Emmanuel Micallef | 04 ta’ Mejju 2008 Nr 79
Sa ftit xhur ilu Norma Saliba kienet ġurnalista full-time mal-PBS. Minn dak in-nhar sabet xogħol ieħor iżda fl-istess ħin żammet postha bħala xandara ta’ l-aħbarijiet (newscaster) mal-PBS fuq bażi part-time. Bħalha hemm oħrajn. Iżda fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet meta marret biex taqra l-bullettin ta’ l-aħbarijiet ingħatat l-aħbar li mhux se titħalla iktar taqra l-aħbarijiet. Aħbar li ngħatat ħabta u sabta bħal sajjetta fil-bnazzi. X’kienet ir-raġuni?
Qalulha li għax minflokha se jibdew jaqraw il-ġurnalisti full-time il-ġodda li ddaħħlu fil-PBS dan l-aħħar. Għaliex lilha, u mhux lil ħaddieħor ukoll, li bħalha huma newscasters part-time ma ntqal xejn.
Forsi għax ħaddieħor se tmissu l-istess xorti dalwaqt! Ħadd ma qalilha li ma kinitx tieħu xogħolha bis-serjetà. Ħadd ma qalilha li fid-dehra tagħha, fil-preżentazzjoni, fil-mod kif taqra u tikkomunika waqt l-aħbarijiet ma kinitx ta’ livell professjonali. Jibqa’ misteru għalfejn eżattament riedu jeħilsu minnha, għax b’daqshekk flus ma ffrankawx. Dak li kienu jħallsu lilha se jagħtuh lil ħaddiehor. U kieku ħallewha hemm il-baġit allokat kien jibqa’ l-istess iżda jinqasam bejn iktar impjegati.
Għandhom dritt iwaqqfulha l-impjieg? U żgur li għandhom iżda mhux bil-mod kif jiddilettaw tal-PBS. Ma nafx xi skola ta’ maniġment attendew biex minflok jgħidulek “grazzi tas-servizz li tajt iżda ċ-ċirkostanzi jitolbu li jkollna nwaqqfuk mill-kontribuzzjoni tiegħek” jgħidulek “int għada l-aħħar għax qtajniek mir-roster”.
Din hi l-professjonalità? Sa llum Norma għadha tircievi messaġġi ta’ simpatija u solidarjetà, inkluż minn ħaddiema tal-PBS infushom. Ma’ dawn il-messaġġi qed tirċievi wkoll stejjer ta’ esperjenzi ta’ nies midħla fix-xandir jitkażaw bid-dilettantiżmu li hemm fix-xandir nazzjonali. Mhumiex il-ħaddiema tal-PBS li ġabu l-istazzjon fl-istat miskin li jinsab fih.
Anzi l-ħaddiema fil-biċċa l-kbira tagħhom jagħmlu mirakli meta wieħed iqis il-kundizzjonijiet u l-faċilitajiet ristretti li jaħdmu fihom. Hemm problema kbira ta’ maniġment. Mhux għax m’hemmx maniġers ta’ ħila imma anke dawk li jieħdu inizjattiva u jippruvaw jagħmlu xi ħaġa jsibu min iwaqqafhom u jiddemoralizzahom. Min imexxi l-PBS għażel triq li ma tapplikax għax-xandir nazzjonali.
L-iktar ħaġa importanti saret mhux ix-xandir ta’ kwalità imma xandir medjokri li jħalli l-qligħ fl-aħħar tas-sena finanzjarja. Is-suċċess tax-xandir nazzjonali qed jitkejjel biss fuq kemm l-istazzjon ma jitlifx flus.
F’kuntest ta’ x’missjoni għandu x-xandir nazzjonali dan ir-raġunament hu dgħawa faħxija! Min qed jirraġuna b’dal-mod mhux veru li qed jilħaq l-aspettivi tal-Bord tad-Diretturi. Jekk dawn jaħsbu li qegħdin imexxu intrapriża purament kummerċjali allura lanqas biss jixirqilhom li jkunu fl-istess Bord. Forsi għalhekk wieħed jasal biex jifhem għalfejn hemm baħar jaqsam bejn dan il-Bord u l-Bord Editorjali.
Il-bini tal-PBS għandu bżonn urġenti jitwaqqa’ u jinbena mill-ġdid. Tarah minn barra u dduru minn ġewwa tistħi tgħid li dan hu l-post ta’ l-istazzjon nazzjonali. Fi żminijiet ta’ llum ma tistax taħdem komdu f’ambjent bħal dan u l-impjegati żgur li ma jagħmlux qalb jiddedikaw il-biċċa l-kbira ta’ ħinhom f’ambjent ta’ 40 sena ilu. Jidher li dan il-proġett jista’ jkun li jispiċċa f’bir tas-skieken. Il-ballun issa jinsab f’saqajn il-MEPA.
