MediaToday

Intervista | 04 ta’ Mejju 2008 Nr 79

Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Julia Farrugia tintervista lil Michael Falzon

Hemm min jakkużah li kellu jirriżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għaliex fl-aħħar elezzjoni kien parti mit-tim tellief.
Imma għal oħrajn Michael Falzon hu l-ħaruf tas-sagrifiċċju li ntuża fis-sala tal-għadd tal-voti meta kulħadd żarma fl-aktar mument diffiċli għall-partit.
Jitkellem dwar il-kelma ‘flimkien’ mhux fl-istess spirtu tat-tema li għażel Lawrence Gonzi fil-kampanja elettorali imma fil-ħsieb li deċiżjonijiet kbar joħodhom flimkien mad-delegati u n-nies fil-partit.

Id-dimostrazzjoni tal-Partit Laburista hi biss passiġġata kif qal Gonzi nhar il-Ħamis?
Naħseb li l-Prim Ministru Gonzi għandu dritt għall-opinjoni tiegħu. Il-Labour Party dejjem kien jikkommemora l-Ewwel ta’ Mejju u kull sena. Anzi hu ta’ sodisfazzjon għalina li wara numru ta’ snin anki l-Partit Nazzjonalista jfakkar l-1 ta’ Mejju bħala Jum il-Ħaddiem. Hi turija fejn il-Partit jagħti ġieħ lill-ħaddiem. Issa jekk irid isejħilha passiġġata, ma naħsibx li hi kwistjoni ta’ x’forma ta’ attività trid tagħmel imma l-ispirtu ta’ kemm verament tirrispetta l-ħaddiem. Il-Partit Laburista hu partit tal-ħaddiem u dejjem fakkar dan il-jum kif kellu jkun.

Taqbel mal-proposta li għamel Gonzi li ssir attività konġunta bejn il-PN u l-MLP?
Wieħed jista’ jikkunsidraha. Jekk se nagħmlu l-Ewwel ta’ Mejju festa nazzjonali ma nara xejn ħażin li nagħmlu xi ħaġa flimkien. Ovvjament dan ma jfissirx li min-naħa l-oħra xi ħaġa li hi tradizzjonalment tal-partit, li l-partit ma jfakkarhiex ukoll kif għandu jfakkarha hu bħala Partit Laburista.

Kont parti mit-tim ta’ tmexxija li tilef l-aħħar elezzjoni. Għalxiex ma tfajtx ir-riżenja?
Naħseb li din tar-riżenja hu żball li ilu sejjer għal dan l-aħħar xahar. Effettivament il-pożizzjoni tat-tmexxija tal-partit tiġi għar-rikonsiderazzjoni wara kull elezzjoni. Alfred Sant wera x-xewqa tiegħu li ma jkomplix. Effettivament hu xorta għadu Kap ta’ l-Oppożizzjoni. Charles Mangion wera x-xewqa tiegħu li ma jkomplix. Effettivament hu l-Aġent Mexxej grazzi għall-fatt li għadu Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament. Fil-verità effettivament ħadd ma rriżenja. L-unika ħaġa differenti hi li fejn Sant u Mangion għażlu li ma jkomplux, jien lest li nkompli nservi.

X’responsabbiltà għandek mill-aħħar telfa elettorali?
Naħseb la tkun parti mit-tim meta jitlef, jitlef it-tim kollu. Imbagħad f’kull tim ikollok min jilgħab tajjeb, ikollok min jiskorja lin-naħa l-oħra u jkollok forsi min jilgħab inqas tajjeb. Issa sta għad-delegati biex jiġġudikaw kif lgħabt jien fit-tim, jekk kontx dak li skorjajt lin-naħa l-oħra jew li lgħabt ħażin.

Hemm min għadu jrewwaħ id-dikjarazzjoni li kien Michael Falzon li talab is-siegħa żejda u li kien tort ta’ dan il-fattur li l-MLP tilef l-elezzjoni. X’tikkummenta?
Min qed irewwaħ dik it-teżi ovvjament għandu aġenda personali li żgur mhix l-aġenda tal-Partit Laburista. Spjegajt għal darba, tnejn, tlieta kif inhuma l-fatti, ħriġt stqarrija għall-Istampa. Issa l-aktar importanti hu li minflok naħli l-ħin ma’ min qed irewwaħ biex forsi jħares il-pożizzjoni tiegħu, inħarsu ’l quddiem kif se nkunu Gvern wara l-elezzjoni li jmiss li jalla tiġi għada qabel pitgħada.

