MediaToday

Sport | 04 ta’ Mejju 2008 Nr 79

Il-bidu ta’ ċiklu ġdid għal Valletta

“Iva. Għamilniha. Nistgħu ngħidu li aħna ċ-champions. Dan il-kampjonat huwa mertu kbir ta’ kulmin ta l-iċken għajnuna lit-tim Belti matul dan l-istaġun. Ma setax jiġi kollox f’mument aqwa minnhekk. Bħal kull Belti nixtieq li nirbaħ kontra Floriana biex b’hekk ikun spettaklu sħiħ. Ovvjament ma nistgħux nagħmlu din ir-rebħa fatta.”
Huwa parti mid-diskors li jagħti indikazzjoni ċara li huwa impossibbli biex wieħed jgħid li Valletta mhux se jiċċelebraw id-19-il kampjonat fl-istorja tagħhom bl-aħjar mod possibbli. Id-daħka u t-tbissima li beda jarmi wiċċ is-Segretarju Ġenerali ta’ Valletta FC hija evidenti.
Il-persuna qatt ma kienet xi waħda minn dawk li jien midħla sew tagħha. Anzi għall-kuntrarju, mas-Segretarju ta’ Valletta kont ili ftit taż-żmien mhux ħażin ma nitkellem b’mod liberu u rilassat wara battibekk żgħir. Forsi l-ħbiberija tagħna tnejn ma’ Victor Sciriha serviet ta’ pont biex jintesa l-passat.
Qatt daqs illum ma kont naf lil Anton Abela hekk. Matul dawn l-aħħar ġimgħat tkellimna ħafna l-aktar bl-msn fuq il-klabb ta’ Valletta FC u l-Beltin. Jgħidli li għalih dan il-kampjonat huwa ta’ sodisfazzjoni doppju għax se huwa l-ewwel wieħed tiegħu fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali u għax se jiġi iċċelebrat illum wara l-logħba kontra Floriana. Kuntent ukoll għall-Beltin li jaf kemm għandhom għal qalbhom lit-tim tal-Belt Kapitali ta’ Malta u li issa wara tant żmien isofru waslet il-ġurnata li toħroġ l-ikbar ferħa li Belti ta’ vera jista’ jieħu.
“Dan se jkun Karnival ieħor. Sar ħafna xogħol u kważi kollox lest. Se naraw affarijiet li bħalhom jafu jagħmlu biss it-tfal tal-Belt. L-ewwel grazzi bix-xieraq tmur lejn Victor Sciriha li għoġbu jiġi jinvesti f’Valletta FC. Imbagħad kowċ, plejers, staff tekniku u partitarji. Kollha ħadmu bla heda.”
Dan ikun l-ewwel diskors li Anton Abela jgħidli hekk kif iltqajt miegħu nhar it-Tlieta f’kafeterija fin-Naxxar. Jispjegali kif illum il-ġurnata l-klabb ta’ Valletta FC għalih sar kollox u parti minn ħajtu. Hija tradizzjoni li ġejja mill-familja Abela u li f’Anton kompla nissel din l-imħabba Joe Caruana Curran.
“Illum il-ġurnata Valletta saru kollox għalija. Jien tifel mill-Belt u trabbejt hemm u għalkemm m’għadnix ngħix hemm bqajt familjari ħafna mal-Beltin kollha. Qegħdin familja ta’ seba’ aħwa li kollha għandna għal qalbna lit-tim tal-futbol. Kienet ġietni l-opportinità nidħol ma’ Valletta FC fiż-żmien Joe Caruana Curran. Għal Valletta FC tlaqt il-karriera tat-televiżjoni. Dħalt b’għan biex inħejji ruħi għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali u ma’ l-ewwel laqgħa kont spiċċajt f’din il-kariga.
“Dak il-mument meta nħtart segretarju ma ninsih qatt. Joe Caruana Curran kien qalli biex inqum minn bil-qiegħda fejn kont mal-membri l-oħra u npoġġi bil-qiegħda ħdejh. Kienet saret elezzjoni bejni u bejn Miriam Micallef u rbaħtha jien b’sitt voti. Kif sirt Segretarju anqas ridt nemmen. Dak iż-żmien kien hemm nies bħal Paul Spiteri u Sergio Zampa. Joe Caruana Curran kien għamilhieli ċara li jekk ridt li nkun Segretarju ma nistax nibqa’ fit-televizjoni. Il-kunflitt ta’ interess kien idejqu ħafna. Benny Pace kien għamilha ċara li ma riedx ikompli f’din il-kariga.
“Minbarra li kien President tal-klabb jien u Joe Caruana Curran konna u għadna ħbieb kbar. Baqa’ f’qalbi u se jibqa’ f’qalbi. Tgħallimt ħafna affarijiet minn għandu u tagħni l-esperjenza kollha neċessarja. Konna niltaqgħu sitt sigħat kuljum. Meta hu spiċċa nammetti li kont għamilt zball li tbegħidt xi ftit minn miegħu imma bdejt niddejjaq li nitkellem miegħu fuq Valletta meta hu ma kienx qiegħed hemm. Illum il-ġurnata erġajna l-ikbar ħbieb li konna dejjem.”
Anton Abela huwa Belti mwieled fl-4 ta’ April 1973 u joqgħod in-Naxxar. Iben Beatrice u Anthony u miżżewweġ lil Maroushka u missier ta’ Nelia ta’ sentejn u nofs. Għajnejh bħal donnhom jixegħlu meta jkellimni fuq il-familja u jsemmi lil missieru.
“Probabbli li l-ewwel ħsieb li jiġini f’moħħi wara l-logħba tal-lejla jkun f’missieri li llum m’għadux magħna u naf kemm kien iħobb lill-Belt. Qalbu kienet dejjem ittektek għat-tim tal-Belt. Dan il-kampjonat niddedikah lilek pà.”
Inkellmu fuq Victor Sciriha, il-President ta’ Valletta. Fis-sajf li għadda deher evidenti li Anton kien qed jagħti l-appoġġ assolut tiegħu lejh biex jimbuttah għal din il-kariga. Personalment inħoss li għamel sew li jekk emmen fih ħareġ għonqu għalih.
“Mhux ħriġt għonqi imma jien wieħed minn dawk li nara biss il-bniedem li jrid jgħin lill-klabb. Allura jien bilfors kelli nagħti l-appoġġ tiegħi lil Victor għax fil-Belt kien se jagħmel ġid biss. Meta kien hemm Joe Caruana Curran urejt appoġġ sħiħ lejh u l-istess għamilt ma’ Charles Camilleri. Jien bniedem li f’ħajti npoġġi l-ewwel il-prioritajiet tal-klabb.
“Victor Sciriha kien issemma xi tliet snin ilu u l-ħatra tiegħu saret din is-sena. Charles Camilleri kien għamilha ċara li mhux beħsiebu jkompli. Qabel ma warrab hu u daħal Sciriha kienu ltaqgħu ż-żewġ naħat. Jien nemmen li kull President u bniedem ieħor li jidħol iservi f’kumitat ta’ klabb tal-futbol għandu jsib l-appoġġ tal-membri kollha tal-klabb.
“Meta kien ġie elett President ried jerġa’ jqajjem l-entużjażmu fit-toroq tal-Belt. Għamel sajf li fih dar kull rokna tal-Belt f’dawk il-famużi laqgħat. Fil-Valletta FC reġa’ ġab interess kbir. Il-bidu kien iebes u kellna d-diffikultajiet tagħna izda llum il-grupp ingħaqad ħafna u sirna kwazi champions.”
Naqbad ma’ Anton l-argument li nstema’ ħafna jekk dan kollu jarahx stunat li bniedem li kien ma’ klabb ieħor bħala President baqa’ fl-istess kariga imma ma’ klabb ieħor.
“Ma narahiex stunata u se ngħidlek għalfejn. Victor huwa bniedem ambizzjuż u dan jgħidu hu stess. Marsaxlokk iridu jkunu grati lejh għax minn tim li ma jafhom ħadd illum spiċċaw fejn spiċċaw. Victor kien ilu jgħid anki fil-media, inkluż f’intervista miegħek bħal din, li l-ħolma tiegħu hi li jkun President ta’ Valletta FC. La dik kienet ix-xewqa tiegħu jien ngħid li għamel sewwa. Barra minn Malta kien hemm Presidenti li kellhom żewġ klabbs f’daqqa sakemm twaqqfu mill-UEFA. U l-plejers matul il-karriera kważi kollha jbiddlu l-ewwel klabb tagħhom. Allura fejnha l-problema?”
Infakkru li anki jekk kien sar kollox fil-mistur, fiż-żmien l-elezzjoni tal-Kumitat ta’ Valletta fis-sajf li għadda kien hemm ukoll moviment kontra Victor Sciriha li jista’ jkun li għadu jeżisti sa llum.
