Aħbarijiet | 04 ta’ Mejju 2008 Nr 79
Julia Farrugia
Id-Deputat Mexxej Laburista Michael Falzon jiddikjara li hu qatt ħadd ma urieh l-istħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika interni li kienu qed isiru mill-MLP fil-kampanja elettorali.
Dan seħħ minkejja li hu kemm-il darba talab biex jarahom u ssir diskussjoni dwarhom fil-partit.
“Jien qatt ma ġejt mogħti kopja tas-survey tal-Partit Laburista u nista’ ngħidlek li tlabt kemm-il darba li niddiskutuh waqt il-kampanja elettorali, mhux darba imma aktar minn darba imma qatt ma ġew diskussi,” sostna ma’ Illum Michael Falzon.
Id-Deputat Mexxej Laburista sostna li l-uniku riżultat ta’ stħarriġ li ra kien dak fis-sala tal-għadd tal-voti l-għada li l-poplu kien diġà xeħet il-verdett tiegħu.
Dak li qed jgħid Falzon hu ikkonfermat minn numru ta’ nies oħra fl-istrutturi interni tal-Partit Laburista li tkellmu ma’ Illum. Dawn ilmentaw li r-riżultati ta’ l-istħarriġ kienu jinżammu mistura bejn erba’ ħitan u kemm is-Segretarju Ġenerali Jason Micallef kif ukoll il-Mexxej Laburista Alfred Sant dejjem irrifjutaw li jiddiskutu r-riżultati, li skond huma kienu qed jagħtu rebħa konvinċenti lill-Partit Laburista.
Falzon jitkellem ukoll dwar il-klikek fil-Partit Laburista u dwar il-ħsara li qed jippruvaw jagħmlulu xi wħud.
“It-tim taf meta jsir klikka? Meta jibda jeskludi lill-oħrajn. Li nista’ ngħid, u ngħidha b’wiċċi mill-quddiem, li jien għamilt minn kollox biex in-nies li ħadmu miegħi jibqgħu tim u ma jsirux klikka,” saħaq il-kontestant għall-kariga ta’ mexxej ġdid Laburista.
Mistoqsi jekk George Abela għandux raġun meta jgħid li l-Partit Laburista hu partit mifni bid-dejn Falzon isostni li jekk kien hemm xi ħadd li għen biex tissaħħaħ il-qagħda finanzjarja tal-MLP kien hu.
“Il-Partit Laburista f’dawn l-aħħar ħames snin kemm ili Deputat Mexxej jien ma żidx id-dejn tiegħu b’ċenteżmu wieħed. Il-Partit Laburista, kontra dak li kien jiġri qabel, f’din il-kampanja elettorali ma ssellifx ewro ċenteżmu wieħed.”
Ara l-intervista
|
|
Julia Farrugia tintervista lil Michael Falzon
Editorijal

Il Punt
Toni Abela
Peppi Azzopardi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|