Mill-Partit Laburista imma taħseb li qed issir din il-ħsara?
Naħseb li ħafna nies jafu min qed irewwaħha. Kulħadd jiġġudika hu minn fejn hi ġejja l-ħsara, aħjar milli niġġudika jien. Għandi idea ċara wkoll u b’rispett lejn il-partit, u għalija l-interessi tal-partit jibqgħu jiġu l-ewwel, nibqa’ nżomm l-opinjoni tiegħi għalija.

X’temmen li kienu l-iżbalji ewlenin li għamel l-MLP fl-aħħar elezzjoni ġenerali?
Naħseb li kieku kont naf x’kienu l-iżbalji kieku mhux qed intellaq għal mexxej tal-partit għax kieku l-Partit Laburista qiegħed fil-Gvern u l-pajjiż miexi aħjar. Li kelli ideat differenti minn forsi kif saru l-affarijiet, iva, kulħadd ikollu l-ideat tiegħu imma ma naħsibx li hu fair li llum meta wieħed għandu l-benefiċċju li jista’ jħares lura li mbagħad joqgħod jiġġudika u jgħid ‘isma’, dik ħażina, dik kienet inqas tajba u dik kienet tajba.”

Int kont tara r-riżultati li jagħtu s-surveys interni tal-partit? Kienu realment juru rebħa?
Li nista’ ngħidlek hi li s-survey tal-Partit Laburista jien ma rajtux qabel il-Ħadd filgħodu, l-għada ta’ l-elezzjoni. Jien qatt ma ġejt mogħti kopja tas-survey tal-Partit Laburista u nista’ ngħidlek li tlabt kemm-il darba li niddiskutuh waqt il-kampanja elettorali, mhux darba, imma aktar minn darba imma qatt ma ġew diskussi. Is-surveys kienu f’idejn ħaddieħor.

Jiġifieri lanqas ingħatajt figura ta’ l-ammont ta’ voti?
Nerġa’ ngħidlek is-survey tal-Partit Laburista li sar waqt il-kampanja elettorali qatt ma rajtu. L-ewwel darba li rajtu kien fis-sala tal-għadd tal-voti!

L-għajta tiegħek illum tistrieħ fuq il-kelma ‘flimkien’. Ma taħsibx li din tixbaħ wisq l-għajta ta’ Gonzi fl-aħħar elezzjoni?
Le, ma naħsibx. L-islogan tiegħi hu: “Esperjenza, lealtà, flimkien lejn is-suċċess.”
Dwar l-esperjenza kulħadd jaf kemm ili naħdem fuq bażi ċentrali. Dwar lealtà naħseb li ippruvajtha kemm-il darba mhux lanqas fis-sala tal-għadd tal-voti fl-aħħar elezzjoni kif għamilt fl-1998. Il-kelma ‘flimkien’ iva naħseb hi xi ħaġa li rridu nitgħallmu nagħmlu aktar flimkien bħala partit. Ħafna nies ħadmu miegħi fil-proċess elettorali. Jafu kif dejjem ħdimt u kemm dejjem emmint li kulħadd iħossu parti mid-deċiżjoni, li jħossu parti mix-xogħol. Imbagħad, mela le, ejja nirbħu flimkien. Il-kelma ‘flimkien’ nemmen fiha u nemmen fiha bis-serjetà. Anke jekk hu programm għall-partit u l-programm għall-pajjiż għalkemm ġo moħħi Alla jaf kemm ilu hemm, jiena wasalt biex nispiċċa r-rawnd tiegħi mad-delegati u qabel nispiċċa rawnd u nkun ħadt l-ideat tad-delegati kollha m’għandi l-ebda intenzjoni li nagħmlu pubbliku. Irrid nibgħat messaġġ li jekk Michael Falzon ikun il-mexxej tal-Partit Laburista mhu se jagħmel xejn waħdu, mhu se jinponi xejn imma se jagħmel kollox flimkien. Dan ma jfissirx li mhux kapaċi nieħu deċiżjonijiet anki ibsin, kif kelli nieħu nhar id-9 ta’ Marzi fis-sala tal-għadd tal-voti.

Meta se jkun lest dan il-proċess?
Dalwaqt ikun lest. Naħseb li għamilt aktar minn 80% tad-delegati.

Fl-2003 kont magħżul Deputat Mexxej Laburista mid-delegati fuq l-għajta li ġġib fi tmiemha s-sitwazzjoni dak iż-żmien ta’ klikek differenti. Ħafna jħossu li nħolqot ukoll il-klikka ta’ Michael Falzon. Teżisti din il-klikka?
Michael Falzon m’għandux klikek. Dejjem għidtha u nibqa’ ngħidha. Meta int tkun f’pożizzjoni ta’ responsabbiltà bilfors se jkollok in-nies jgħinuk. Dak hu tim. It-tim jibda jsir klikka meta jibda jeskludi lill-oħrajn. Li nista’ ngħid, u ngħidha b’wiċċi minn quddiem, jien għamilt minn kollox biex in-nies li ħadmu miegħi jibqgħu tim u ma jsirux klikka. Issa mbagħad jiġġudikaw id-delegati.

Jekk tkun mexxej se ssejjaħ konferenza ġenerali minnufih biex id-delegati jkollhom iċ-ċans immedjat li jagħżlu l-amministrazzjoni tal-partit?
Għedt li mhux fi ħsiebni nimponi. Jiġifieri din mhix kwistjoni jekk tissejjaħ jew ma tissejjaħx biex tinbidel l-amministrazzjoni. Żgur li mhux sigriet li għaddejja petizzjoni biex l-amministrazzjoni tinbidel qabel Jannar li ġej. Jien lest li nirrispetta dak li jrid il-partit. Dejjem hekk għamilt. Anki fl-1998 ma kontx qbilt ma’ l-elezzjoni imma xorta ħdimtha. Naħseb li internament għandna bżonn nirranġaw ħafna affarijiet mhux lanqas l-istatut pereżempju. U jien inkun lest li nagħmel konferenza ġenerali fuq kull xiex iridu d-delegati fuq kwalunkwe suġġett li jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-Partit Laburista.

Li l-votazzjoni għal mexxej titwessa għat-tesserati taqbel magħha?
Fil-preżent jien kontestant u ninsabu xahar ’il bogħod. Ma naħsibx li jkun fair li ngħaddi ġudizzju. Min ikun mexxej irid jagħmel eżerċizzju kbir fuq l-istatut u hemmhekk tiġi diskussa wkoll din il-kwistjoni flimkien ma’ ħafna affarijiet oħra li hemm bżonn jiġu diskussi.

Taqbel li l-MLP għandu jitlob maħfra tal-vjolenza li twettqet fis-Snin Tmenin?
Din tal-maħfra diġà smajtha kemm-il darba. Jekk l-MLP jitlob maħfra u jekk hemm fuq xiex nitolbu maħfra, mela le, għalxiex m’għandniex nitolbu maħfra. Imma naħseb ukoll li ħaqqna ħafna maħfriet aħna wkoll. Ma ninsewx il-kwistjoni politika-reliġjuża, pereżempju. Mill-partiti politiċi li gawdew żgur li ma talbux maħfra għax il-Knisja biss kienet talbet maħfra. Naħseb li fil-politika kulħadd ikollu l-iżbalji tiegħu u kulħadd ikollu ħafna tajjeb tiegħu.

Taqbel ma’ l-isħubija ta’ Malta fil-Partnership for Peace?
Naħseb li l-mod kif saret id-diskussjoni dwar il-Partnership for Peace kienet xi ħaġa veru insulenti lejn l-Oppożizzjoni u lejn il-poplu. Il-politika tal-partit fuqha hi dik li hi u jien nibqa’ nimxi magħha.

Taqbel li l-MLP għandu jipproponi Liġi tad-divorzju?
Jien kontestant għat-tmexxija, jiġifieri ftit jew wisq dak li ngħid se jkun qed jippreġudika lill-partit ukoll jekk għada pitgħada d-delegati jogħġobhom jagħtuni l-fiduċja. Xi ħaġa bħal din jekk hemm bżonn niddiskutuha internament imbagħad ikollna politika tagħna. Jien tlaqt mill-kelma ‘flimkien’ u ma rridx li nkun jien li nagħmilha tal-prużuntuż u nibda nimponi l-ideat personali tiegħi fuq il-partit.