“Ma ngħidx li kien hemm min m’għandux pjaċir bih. Jien ngħid li l-bidla f’kull ċirkostanza ġġib ċertu nies kontra. Iżda dan sakemm ma jibdewx ġejjin ir-riżultati. Illum il-ġurnata jekk tmur iddur il-Belt ma ssibx persuna waħda tgħidlek kontrieh. Il-garr huwa normali għax anki l-imsaren fiż-żaqq igorru. Jien ukoll ma nimmaġinax li għandi jew kelli lil kulħadd favurija fil-Belt.”
Nitkellmu fuq it-tim preżenti ta’ Valletta. Jgħidli li bħala champions il-ġodda tal-futbol Malti ma kienx jikkunsidra dan l-istaġun bħala falliment li kieku Valletta ma rebħux il-kampjonat. Min-naħa l-oħra jgħidli li l-akkwisti li saru kienu kollha f’konsultazzjoni bejnu, bejn Sciriha u l-kowċ Paul Zammit.
“L-akkwisti kollha kienu li ried il-kowċ. Dak li ried Paul ġew magħna. Iżda xorta ma kontx narah diżastru kieku ma rbaħniex il-kampjonat. Ma rridux ninsew li f’dan it-tim għandna tmien plejers ġodda, President ġdid u pjan ibbażat fuq tliet snin. Kieku ma rbaħniex dan il-kampjonat ma kenitx se taqa’ d-dinja. L-għan tagħna kien li nidħlu fl-Ewropa iżda mhux Intertoto. Però ġiena ċ-ċans għall-kampjonat u ħadnieh ukoll.”
Nurih li ma naqbilx miegħu. Ngħidlu li dan kollu għalija ma jagħmilx sens għax wara bidu diżastruż fil-kampjonat, il-kowċ Belti kien f’tarf li jitneħħa.
“Huwa vera li l-kowċ kien diskuss ferm iżda qatt ma tneħħa kif allegaw ċerti ġurnali. Tlaqna bil-pretensjonijiet ta’ protagonisti u meta fil-bidu ma bdewx ġejjin ir-riżultati daħal xi ftit tal-paniku. Konna niltaqgħu mal-kowċ regolari. Niftakar l-ikbar waħda nqalgħet wara t-telfa ta’ Sliema meta l-President kien ġegħilni ngħajjat laqgħa urġenti l-għada filgħodu. Personalment nemmen li Paul huwa kowċ bravu ħafna u jidħol ħafna fid-dettal tal-logħba tal-futbol. Naħseb li l-unika problema li għandu hi li jqum u jorqod futbol biss.”
Jien nara lis-Segretarju ta’ Valletta bħala persuna twajba kemm trid iżda ma jistax għall-kritika tal-media fil-konfront ta’ dak kollu li jmiss ma’ Valletta. Bħala eks ġurnalist nistaqsieh jekk irrealizzax li meta joħodha kontra xi ġurnalist ikun qiegħed biss jitfa’ l-balla fuq saqajh u fuq il-klabb tiegħu.
“Il-kritika ddejjaqni biss meta ma tkunx minnha jew li xi ġurnalist jinsinwa xi affarijiet li ma jkunux minnhom bħalma ġralna dan l-istaġun. Niddejjaq nisma’ ġurnalist li jitfa’ dell ikraħ fuq xi ħadd. Jew inkella jagħmel ix-xogħol ta’ xi ħadd jidher ħazin. Kien hemm rapport f’magazin li ma jagħmilx ġieh lill-futbol Malti u jista’ biss ibiegħed lill-ispettaturi minn Ta’ Qali. Allura mbgħad il-għala ngergru li n-nies ma jitilgħux il-grawnd?
“Mela aħna kulħadd jaħdem u jiġini ġurnalist li jmaqdar ix-xogħol li nkunu qed nagħmlu kollha f’daqqa. Ma tistax tbiegħ il-prodott għall-iskapitu ta’ ħaddieħor. U anqas tista’ taqa’ għall-emozzjonijiet tat-tim ta’ qalbek. Darba fiż-żmien tiegħi kont qed nagħmel kummentarju bejn Sliema u Valletta. Kienu skurjaw is-Sliema u għajjatt gowl. Fit-tieni taqsima kien skorja żewġ gowls Pavel Mraz. Kif wasalt id-dar kien hemm missieri u qalli biex ma nagħmilx logħba oħra tal-Belt għax meta skurjaw is-Sliema kont qisni se mmut. M’hemmx xi ngħidu li missieri kellu raġun.”
Imma llum il-ġurnata jiddispjaċih li telaq il-karriera tal-ġurnaliżmu biex daħal fil-kumitat ta’ klabb lokali?
