Peppi Azzopardi | 04 ta’ Mejju 2008 Nr 79
Ftit ġimgħat ilu konna qed nippreparaw għall-programm Xarabank dwar is-Cyberspace. Flimkien ma’ Antonella mit-tim ta’ Xarabank morna għal brainstorming session ma’ l-Ispettur Pawlu Caruana u t-tim tiegħu tas-Cybercrime Unit.
Kont impressjonat bl-entużjazmu li bih jagħmlu x-xogħol tagħhom. L-ispettur Caruana dawwarna max-xogħol li jagħmlu. F’daqqa waħda fuq kompjuter partikulari uriena site ta’ pornografija bit-trabi u bit-tfal. Rajt l-immaġini għal ftit sekondi u ma stajtx nemmen x’kont qed nara quddiem għajnejja.
Kont nifhem il-kruha ta’ l-abbuż fuq it-tfal iżda meta rajtha għall-ewwel darba quddiem għajnejja ma rridtx nemmen. Li kelli nirrepeti x’rajt ma niftakarx iżda naf li kienet, jew kienu, xeni tal-biża’.
L-istess ġralha Antonella. Bqajna bla kliem għax ma temminx li hawn min juża t-trabi u t-tfal u jabbuża minnhom b’dan il-mod mill-aktar krudili.
L-Ispettur Caruana spjegalna li jeżistu mijiet ta’sites bħal dawk li konna għadna kif rajna. Qalilna li hemm ħafna nies madwar id-dinja li jiffrekwentaw dawn is-siti. Ikkonfermajt li dawn in-nies li jieħdu gost jarawhom bilfors li huma morda. Għax persuni normali mhux biss ma jitqanqlux sesswalment għal xeni u stampi bħal dawn iżda jirriġettawhom għax iqisuhom bħala ripulsivi u tal-biża’.
Dan l-aħħar kellna l-każ ta’ persuna li nstabet ħatja li abbużat. Il-Qorti ordnat li ma jissemmiex isem il-persuna. Weħel sentejn ħabż sospiżi għal erba’ snin. Ir-ritratti tal-persuna daru fuq l-internet u jiena rċevejthom mill-anqas minn 15-il persuna differenti.
Xterdu ma’ kullimkien biex kulmin għandu t-tfal joqgħod attent jew attenta minnu. L-istint tiegħi li għandi tifel ta’ 10 snin ikun bħal dawk li bagħtuli l-emails. Li nkompli nxerred dawn ir-ritratti. Iżda għazilt li ma nilqax l-istedina li nxerred dawn ir-ritratti u l-informazzjoni ta’ din il-persuna. Nispjega għaliex.
Inqis lil dawn in-nies bħala morda. Min huwa marid għandu bżonn il-kura. Mir-riċerka li għamilt sa llum f’Malta ma hawnx għajnuna u kura konkreta għal dawn il-persuni b’ġibdiet sesswali li jħassru lil uliedna. Din hija sitwazzjoni gravi ħafna.
Assolutament ma naqbilx ma’ sentenza sospiża jekk ikun il-każ li din il-persuna għandha ġibdiet pedofili. X’jiswa li nagħtu sentenza sospiża meta din il-persuna tista’ terġa’ tabbuża għax il-ġibdiet li aħna għadna lejn persuni adulti huma jħossuhom għat-tfal? Dawn il-ġibdiet pedofili mhux trattati jistgħu jwassluha biex terġa’ tabbuża u terġa’ tabbuża. B’uliedna. Allura sentenza sospiża ma tagħmilx sens għax il-problema se tibqa’ mal-persuna u magħna.
B’daqshekk ma naqbilx li din il-persuna tinbagħat sentejn ħabs. Għax il-ħabs aktarx li tkun hi stess abbużata kif jiġri f’ħafna każi. Dan l-aħħar inħolqot sezzjoni fil-ħabs proprju biex tilqa’ ġo fiha lil dawn il-persuni. Iżda dawn ma jingħatawx kura. Jibqgħu hemm biex jagħmlu l-kastig, jgħaddu s-snin bħala kastig u l-persuna toħroġ. Pedofilu kien u pedofilu jibqa’. Fil-ħabs inkunu biss ipposponejna l-problema għal sena jew sentejn.
Is-soluzzjoni tiegħi hi forsi kontroversjali u radikali. Naħseb li persuni pedofili għandhom jitpoġġew ġo sptar maħluq apposta b’terapija biex ifiqu. Is-sentenza m’ għandhiex ikollha żmien fuqha. Għax ma tkunx imnebbħa minn kastig iżda minn kura. Il-persuna tibqa’ fl-isptar sakemm tfieq u allura ma tkunx ta’ periklu għal uliedna. Illum jeżistu sistemi kif b’mod elettroniku dawn il-persuni jistgħu jkunu monitored 24 siegħa kuljum. F’dan is-sens dawn il-persuni għandhom isegwu terapija u wara meta jerġgħu joħorġu mill-isptar għandhom jibqgħu jkunu monitored.
Ovvja dawn il-persuni ma jkunu jistgħu jaħdmu qatt f’postijiet li jinvolvu tfal. Kif se nagħmlu biex inkunu żguri li dawn il-persuni, kemm idumu ħajjin, ma jaħdmu qatt mat-tfal? Noqogħdu nibagħtu l-emails bir-ritratti tagħhom? Nagħmlu posters u nwaħħluhom ma’ kullimkien? Ma naqbilx. Allura x għandu jiġri?
Nipproponi li kull persuna f’Malta u Għawdex għandu jkollha card li fiha jkun hemm ċertifikat li l-persuna tista’ taħdem f’xogħol mat-tfal. Meta napplika għal xi xogħol konness mat-tfal nintalab dan iċ-ċertifikat. Dawk il-persuni li jkunu nstabu ħatja ta’ xi forma ta’ abbuż fuq it-tfal jittihdilhom dan iċ-ċertifikat. Allura jekk jaslu biex japplikaw għal xogħol mat-tfal u jintalbu ċ-ċertifikat, dawn ma jkunux jistgħu jippreżentawh. U naturalment ma jimpjegahomx.L-istess dan iċ-ċertifikat għandu jgħin lill-Knisja biex tassigura li l-persuni li jaħdmu mat-tfal ma jkunux f’tentazzjonijiet kontinwi biex jabbużaw bihom.
Jekk ikun hawn il-kura għal dawn in-nies morda allura anke dawk li jkollhom dawn il-ġibdiet u jirreżistuhom ikunu jistgħu jmorru għall-kura. Waqt il-kura jkunu mħeġġa li minn jeddhom jiddepożitaw iċ-ċertifikat tagħhom biex tbegħidhom mit-tentazzjoni li jaħdmu mat-tfal. B’hekk inkunu żguri li anke dawk li għandhom dawn il-ġibdiet u jirreżistuhom, jew ma jinqabdux, ma jispiċcawx ikunu ta’ periklu għal uliedna. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Michael Falzon
Editorijal

Il Punt
Toni Abela
Peppi Azzopardi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|