MediaToday

Aħbarijiet | 04 ta’ Mejju 2008 Nr 79

Id-delitt ta’ Ray Agius f’Birkirkara

Għajnejhom fuq l-attivitajiet kummerċjali tal-vittma

Julia Farrugia

F’dik li aktar ma jmur aktar qed tidher bħala kobba mħabbla, il-Pulizija għadha għaddejja bl-interrogazzjonijiet b’rabta mad-delitt li seħħ il-Ħamis 24 ta’ April li fih inqatel in-negozjant Raymond Agius.
Agius inqatel b’żewġ tiri ta’ arma tan-nar fil-ħanut Butterfly Bar f’Birkirkara wara li żewġ persuni daħlu bi crash helmet biex jaħbu l-identità tagħhom u wieħed minnhom spara t-tiri.
Minħabba l-konnessjonijiet li kellu l-vittma l-istħarriġ għandu aktar minn triq waħda imma l-aktar triq mgħarrbla mill-investigaturi hi dik li turi l-aħħar transazzjonijiet jew negozji li għaddew bejn Agius u terzi persuni.
Raymond Agius ta’ 49 sena kien bejjiegħ tal-karozzi imma kien magħruf ukoll għal negozji differenti, fosthom fl-iżvilupp tal-bini.

Agius kien direttur f’minn ta’ l-inqas tliet kumpaniji differenti: il-Baħar iċ-Ċagħak Developments Co Ltd, JR Company Limited u Ter-Nova Company Ltd. Agius kien ukoll involut f’importazzjonijiet ta’ oġġetti varji.
Ċrieki differenti jsostnu li r-raġel kellu kuntatti tajba anke f’pajjiżi bħaċ-Ċina u kien jimporta minn dan il-pajjiż lejn pajjiżi oħra.
L-isem ta’ Ray Agius kien issemma fil-każ li żewġ eks spetturi tal-Pulizija, Ivan Portelli u David Gatt, fetħu kontra l-Prim Ministu Lawence Gonzi wara li dawn sostnew li tkeċċew mill-Korp inġustament.
Fl-2005 l-eks Kummissarju tal-Pulizija George Grech fil-Qorti kien qal li Portelli kien fuq l-istess yacht ma’ “kuntrabandist magħruf”. Dakinhar Grech kien qed jirreferi għal Ray Agius. George Grech kien anke iddeskriva lil Agius bħala kriminal famuż. Għal dan il-kumment Agius kien ippreżenta ċertifikat biex juri li l-kondotta tiegħu kienet nadifa.
Fil-Qorti komplew joħorġu dettalji dwar x’tip ta’ relazzjoni kien hemm bejn l-Ispettur Portelli u n-negozjant Agius. Dan ta’ l-aħħar kien ikkonferma li kien ħareġ bil-yacht ma’ l-Ispettur Portelli. Agius spjega li l-ewwel darba li ltaqa’ ma’ l-ispettur kien meta l-Pulizija għamlet rejd f’wieħed mill-imħażen tiegħu. Portelli kien wieħed mill-pulizija li wettqu r-rejd. Agius spjega fil-Qorti li wara t-tfittxija tal-pulizija l-Ispettur Portelli talab numru ta’ dokumenti ta’ l-importazzjoni li hu issottometta tlett ijiem wara.
Agius kien irrakkonta li ftit xhur wara dan ir-rejd kien ċempel lil Portelli biex jagħtih aktar informazzjoni dwar il-każ. Agius qal lill-Qorti li hu ma riedx jiltaqa’ ma’ Portelli fl-uffiċċju tiegħu fid-Depot tal-Pulizija u nsista li l-laqgħa ssir x’imkien ieħor.
Agius kien issuġġerixxa li jiltaqgħu ħdejn il-yacht tiegħu. Skond Agius l-Ispettur Portelli ma kienx jaf fejn kien sorġut dan il-yacht u għalhekk ftehmu li jiltaqgħu ħdejn il-Black Pearl. Fil-Qorti Agius kien qal li kien jaf li Portelli dakinhar ma kienx xogħol u għalhekk issuġġerixxa li joħorġu bil-yacht sa Għawdex.
Dakinhar fuq l-istess yacht kien hemm l-eks Imħallef Godwin Muscat Azzopardi li kien l-avukat ta’ Agius, l-Imħallef Lino Agius kif ukoll ċertu ħabib ta’ tfulit Agius, Jack Farrugia.
Għall-mistoqsija ta’ l-Avukat Peter Grech li irrappreżenta lill-Avukat Ġenerali biex jispjega x’ġara waqt dik il-ġita bil-yacht, Agius wieġeb li ma kien ġara xejn partikolari ħlief li meta waslu Għawdex marru jieklu flimkien u wara niżlu lura lejn Malta.

 

 

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Julia Farrugia tintervista lil Michael Falzon



Il Punt
Ġgant ġentili
Toni Abela


Peppi Azzopardi
Reġistru għal dawk ħatja ta’ abbuż sesswali?



Emmanuel Micallef
Is-salib ta’ Dolores


Carmelo Mifsud Bonnici

Mhux sempliċi ċelebrazzjoni



X'kien Jgħid
Ix-Xellug



Wenzu Mintoff

Logħba ċess
Kif jgħid il-Malti li għandu ħabta jidħol bħal Pilatu fil-kredu, fl-aħħar mill-aħħar iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma. Ftit ftit hekk qed jagħmel, avolja l-prezz tiegħu sploda u ma jkunx jaqbel li nħalluh jixxerred ma’ l-ilma.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan