjem kont niġi narah il-Palazz. Kellna xorti li dam imexxina, l-ewwel bħala Gvernatur imbagħad bħala President tar-Repubblika. Nafu bħala bniedem serju, ta’ l-affari tiegħu u li serva lil Malta mill-aħjar li seta’.”
Il-funeral statali ta’ Sir Anthony Mamo sar nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Mejju, ġurnata wara l-mewt ta’ l-ewwel President tar-Repubblika. Il-kadavru ta’ Mamo kien espost għall-pubbliku fil-bitħa tal-Palazz il-Belt għal xi ħin. Wara, it-tebut imgeżwer fil-bandiera Maltija, tqiegħed fuq kanun tal-Forzi Armati u nġarr fost atmosfera solenni lejn il-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann fejn saret il-quddiesa.
Preżenti kien hemm l-ogħla dinjitarji tal-pajjiż, politiċi, membri tal-ġudikatura, avukati u nies komuni li taw l-aħħar tislima tagħhom lil Sir Anthony.
Il-Palazz, Valletta
13 ta’ Diċembru 1974
Ħbieb,
Quddiem din il-merħba ġeneruża li biha għoġobkom tilqgħuni l-lejla, ma nafx kif nibda nroddilkom il-ħajr li jixirqilkom. Li ngħidilkom grazzi, grazzi mill-fond ta’ qalbi, hi ċertament ħaġa flokha u mistennija. Iżda dan waħdu m’huwa bl-ebda mod biżżejjed. Hemm mod wieħed u wieħed biss kif jiena nista’ nurikom l-għożża tiegħi u b’xi mod inpattilkom għat-tjubija ta’ qalbkom. U dan il-mod hu billi nwegħidkom li da parti tiegħi nagħmel dak kollu li nista’ biex inkun tassew mistħoqq it-turija ta’ rispett u tal-fiduċja tagħkom.
Tliet snin u nofs ilu meta jiena kont dehert quddiem il-poplu bħala l-ewwel Gvernatur Ġenerali Malti, maħtur mill-istess Gvern, jien kont tlabtkom l-appoġġ u l-għajnuna tagħkom għall-qadi xieraq tad-dmirijiet tiegħi f’dik il-kariga. U intom dawn tajtuhomli. Dak kien kapitlu tal-ktieb tal-ġrajjiet ta’ Malta li issa ngħalaq u llum qed nibdew kapitlu ġdid ieħor u jiena qed nerġa’ nidher quddiemkom permezz tagħkom, quddiem il-poplu kollu, f’kariga ġdida bħala l-Ewwel President tar-Repubblika Maltija u mill-ġdid nitlobkom l-appoġġ u għajnuna tagħkom.
Din il-kariga ġdida ġiet mogħtija lili mill-Parlament tagħna, jiġifieri minn dawk li l-poplu tal-gżejjer tagħna bil-vot ħieles tiegħu għażel bħala rappreżentanti politiċi tiegħu. Jien ma nistax għalhekk ma nfissirx l-ewwelnett lill-Gvern, imbagħad lill-membri l-oħra li laqgħu l-proposta tiegħu l-apprezzament umli tiegħi, għall-unur kbir li għamluli u għall-fiduċja li wrew fija. Lilhom ukoll nixtieq inwiegħed illi nagħmel dak kollu li nista’ u li jiddependi minni biex inwettaq bl-aħjar mod possibbli s-servizz pubbliku li huma fdawli. Aħna lkoll li qegħdin ngħixu f’din is-siegħa solenni aħna xhieda ta’ ġrajja importanti fl-evoluzzjoni Kostituzzjonali tagħna li żgur titniżżel u tibqa’ mfakkra fl-istorja ta’ ġensna.
Meta għada pitgħada din l-istorja tinkiteb jien żgur li fir-rakkont tagħha tingħata importanza speċjali għall-fatt kif il-Parlament Malti, ispirat mill-Gvern, irnexxielu bid-dehen, bis-sabar u bi spirtu ta’ koperazzjoni u kompromess, jasal fi ftehim kważi unanimu u b’hekk iwarrab darba għal dejjem kwistjonijiet li qabel kienu jifirduna. Dan għandu jkun ta’ sodisfazzjon għalina u ta’ awgurju tajjeb għal li ġej.
Filwaqt illi, kif ta’ sikwit sfortunatament naqraw jew nisimgħu fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni, f’pajjiżi oħra tibdil Kostituzzjonali ta’ spiss jagħti lok għal rewwixti, ġlied u ħafna drabi anke tixrid ta’ demm, importanti sar fil-paċi, fl-ordni u fil-kwiet, bi spirtu ta’ koperazzjoni reċiproka kif titlob id-demokrazija.
Mill-banda l-oħra din l-imġiba tal-Parlament għandha tkun ta’ lezzjoni għalina lkoll peress li tgħallimna illi fi kwestjonijiet nazzjonali għandna naħdmu lkoll għalenija bi spirtu ta’ tolleranza u b’rispett lejn xulxin f’koperazzjoni mal-Gvern, biex negħlbu d-diffikultajiet u l-problemi li niltaqgħu magħhom.
Kulħadd, kulħadd għandu l-parti tiegħu x’jagħmel – hu x’inhu x-xogħol li jaqdi fis-soċjetà. Minn dan ix-xogħol, magħmul u moqdi tajjeb minn kulħadd, jiddependi l-ġid tal-pajjiż. Jiena għadni kemm ħlift li nqiegħed lili nnifsi għas-servizz tagħkom u tal-poplu kollu bħala Kap ta’ l-Istat u bħala Rappreżentant tal-għaqda u ta’ l-unità nazzjonali.
Intom ukoll, kull wieħed minnkom, għandkom taħilfu u twiegħdu fis-skiet ta’ qalbkom li taqdu l-parti tagħkom bil-għaqal, bl-onestà, mhux bl-egoiżmu jew bi spirtu sezzjonali, iżda fl-interess ta’ għajrkom u tal-pajjiż li għandu jiġi l-ewwel u qabel kollox.
Fl-aħħarnett, għan-nom tal-Prim Ministru, għandi l-pjaċir inħabbar li l-Gvern iddeċieda, biex ifakkar din l-okkażjoni importanti, li jagħti lill-ħabsin amnestija ta’ sitt xhur. Soċjetà kompassjonevoli u li taf tagħder ma tinsiex fis-sigħat ta’ ferħ, anqas lil dawk li żbaljaw.
Sors: Dipartiment ta’ l-Informazzjoni
|
|
Julia Farrugia tintervista lil Michael Falzon
Editorijal

Il Punt
Toni Abela
Peppi Azzopardi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|