Aħbarijiet | 04 ta’ Mejju 2008 Nr 79
Kurt Sansone
ksansone@mediatoday.com.mt
Kont taf li l-film favorit ta’ Michael Falzon hu Ben Hur? Jew li Marie-Louise Coleiro Preca twieldet fis-7 ta’ Diċembru? Jew li Joseph Muscat iżomm mal-Milan?
Ma skoprejniex dawn l-affarijiet għax qgħadna nissendikaw lill-kandidati għat-tmexxija tal-MLP jew għax qgħadna nistaqsuhom fuq affarijiet trivjali.
Qaluhom huma stess fuq l-internet fuq is-siti rispettivi tagħhom tal-Facebook jew il-hi5.
Il-Facebook u l-hi5 huma siti fejn miljuni ta’ nies minn madwar id-dinja joħolqu paġna bl-informazzjoni dwarhom infushom bl-intenzjoni li jagħmlu ħbieb ġodda u jżommu kuntatt ma’ xulxin.
Skond ċifri li ippubblika Google Labs is-sena li għaddiet il-Facebook kellu iktar minn 50 miljun persuna reġistrat mas-sit biex sar iktar popolari mill-hi5.
Ir-riċerka ta’ Google Labs uriet ukoll li sa l-aħħar tas-sena li għaddiet kien hemm 13,747 persuna reġistrata fuq il-Facebook minn Malta. Iżda n-numru ta’ Maltin fuq il-Facebook jista’ jkun ferm ogħla għax hemm min jirreġistra minn fuq network differenti.
Kumpaniji Ingliżi s-sena li għaddiet stmaw telf ta’ 233 miljun siegħa xogħol fix-xahar minħabba li l-ħaddiema tagħhom spiċċaw jaħlu ħinhom jikkomunikaw ma’ sħabhom fuq il-Facebook u siti oħra simili.
F’Malta s-sitwazzjoni probabbilment hi l-istess tant li l-aġenzija ta’ l-IT tal-Gvern, il-MIITS, is-sena li għaddiet iddeċidiet li twaqqaf l-aċċess għall-Facebook fuq il-kompjuters ta’ l-impjegati tal-Gvern minħabba l-impatt fuq il-produttività.
Dawn is-siti elettroniċi jservu bħala xibka ta’ komunikazzjoni soċjali u għalhekk ma setax jonqos li l-politiċi wkoll jisfruttaw dan il-mezz biex jaslu għand in-nies.
L-istess qed jagħmlu l-kandidati li qed jikkontestaw għall-ħatra ta’ mexxej Laburista.
Erba’ minnhom għandhom preżenza f’dawn is-siti. Michael Falzon, Joseph Muscat u Evarist Bartolo għandhom preżenza fuq il-Facebook filwaqt li Marie-Louise Coleiro Preca għandha xibka ta’ ħbieb fuq il-hi5.
S’issa kull kontestant identifika n-nuqqas ta’ komunikazzjoni li kellu l-MLP maż-żgħażagħ bħala dgħufija li ma tħallihx jirbaħ maġġoranza fil-pajjiż.
Għal eluf ta’ żgħażagħ l-internet litteralment sar ħajjithom u mhux biss kanal ta’ komunikazzjoni.
Jagħmlu l-ħbieb fuq l-internet, jiltaqgħu ma’ nies li lanqas biss jafu, jaħilfu bl-informazzjoni li jirċievu permezz tal-Youtube u l-emails, jaraw il-films imniżżla mill-internet u jqattgħu sigħat sħaħ itektku fuq il-keyboard tal-kompjuter.
Il-PN għaraf jisfrutta dawn it-tendenzi b’mod tajjeb fil-kampanja elettorali bil-kontra tal-MLP li ma tax kas l-internet.
Jidher li issa l-ġirja bejn il-kandidati hi wkoll min minnhom jista’ jappella l-iktar għaż-żgħażagħ u lill-votanti ġodda li sa l-2013 se jkunu ferm iktar marbutin mad-dinja virtwali milli huma llum.
