Il Punt - Toni Abela | 04 ta’ Mejju 2008 Nr 79
Niftakarni tifel ta14-il sena qiegħed nilgħab fil-bitħa tan-nanna. Ir-Rediffusion kien miftuħ għoli. Smajthom iħabbru li laħaq Gvernatur Ġenerali flok Sir Maurice Dorman, imħallef li jismu Anthony Mamo. Xi tliet snin wara kont attendejt għall-ewwel diskors tiegħu f’Misraħ San Gorġ meta nħatar l-ewwel President Repubblikan. B’Anton Buttigieg fuq naħa u Duminku Mintoff fuq l-oħra, xena storika li baqgħet immortallizzata fuq set bolol li kienu ħarġu għall-okkażjoni.
Iżda dawn ma kinux l-uniċi mumenti li kelli niltaqa’ ma’ Sir Anthony, kif konna nafuh. Meta dħalt għall-kors tal-Liġi fl-1979 kelli nistudja dak li konna nsejħulhom il-Mamo notes. Sett ta’ kitbiet fuq il-liġi Kriminali li kienu essenzjali jekk ridt li tgħaddi mill-eżami tal-Kriminal. Għadhom essenzjali sa llum, u sa llum għadhom ma jdejqukx, għax bħall-awtur tagħhom, għalkemm profondi, huma sempliċi u mingħajr ebda pompożità. In-noti ta’ Sir Mamo jixhdu l-karattru tiegħu: sempliċi iżda effettivi.
Għalhekk għall-parti l-kbira ta’ ħajti, b’mod l-aktar naturali, kelli mingħajr ma rrid niltaqa’ ma’ Sir Anthony. Iżda kuntarju għal ħafna li ġew warajh, Sir Anthony ma kienx jimbotta ruħu jew jimponi lilu nnifsu fuqek. Ma kienx pompuż, prużuntuż u aktar xeni milli sustanza. Anzi lil Sir Anthony iltqajt miegħu mingħajr ma qatt iltqajt miegħu, mentri dawk li ta’ kuljum kont niltaqa’ magħhom, qatt ma ltqajt magħhom. Dawk li għalkemm dejjem qalu li huma professuri, professuri qatt ma kienu.
Sir Anthony Mamo kellu karriera mimlija unuri. Kien bniedem li kiseb il-fiduċja ta’ min xi darba jew oħra kellu l-poter. Serva taħt is-saltna tal-kuruna u erba’ Prim Ministri. Kien preżenti u ħadem għall-aktar mumenti importanti kostituzzjonali ta’ pajjiżna. Ħdejn Gorg Borg Olivier fix-Xagħra tal-Furjana bħala Prim Imħallef fl-1964, sa ħdejn Mintoff fl-1974 f’Misraħ San Gorg. Kiseb unur wara unur. Iżda dejjem mingħajr daqq ta’ trombi u ċerimonji żejda.
F’dan is-sens Sir Anthony Mamo kellu axxendent morali għoli fuq ħafna li ġew warajh. Ħadem għal pajjiżu u mhux għalih innifsu, b’umiltà u fis-skiet. Il-kobor ma serqux, iżda tagħtulu l-ħajja.
Iżda Sir Anthony, l-ewwel u l-aħħar President ta’ vera għax kien tal-poplu kollu, għarralu darba waħda biss. Fl-ewwel diskors tiegħu bħala President kien qal hekk:
“Il-Parlament Malti, ispirat mill-Gvern, irnexxielu bid-dehen, bis-sabar u bi spirtu ta’ kooperazzjoni u kompromess, jasal fi ftehim kważi unanimu u b’hekk iwarrab darba għal dejjem kwistjonijiet li qabel kienu jifirduh”.
Minn fommu vera, iżda żgur mhux kif awgura. Għadna għaddejjin bi ħwejjeġ li jifirduna. Forsi l-mewt ta’ Sir Anthony hi okkażjoni biex nieqfu nsemmu l-imgħoddi ta’ xulxin. Nibdew insemmu t-tajjeb u f’Sir Anthony nsibu l-ispirazzjoni għall-proċess ta’ ripaċifikazzjoni nazzjonali. Proċess li biex jirnexxi jrid ikollu ż-żewġ kwalitajiet li kellu Sir Anthony: rieda tajba u onestà. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Michael Falzon
Editorijal

Il Punt
Toni Abela
Peppi Azzopardi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|