“Lanqas xejn. Dħalt f’din il-kariga fiż-żmien ta’ tbatija. Qabel kont involut fil-klabb bħala marketing. Iżda ma’ Charles Camilleri l-klabb ħadem ħafna biex nimxu ’l quddiem. Kulmin ikun fil-kumitat tal-Belt dejjem ta dak kollu li jista’ għat-tim li tant iħobb.
“Jien sirt naf x’jiġifieri li tkun Belti vera kemm ili fil-Kumitat ta’ Valletta. Sirt nemminha din għax in-nies tal-Belt għandhom fihom il-Karnival u t-tim tal-futbol. Huwa dan kollu li jiddistingwihom minn partitarji oħrajn.
“Kien hemm dillużjonijiet imma meta tirbaħ tinsihom. L-imbierek staġun li spiċċajna Relegation Pool ftit nies jafu minn xiex għaddejna. L-uffiċjali tal-klabb qlajna ħafna fuq wiċċna. Għad għandi sa llum ittri bi kliem ħazin u theddid u toilet paper bil-ħmieġ. Minn dak iż-żmien diffiċli għamilna ħafna xogħol u llum ninsabu fejn ninsabu.”
Insaqsih jaħsibx li Segretarju ta’ Valletta hux aktar diffiċli minn Segretarju ta’ kwalunkwe tim ieħor.
“Bilfors, għax Segretarju ta’ Valletta għandek pressjoni enormi. Jien nista’ ngħidlek li jumejn qabel u wara l-logħba ma noroqdx sew, l-aktar f’fażijiet kruċjali bħal dawn. Dejjem nibża’ li sa 48 siegħa wara tim jista’ jipprotestali. Anqas irrid noħlom li xi darba ngħaddi minn xi ħaġa bħal din. L-unika dispjaċir li għandi kemm ili fil-kariga hu li ma rbaħtx il-każ ta’ Luke Dimech kontra Birkirkara. Fl-opinjoni tiegħi konna aħna li kellna raġun. Kellna kollox kontrina, inkluż il-media u tlifnih.”
Inkellmu fuq ir-referees lokali. Nistaqsih jekk jaħsibx bħal maġġoranza tad-dilettanti li Valletta huma xi ftit aktar vantaġġat mill-kumplament fejn jidħol il-kontroll tar-referees.
“Le. Mhu veru xejn. Kelli diġà okkażjoni li niddiskuti miegħek dan kollu darb’oħra. Ma naqbel miegħek f’xejn. Sofrejna ħafna minn deċiżjonijiet ta’ referees. Kien hemm każ li lilna tefgħetna ħafna lura f’dik il-famuża logħba, Valletta v Floriana. Kellna seba’ plejers sospiżi. Kien impossibbli li r-referees jinnutaw kollox dak il-ħin ta’ l-inċidenti. Illum għadda ż-żmien u kollox reġa’ ġie għan-normal. Il-futbol hekk, fl-aħħar mill-aħħar, il-favuri u l-isfortuni jiġu ibbilanċjati.”
Nitkellmu fuq il-partitarji ta’ Valletta u jekk jaħsibx li dawn qed jesaġeraw xi ftit fit-tgħajjir u l-kliem baxx tagħhom fil-konfront ta’ l-avversarji.
“Ir-rapporti ta’ l-MFA nirċievihom jien. L-irregolaritajiet tal-grawnd li jagħmlu l-partitarji naqrahom kollha. Il-partitarji qed jiġu vittimizzati żżejjed. Int sifirt bħali barra minn Malta u f’logħba taħraq taf biżżejjed xi jkun hemm. Jien ngħidlek li mbilli jkun hemm xi ftit tgħajjir ta’ pika jagħmel atmosfera isbaħ. Vera jkun hemm xi kant fuq il-patruni imma dawn affarijiet li jiġru fid-dinja kollha. Lill-MFA qed nagħtuha Lm50 ta’ kull logħba. Naħseb anki huma jridu jagħlqu xi ftit għajnejhom kultant.
“Il-partitarji Beltin uniċi. Għandhom sehem kbir f’dan il-kampjonat u grazzi għalihom li bqajna għaddejjin logħba wara oħra ma nitilfux. Il-futbol huwa fid-demm tal-Beltin u jekk tidħol il-Belt tisma’ biss diskors fuq futbol. Il-partitarji jibqgħu l-ikbar sponsor ta’ kull zmien ta’ Valletta FC. L-istess kienu dawk ta’ Ħamrun Spartans u Birkirkara meta kienu fl-aqwa tagħhom.