Madankollu, mexxej tajjeb irid jissettja l-aġenda wkoll?
Nassigurak li għandi aġenda. Din nagħmilha wara li nkun tkellimt mad-delegati kollha. Min jafni jaf li kapaċi nieħu deċiżjonijiet. Id-deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu li tmur tiffaċċa nazzjon u li taċċetta telfa f’mument ta’ tensjoni bħal dik fejn id-differenza fir-riżultat kienet daqshekk minima hi xhieda ċara li turi li kapaċi nieħu deċiżjonijiet.

Taqbel li l-MLP għandu jimbotta l-idea ta’ żwieġ bejn koppji gay?
L-istess tweġiba ta’ qabel tapplika għal din ukoll.

Taqbel mal-proposta tal-PN li l-ogħla rata tat-taxxa fuq id-dħul għandha tinżel minn 35% għal 25% ħlief għal dawk li jaqilgħu €60,000?
Għadni ma smajt b’ħadd li jgerger għax ikun hemm tnaqqis fit-taxxi. Jekk b’dan it-tnaqqis se jgawdi kulħadd naqbel. U rridu naraw iżda li dan it-tnaqqis ma jkunx ifisser li ħa jitnaqqas xi benefiċċju minn ta’ dawk li l-aktar li għandhom bżonn. Il-problema li se jkollna hi li se jkollna dik il-faxxa t’isfel ta’ nies li effettivament ma tħallasx taxxa li filwaqt li se tibqa’ tħoss it-toqol tal-għoli tal-ħajja u affarijiet oħra, hi mhu se tiggwadanja xejn.

Taqbel li ċ-Children’s Allowance għandha tingħata lil kulħadd ikun xi jkun id-dħul tal-familja?
Naħseb li xi forma ta’ għajnuna għal kulħadd għandu jkun hemm. Wieħed irid jara wkoll il-means testing. Illum mhux qed jingħata lil kulħadd l-istess. Ta’ min ifakkar li l-Partit Laburista kien għamel ic-Childrens’ Allowance għal kulħadd l-istess. Kien il-Partit Nazzjonalista li biddilha. Sakemm il-pajjiż ikun jiflaħ għandu kulħadd jingħata l-istess allowance.

X’inhi l-politika tiegħek fuq l-immigrazzjoni irregolari?
Bħala pajjiż irridu niffaċċjaw din il-problema b’aktar rieda. Jidher li kien hemm ċerti passi li suppost taffewha din il-problema fosthom bil-FRONTEX. Fir-realtà l-problema għadha hemm. Pajjiżna jrid jieħu stand aktar iebes fid-dawl ta’ l-immigrazzjoni. Ħa nispjega ħalli ħadd ma jaħseb li dan hu xi terminu razzist. Irridu nikkonvinċu aktar lill-UE u nuru li mhix problema biss ta’ l-istati li huma l-ewwel fruntiera: pajjiżna u oħrajn fil-Mediterran. Irridu naraw ukoll pajjiżna x’jiflaħ u rridu nikkonvinċu li l-piż jinqasam ma’ ħaddieħor.

L-Oppożizzjoni fil-Parlament għandha tagħmel ftehim ta’ pairing mal-Gvern?
Jien nibqa’ ngħid li jekk hemm pairing għalxejn, b’kapriċċ, le. Żgur li m’għandhiex. M’għandniex nużaw il-pairing biex nisfrattaw lill-Gvern imma min- naħa l-oħra nemmen li l-pairing għandu jkun marbut ma’ kundizzjonijiet oħra.

Pereżempju?
Irridu naraw kif se jitħaddem ix-xandir pubbliku fejn jidħol il-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti u aħbarijiet. Mhux aċċettabbli li nagħmlu xi ħames snin oħra nħallsu x-xandir pubbliku mit-taxxi tagħna u jintuża kontra l-Partit Laburista. Għandek nies li rebħu quddiem l-Ombudsman u quddiem it-Tribunal ta’ l-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji li għandhom jingħataw dak li hu tagħhom bid-dritt. Jekk il-Gvern irid nitkellmu fuq pairing nitkellmu. Pairing m’għandux ikun carte blanche biex il-Gvern ikompli jirrombla fuq kulħadd.

Taqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Galdes biex donazzjonijiet lill-partiti politiċi ta’ aktar minn Lm10,000 ikunu illegali u donazzjonijiet ta’ iktar minn Lm5,000 ikun ippubblikat is-sors?
Aħna bħala Partit Laburista qbilna mill-ewwel 14-il sena ilu mal-Kummissjoni Galdes. Ovvjament jekk hemm x’nirrevedu wara dan iż-żmien, ejja nirreveduh. Minbarra li hemm ċerti regolamenti fil-Kummissjoni Galdes li għandhom jidħlu fis-seħħ, nemmen ukoll li għandu jkun hemm sistema ta’ finanzjament mill-Istat. Din għandha ssir b’mod immedjat u mhux il-Gvern biex idendel karrotta qabel l-elezzjoni jqajjimha imbagħad ir-rapport Galdes ilu mdendel 14-il sena.

Din il-ġimgħa żort il-ħaddiema ta’ ONE Productions. Telqu ħafna ħaddiema minn ONE. Taħseb li hemm xi problema li trid tkun indirizzata llum qabel għada?
Jekk kien hemm xi ħaġa li tat sodisfazzjon lill-partit hi li ONE Productions għamlet passi kbar ’l quddiem sew fil-qagħda finanzjarja tal-kumpanija, sew fl-apparat u anke fl-Awards. Kien hemm ċerti ħaddiema li telqu. Jekk hemmhekk hemm problema dik wieħed irid jaraha. Trid tħares lejn ONE Productions ukoll fid-dawl taċ-ċirkustanzi attwali tagħha. Jekk xi ħadd sab impjieg li jista’ joffrilu ferm aktar ħlas, ma nkunx sorpriż. Jekk hemm problemi li jmorru fil-fond aktar minn hekk għaliex le, għandna naraw x’inhuma.

Temmen li l-partiti politiċi għandhom ineħħu l-istazzjonijiet televiżivi tagħhom?
Fiċ-ċirkustanzi attwali jien ngħid li żgur li le. Mhux qed inkun politiku imma l-PBS żgur ma jistax jitqies bħala xi mera ta’ bilanċ. L-istazzjon tat-televiżjoni veru hu piż kbir finanzjarju imma joffri kontribut għal dik li hu entertainement u kultura u jwassal il-vuċi tal-Partit li hi dejjem f’minoranza fil-pajjiż. Għandna nsaħħuh, nagħmluh aħjar, aktar vijabbli u naraw kif jikkontribwixxi għall-MLP.

George Abela qal li l-MLP hu partit mifni bid-dejn. Int responsabbli minn dan id-dejn bħala parti mit-tmexxija?
Ngħidha wiċċi minn quddiem li jekk kien hawn xi ħadd li għamel xi ħaġa biex isaħħaħ il-finanzi tal-Partit Laburista f’dawn l-aħħar ħames snin kien Michael Falzon. M’għandix problema ngħid li ġej mid-dinja bankarja u għamilt minn kollox biex ngħin il-partit f’dan il-qasam. Il-Partit Laburista f’dawn l-aħħar ħames snin kemm ili Deputat Mexxej ma żiedx id-dejn tiegħu b’ċenteżmu wieħed. Il-Partit Laburista, kontra dak li kien jiġri qabel, f’din il-kampanja elettorali ma ssellifx ewro ċenteżmu wieħed. Introduċejna skemi innovattivi bħal donazzjoni ta’ kull xahar b’servizz bankarju. F’dawn l-aħħar ħames snin inqatgħu wkoll ħafna ċerti nuqqasijiet tal-passat u kien hemm titjib sostanzjali. Il-piżijiet li kien hemm fl-2003 ma nqatgħux kollha żgur. Imma żgur li kien hemm tibdil sostanzjali. Kont wieħed minn ta’ quddiem li mbuttajt fuq din. Xtaqt għamilt aktar imma dik forsi tkun waħda tal-futur. Issa naraw x’jagħżlu d-delegati.

 

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Julia Farrugia tintervista lil Michael Falzon



Il Punt
Ġgant ġentili
Toni Abela


Peppi Azzopardi
Reġistru għal dawk ħatja ta’ abbuż sesswali?



Emmanuel Micallef
Is-salib ta’ Dolores


Carmelo Mifsud Bonnici

Mhux sempliċi ċelebrazzjoni



X'kien Jgħid
Ix-Xellug



Wenzu Mintoff

Logħba ċess
Kif jgħid il-Malti li għandu ħabta jidħol bħal Pilatu fil-kredu, fl-aħħar mill-aħħar iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma. Ftit ftit hekk qed jagħmel, avolja l-prezz tiegħu sploda u ma jkunx jaqbel li nħalluh jixxerred ma’ l-ilma.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan