Carmelo Mifsud Bonnici | 04 ta’ Mejju 2008 Nr 79
Verament, f’ċerti mumenti, ngħid li dan “Jum il-Ħaddiem”, l-1 ta’ Mejju, għadu importanti lill-ġabra ta’ persuni li qed nieħu l-impressjoni li qed tonqos. Ma rridx inkun negattiv, biss, għandna naqblu li qed tonqos l-attenzjoni għalih. Niftakar fi żmien ieħor. Però nifhem li ċ-ċirkostanzi nbidlu għax ix-xenarju fid-dinja tax-xogħol fortunatament inbidel sew. Il-kundizzjonijiet, id-drittijiet, l-għarfien tad-dinjità tal-bnedmin m’għadhomx xi art li għad irridu naslu għaliha, imma fejn illum diġà wasalna.
Nammettu li naqsu l-argumenti fuq skala nazzjonali fuq dan is-suġġett, in parti proprju minħabba din l-affluwenza ekonomika u soċjali. Għandna naraw kif din ir-realtà nagħrfuha u nibqgħu nikkumbattu biex il-ħaddiem fuq il-post tal-ħidma tiegħu jkollu l-valur tiegħu apprezzat iktar.
Rajt bi pjaċir li ż-żewġ Unions prinċipali tal-pajjiż, sija l-U.H.M. u l-G.W.U, aġġornaw ħafna rwieħhom. It-tnejn jużaw mezzi elettroniċi biex jaslu direttament għand il-membri tagħhom u jieħdu ħsieb li jżommu argumenti li jiddiskutu d-dinja tax-xogħol fis-sustanza tagħha.
Però l-aġenda nazzjonali mhux dejjem jirnexxilhom jakkwistawha fuq dan il-front, proprju għax hemm dinjiet differenti u kumplikazzjonijiet li qabel ma kienx hawn. Ammirajt il-fatt li t-tnejn li huma għażlu bħala tema s-sigurtà tas-saħħa fid-dinja tax-xogħol. Hemm bżonn aktar għarfien. Hemm bżonn li iktar ħaddiema jkunu aġġornati, preparati u konxji ta’ dan is-suġġett. M’huwiex lussu żżejjed, iżda għodda essenzjali għalihom. Hemm fejn wieħed irid iħares biex ikun hemm inqas persuni li jispiċċaw iweġġgħu jew jitilfu ħajjithom fuq il-post tax-xogħol.
M’hemmx agħar minn dawn is-sitwazzjonijiet, iktar u iktar għax mhux kull bniedem għandu għad-dispożizzjoni tiegħu polza ta’ assigurazzjoni privata li tipproteġi lilu u lil familtu.
Xi tliet snin ilu konna daħħalna numru ta’ emendi fil-Kodiċi Ċivili biex niftħu iktar il-possibbilità ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru l-ħajjiet tal-ħaddiema f’kull kategorija u f’kull tip ta’ kumpanija, żgħira jew kbira. Kemm din qed tiġi użata ma nafx, imma niġbed l-attenzjoni għaliha. Il-ħaddiem Malti jiddependi wisq fuq l-ispallejn tal-benefiċċji ta’ l-Istat, jew agħar, mhux dejjem ikun imgħarraf b’dawn il-vantaġġi.
Forsi wasal hawn ukoll il-possibbiltà ta’ iktar skemi li jinvolvu u jissudaw il-protezzjoni tal-ħaddiem. F’dinja żviluppata l-fattur uman ma jistax jiġi traskurat. Hemm bżonn kunċetti ġodda li jressqu lejn iktar parteċipazzjoni f’dak li huwa għaddej.
Ma għandniex naħsbu fit-teħid tal-mezzi tal-produzzjoni imma fil-bżonn ta’ kollaborazzjoni ta’ bnedmin ma’ oħrajn bħalhom.
Il-ħaddiem m’huwiex oġġett. Irid jibqa’ jiġi rispettat f’kull qasam u f’kull tip ta’ xogħol. L-1 ta’ Mejju huwa mument importanti fil-ħajja tal-pajjiż, imma ma għandniex nillimitawh għal dik il-ġurnata, imma nassiguraw li jkollna iktar għarfien kontinwu. Dan il-pajjiż jixraqlu li jagħti dinjità lil kulmin jaħdem u jrid jassigura li anqas kategoriji ta’ persuni jiċċaħħdu minn dak li hu tagħhom.
Ma għandux ikun hemm sfruttament ta’ min huwa inqas vantaġġat minna. Is-saħħa soċjali u ekonomika Ewropea ma tagħtiniex id-dritt li nittraskuraw id-dinjità tal-bnedmin li ġejjin minn kontinenti oħra.
Irridu naraw li jikber l-għarfien li l-ħaddiem, hu min hu, għandu drittijiet li ma għandniex nittraskuraw.
“Jum il-Ħaddiem” m’huwiex sempliċi ċelebrazzjoni iżda affermazzjoni ta’ stat ta’ dritt. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Michael Falzon
Editorijal

Il Punt
Toni Abela
Peppi Azzopardi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|