Iżda apparti dan, l-operazzjoni l-iktar urġenti li għandu bżonn il-PBS hi r-riforma fl-operat u t-tmexxija tiegħu. L-intenzjonijiet tal-ftehim ta’ ristrutturar li kien sar erba’ snin ilu kienu ġenwini u kieku kellu jitħaddem b’mod professjonali jien ċert li l-PBS kien jispiċċa l-aqwa stazzjon f’pajjiżna. Iżda min daħal imexxi wara li ġie ffirmat il-ftehim kellu aġenda oħra, jista’ jkun ukoll imposta fuqu.
Sas-sena l-oħra, fuq il-kotba finanzjarji tal-PBS, deher li tnaqqas id-dejn u sar xi qligħ finanzjarju marġinali. Iżda l-karti finanzjarji ma jagħtux stampa sħiħa tas-sitwazzjoni. Fuq dawn il-karti ma jidher imkien il-prezz għoli li kellu jħallas il-PBS għan-nuqqas fil-kwalità ta’ produzzjonijiet, in-nuqqas fil-kwalità tax-xogħol tekniku u mhuwiex, u n-nuqqas fil-kwalità tat-tmexxija tal-PBS.
Is-sensiela ta’ riżenji ta’ diretturi u uffiċjali ta’ l-istazzjon; it-tgergir u d-dimotivazzjoni ta’ l-impjegati; it-tqanżih u l-iskossi fil-policy ta’ bejgħ ta’ ħin; il-kontroversji fl-għoti tal-programmi u l-istejjer ta’ klikek li jintqalu fil-kuriduri tal-PBS huma kollha sintomi ta’ nuqqas ta’ leadership u tmexxija professjonali. Jekk erba’ snin ilu nħasset il-ħtieġa ta’ ristruttur u fil-fatt sar attentat biex il-livell tax-xandir nazzjonali jitjieb, illum għandna bżonn riforma radikali fit-tmexxija għolja ta’ l-istazzjon.
Il-performance bonus ta’ l-uffiċjali eżekuttivi m’għandux jitkejjel fuq kemm jitrazzan l-infieq, anke fejn hemm bżonnu - bħall-investiment teknoloġiku, imma fuq il-livell ta’ kwalità ta’ xandir li jipproduċi l-PBS. Jekk l-inċentivi għal dawk li jamministraw mis-sular ta’ fuq se jkunu biss ikkunsidrati fuq kriterji finanzjarji allura diffiċli ferm biex ikunu motivati li jagħtu lill-poplu Malti xandir ta’ kwalità superjuri. Ir-riforma li hemm bżonn illum trid tindirizza s-saffa ta’ fuq.
Billi l-kbar jużaw il-poter biex irażżnu liż-żgħar mhux se nsolvu l-problemi. Il-Ministru Cristina żgur li għandha idea ta’ x’inhi s-sitwazzjoni għax inzerta wkoll li għandha qraba li hemm ġew jafuh sew. S’issa tidher li mhux se tħaffef il-pass biex tirriforma din l-istituzzjoni tant importanti.
Taghmel ħażin jekk se teħodha bil-mod għax is-sitwazzjoni taggrava tista’. Ir-riformi jridu jsiru u jidhru li qed jsiru. Il-poplu għandu dritt jistaqsi u jrid sodisfazzjon. Ħasra li kienu ftit li ndunaw li kemm ilu li nħatar kap ġdid tat-Taqsima ta’ l-Aħbarijiet kien hemm bidla fl-approach u fil-kontenut tal-bullettini tal-aħbarijiet.
Ma neskludix li dan ukoll sab il-bsaten fir-roti u għadu jsib biex jipprova jbiddel l-għanqbut li għadu jidher fl-irkejjen tan-newsroom tal-PBS. Iżda tant is-sitwazzjoni saret prekarja li anke fejn sar attentat ta’ bidla, il-bidla ma nħassitx. Dan faċilment iwassal biex min jieħu l-inizjattiva jispicca jħossu qed jagħżaq fl-ilma u wara ftit jitkaxkar mal-kurrent.
Lil Norma Saliba għalqulha l-bieb f’wiċċha. Ma jimpurtax, għax fil-ħajja jingħalaq bieb u jinfetħu mija. Dolores Cristina għandha x’tomgħod fil-PBS. Nittama li tirrealizza li mad-domni li trid iġġorr fil-ministeru tagħha, ma tinsiex terfa’ s-salib tal-PBS! |
|
Julia Farrugia tintervista lil Michael Falzon
Editorijal

Il Punt
Toni Abela
Peppi Azzopardi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|