Pjazzetta | 04 ta’ Mejju 2008 Nr 79
Joe Cassar
It-tnissil fil-ġuf. Id-dawl tal-ħajja. It-tmiem tal-ħajja. Il-mawra tal-bniedem fid-dinja. L-għaqda bejn min temm it-triq u min għadu jterraq fiha. Il-mixja tal-bniedem tnissel il-ktieb li għandu ħajja aktar minn dak tal-jum li jfakkru. Ir-riħ iqalleb il-folji li jiżfnu waqt l-għanja tal-kliem imsakkra bejn qoxra u oħra.
Il-bniedem dejjem ifittex. Il-ħsieb jimraħ fil-qrib u fil-bogħod. Minn dik li llum hi l-Afrika l-bniedem infirex u għammar id-dinja. Jixtieq li jiftaħ l-univers.
Jgħanni Omeru ta’ għajnejn mitfija.
“Għannili, Muża, ir-raġel b’mod ħawtiel
li kellu ’l hawn u ’l hinn fil-bogħod iterraq
wara li ħarbat belt qaddisa. Trojja.”
(L-Odissea maqlub bil-Malti minn Victor Xuereb)
Għannejja oħra kbar u żgħar.
Brida ta’ Paolo Coelho
Paolo Coelho hu kittieb ta’ żminijietna u joħloq vjaġġ wieħed wara l-ieħor. ‘L-Alkemista’ jeħodna fid-deżert. ‘Il-Pellegrinaġġ’ iwassalna sal-maqdes ta’ Compostela. Goethe stqarr li l-pellegrinaġġi bnew l-Ewropa. Wara ‘Is-Saħħara ta’ Portobello’, rumanz drammatiku, ilaqqagħna ma’ Brida, tfajla Irlandiża bħal James Joyce li kiteb ‘Ulisse’. Ħanut tal-kafè f’Lourdes. Xi ħadd jiltaqa’ ma’ Brida li fl-aħħar tasal biex tiftaħ ħajjitha. It-toroq kollha jwasslu lejn Ruma imma hi sabet it-triq f’Dublin, fl-għagħa tal-ħajja ta’ kuljum.
Twemmin nisrani u seħer jingħaqdu u jsiru ħaġa waħda. Il-Mulej juri ruħu fis-sbuħija tal-ħolqien, tan-nar u tal-masġar. Is-seħer hu pont li jwassal mid-dinja li tidher għad-dinja li ma tidhirx. Il-pont iwassal għas-sejba tal-‘Għotja’ u tar-‘Ruħ Tewmija’. It-tfitxija hi aktar qawwija mis-sejba kif hu aktar iebes it-twettiq ta’ bidla minn barra u minn dik ta’ ġewwa. Il-ħwejjeġ żgħar ta’ madwarna fi proża poetika.
The Zurau Aphorisms ta’ Franz Kafka
(Daħla u għeluq minn Roberto Calasso)
Franz Kafka marid jagħmel mawra lejn id-dar ta’ oħtu f’Zurau, raħal ċkejken qalb għoljiet imdawwar b’imsaġar u mergħat li nebbħu l-ktieb ‘Il-Qasr’. Hemm jagħmel tmien xhur imħares mill-mard, jaħrab mid-dinja. Ma jixtieqx li jiġu ħbieb jarawh. Ma jridx ittri. Il-ħsejjes tad-dinja jonqsu u fl-aħħar jisktu. Kafka jgħarbel għeruqu. Fl-ewwel jum ma kiteb xejn.
Wara beda jħażżeż, daqqa bil-pinna, daqqa bil-lapes fuq biċċiet ta’ karta. Din il-kitba l-ewwel ixxandret minn Max Brod. Issa l-għidut reġgħu nġabru f’ħarġa sabiħa. Għamel id-daħla Roberto Calasso u l-għeluq hu kapitlu meħud minn ‘K’ ta’ l-istess Calasso, imsemmi l-aktar għal “Iż-żwieġ ta’ Kadmu u Armonija”.
Fuq is-seħer Kafka qatt ma kiteb imma kien jaf x’inhu: id-dawl tal-ħajja jdawwarna, dejjem fl-eqqel milja, nistgħu nersqu lejh għalkemm hu moħbi, mhux fil-wiċċ, ma jidhirx, qiegħed ’il bogħod imma hemm qiegħed, mhux għadu, mhux biered, mhux trux. Jekk insejħulu bil-kelma sewwa, b’ismu sewwa, jiġi. Dan hu l-għeruq tas-seħer li ma joħloqx imma jsib. Is-seħer u l-ħmar il-lejl.
Wara ftit jiem f’Zurau, f’siegħa sabiħa ħass, ruħu sid tiegħu nnifsu, iltaqa’ ma’ l-alla tal-ferħ, terraq f’medda ta’ ġnien. Imma lil dik l-alla semmiha dik id-darba biss. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Michael Falzon
Editorijal

Il Punt
Toni Abela
Peppi Azzopardi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|