Madankollu, George Abela jidher li ma tħajjarx iniżżel ismu la fil-Facebook u lanqas fil-hi5 ħlief għal riklam ta’ attività tiegħu. Għaldaqstant ftit nafu dettalji personali tiegħu. Veru li għandu s-sit tiegħu bħall-kandidati l-oħra imma ma toffrix il-possibbiltà li tinħoloq xibka ta’ ħbieb virtwali.
Mhux l-istess Falzon u Muscat. Skond ma kitbu dawn it-tnejn dwarhom infushom nistgħu nkunu nafu x’iħobbu jaqraw, il-films favoriti, il-mużika li jħobbu u l-gosti tagħhom.
Falzon jiddikjara fil-profil tiegħu li l-gruppi favoriti tiegħu huma l-Pink Floyd, Dire Straits, Alan Parsons Project u U2.
Imwieled fis-16 ta’ Novembru ta’ l-1961, Falzon jiddikjara li l-iktar film favorit tiegħu hu Ben Hur, għażla tipika għal xi ħadd li għandu rabta speċjali mar-reliġjon u x-xinxilli li jiġu magħha bħall-festi.
Tant hu hekk li Falzon jiddikjara li jħobb il-festi tradizzjonali u hu wkoll President tal-Banda Stella Maris f’Tas-Sliema.
L-iktar programmi televiżivi favoriti ta’ Falzon huma s-serje Amerikani NCIS u CSI, li jiffukaw fuq il-ħidma tal-pulizija forensika u Brainiac li hu programm dwar ix-xjenza li jixxandar fuq id-Discovery Channel.
Falzon ma jgħidilna xejn dwar it-timijiet tal-futbol favoriti tiegħu jew jekk iħobbx l-isports.
Skond ċifri fuq is-sit stess, Falzon għandu 787 persuna li aċċettaw li jkunu ħbieb virtwali tiegħu.
Min-naħa l-oħra Muscat jiddikjara li jeżerċita lilu nnifsu regolarment u jħobb jilgħab it-table tennis u l-futbol. It-tims favoriti tiegħu huma Rabat Ajax u AC Milan, anki jekk lir-Rabat jiddeskrivihom bħala “t-tim lokali nazzjonali.”
Il-gosti mużikali ta’ Muscat, li twieled fit-22 ta’ Jannar ta’ l-1974, ukoll jiġbdu lejn ir-rock bil-favoriti jkunu Genesis, Offspring, Bruce Springsteen, Coldplay u Moby. Jiftaħar ukoll li għandu l-kollezzjoni sħiħa ta’ albums tal-grupp Marillion u iktar minn hekk li ltaqa’ darbtejn ma’ l-eks kantant tal-grupp Fish.
Muscat ukoll iħobb il-qari u l-awturi favoriti tiegħu huma Philip Roth, C.J. Sansom, Alexander McCall Smith u Tracy Chevalier.
Il-lista ta’ ħbieb virtwali ta’ Muscat titla’ għal 881 persuna.
Evarist Bartolo hu iktar xott minn Falzon u Muscat dwar il-gosti personali tiegħu. Kulma jgħidilna li twieled fl-14 ta’ Ottubru ta’ l-1952, imbagħad iniżżel is-CV ta’ ħajtu mingħajr ħjiel ta’ x’kotba jaqra, x’films iħobb jew x’mużika jisma’.
Bartolo għandu 456 ħbieb virtwali fix-xibka soċjali tiegħu.
Marie-Louise Coleiro Preca fuq is-sit hi5 għandha xibka ta’ ħbieb mifruxa mhux ħażin b’1,618-il persuna irreġistrati bħala ħbieb.
Madankollu Coleiro Preca ftit tidħol fil-gosti personali tagħha. Tgħidilna li taf titkellem bit-Taljan u l-Ingliż u li twieldet fis-7 ta’ Diċembru 1958. Mill-bqija, għajr għas-suċċessi tal-karriera tagħha, Coleiro Preca ma tiżvela xejn iktar.
Madankollu, b’konformità mal-kredenzjali Soċjalisti tagħha Coleiro Preca tgħidilna li l-kwotazzjoni favorita tagħha hi: ‘Ġustizzja ma’ kulħadd.’
|
|
Julia Farrugia tintervista lil Michael Falzon
Editorijal

Il Punt
Toni Abela
Peppi Azzopardi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|