Aħbarijiet | 04 ta’ Mejju 2008 Nr 79
Joseph Muscat
www.josephmuscat.com
Nistqarr li aktar ma timmatura din il-kampanja aktar qed niltaqa’ ma’ nies, partikolarment delegati u membri tal-partit, li verament għandhom għatx għall-bidla sħiħa fil-Partit Laburista.
Iridu, u jemmnu, li l-partit għandu bżonn bidliet radikali mill-qiegħ u f’kull sfera. Jien naqbel magħhom, mhux b’opportuniżmu imma b’konvinzjoni.
Kif għamilt il-ġimgħa l-oħra, ħassejt li għandi nkompli nwassal ’il quddiem il-viżjoni tiegħi għall-Partit Laburista billi nislet xi ftit proposti oħra.
Nemmen li rridu nibdew nibagħtu messaġġ aktar ċar lill-poplu tagħna. Irid ikollna messaġġ aktar pożittiv u konkret li minnu nnifsu jwessa’ l-firxa ta’ l-appell tal-Partit Laburista. Għalhekk irridu ninvestu bil-qawwi fit-teknoloġija moderna u fi preżenza qawwija fuq l-internet. Irrid nara messaġġ aktar koerenti fil-mezzi tax-xandir anki permezz tat-twaqqif ta’ kariga ta’ Direttur tal-Komunikazzjoni. Irridu nimxu b’etika u professjonaliżmu f’dan il-qasam.
Inħares lejn partit li jżomm kuntatt ħaj u aktar kontinwu. Kuntatt mhux biss mal-friegħi kollha tiegħu, partikolarment maċ-ċentri u l-kunsilli lokali, imma wkoll f’kuntatt regolari u produttiv mas-soċjetà ċivili, mal-komunità kummerċjali u mal-għaqdiet mhux governattivi.
Fuq kollox irridu nkunu partit Ewropew konvint fi ħdan il-familja tas-Soċjalisti Ewropej li jagħraf jagħmel minn din ir-relazzjoni l-aqwa investiment anke billi joħloq opportunitajiet u esperjenzi ġodda għaz-żgħażagħ u dawk involuti fil-ħidma fil-Partit.
Stqarrejt f’dibattitu televiż li mhinix interessat inkun mexxej ta’ Partit Laburista li jrid l-istatus quo. Bil-maqlub: nixtieq nara bidla sħiħa. Emfasizzajt li biex il-Partit Laburista jirbaħ irid ibiddel. Qed inressaq dan quddiem dawk kollha li niltaqa’ magħhom. Irrid inkun sinċier u nuri fejn qiegħed u x’irrid infisser, b’mod konkret, meta nitkellem fuq il-viżjoni tiegħi. Viżjoni li nemmen għandha tħeġġeġ u tixpruna l-bidla u żżid l-inizjattiva.
Deherli li fil-bidu tal-kampanja tiegħi kelli niffoka aktar fuq il-bidliet li jeħtiġilna nagħmlu fil-Partit Laburista. Nifhem li l-pass li jmiss għandu jkun li nwassal viżjoni aktar wiesgħa fuq livell politiku nazzjonali.
Fi żmien li ġej se nkun qed nimpenja ruħi aktar f’dan is-sens għax nemmen bi sħiħ li kemm il-Partit Laburista u anki l-pajjiż jixirqilhom staġun politiku ġdid. Nittama, li flimkien ma’ sħabi l-kontestanti kollha, naslu għal dan fl-iqsar żmien possibbli. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Michael Falzon
Editorijal

Il Punt
Toni Abela
Peppi Azzopardi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|