“Dan huwa bidu ta’ ċiklu ġdid għall-Valletta FC. Il-plejers għadhom żgħar u l-esperjenza diġà qiegħda hemm. Magħhom hemm l-esperjenza u quddiemi qed nara li se jerġgħu jiġu żminijiet ta’ Valletta u Birkirkara.
“Ikolli nammetti Birkirkara hu l-aktar tim li jdejjaqni. Għandhom appoġġ kbir ukoll u għandhom l-istess struttura tagħna. Iżda bil-Belt ta’ llum jista’ jiġi kulħadd għax ma jdejjaqni ħadd. Diġà qed nitkellmu fuq xi rtokki oħra għas-sena d-dieħla.”
Nitolbu jagħtini l-aktar plejer li spikka dan l-istaġun u liema jaħseb li kien l-aqwa akkwist li għamlu Valletta FC.
“Ma nħobbx insemmi plejer wieħed għax kien grupp sħiħ. Iżda plejer li ma tantx jissemma u fl-opinjoni tiegħi kellu piż kbir fir-rebħ tal-kampjonat kien David Camilleri. Jidħol f’sitwazzjonijiet delikati waqt il-logħba li ftit jinnutawh.
“Jekk tgħidli l-aqwa akkwist ngħidlek li bla dubju kien Andrew Hogg. Kollha kienu influwenti imma Hogg baqa’ l-istess plejer ta’ qabel. Ma’ Birkirkara salvana darbtejn. Naħseb għandu futur kbir quddiemu.
“Iżda ma nistax ma niħux l-opportunità biex insellem lil Kris Laferla. Jien għalija kien leader kbir tat-tim u fost l-aqwa plejers ta’ kull żmien. Kellu viżjoni u intelliġenza kbira li jien ftit rajt bħalha fil-logħba lokali.”
Fi ftit kliem jiddiskrevili l-esperjenza tal-logħba tal-Juventus.
“Esperjenza kbira. Jien Juventin imma dak inhar każ ta’ xejn. Kien hemm ċerti movimenti fil-pitch li ma tantx għoġbuni. Kienet evidenti li t-telfa m’aċċettawiex. Kienu ftit snob magħna. Huma ħaduha li se jirbħu żgur u ma rnexxilhomx. Iltqajt ma’ ħafna plejers minnhom u nassigurak li ma kinux ferħana.”
Il-futur ta’ Anton Abela se jibqa’ f’Valletta FC?
“Il-futur tiegħi hu li ngħix dan l-istaġun u ngawdih ġurnata b’ġurnata. Għandi tifla li lanqas biss rajtha tikber. Kif jispiċċa l-kampjonat dejjem inqis u nara jekk fija nnifsi għadux jezisti l-istess entużjażmu ta’ qabel. U jekk ikun hemm nerġa’ nitfa n-nomina tiegħi u jekk le ma nitfagħħiex.
“Issa nispera li narak għall-festeġġamenti. Se nibdew mill-famuża entrata fi Strada Reali. Imbagħad induru ftit il-ħwienet u l-postijiet kollha bħala Kumitat. Iżda rridu nitfgħu mill-ewwel il-ħsibijiet tagħna fil-logħob għax għandna t-trophy tistenniena.
“Il-partitarji kienu ċ-ċirasa fuq il-kejk għalina. Jien ninnotaha anki qabel ma noħorġu minn taħt it-tunnel tal-grawnd. L-ewwel ħaġa li jagħmlu l-plejers tkun li jħarsu lejn l-istand biex jaraw kemm ġew nies jarawhom. U se nagħmlu minn kollox biex in-naħa tagħna jibqa’ dejjem ippakkjat.”

NOTA: Din l-intervista saret matul il-ġimgħa qabel ma kien magħruf li Valletta FC saru mill-ġdid champions

 

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Julia Farrugia tintervista lil Michael Falzon



Il Punt
Ġgant ġentili
Toni Abela


Peppi Azzopardi
Reġistru għal dawk ħatja ta’ abbuż sesswali?



Emmanuel Micallef
Is-salib ta’ Dolores


Carmelo Mifsud Bonnici

Mhux sempliċi ċelebrazzjoni



X'kien Jgħid
Ix-Xellug



Wenzu Mintoff

Logħba ċess
Kif jgħid il-Malti li għandu ħabta jidħol bħal Pilatu fil-kredu, fl-aħħar mill-aħħar iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma. Ftit ftit hekk qed jagħmel, avolja l-prezz tiegħu sploda u ma jkunx jaqbel li nħalluh jixxerred ma’ l-ilma.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan