Aħbarijiet | 04 ta’ Mejju 2008 Nr 79
George Abela
www.georgeabela.info
L-eżamijiet, jew aħjar ir-riżultati tagħhom, jistgħu jġibu ferħ u jistgħu jġibu niket.
Meta r-riżultat ta’ l-eżami jkun konferma ta’ suċċess nagħmlu kuraġġ biex nakkwistaw opportunitajiet ġodda. Iżda meta dawn ir-rizultati jfallu jkun jeħtieġ kuraġġ ikbar biex nerġgħu nirkupraw u nirsistu biex nakkwistaw riżultat aħjar fl-ewwel opportunità li tiġina.
Kultant jiġrilna li nagħmlu l-isforzi kollha possibbli iżda xorta waħda ma jirnexxilniex niksbu r-riżultat ta’ suċċess. F’dan il-każ ikun jinħtieġ li nirrevedu l-ħidma li nkunu wettaqna. Ikun meħtieġ li nibdlu l-mod u l-istil kif nistudjaw. Irridu naħsbu iktar dwar kif naħsbu li jħares lejna l-eżaminatur.
Meta nersqu għall-istess eżami iktar minn darba u nibqgħu ma nakkwistawx ir-riżultat mixtieq allura jkollna bżonn ninbidlu minn ġewwa. Qatt m’għandna naqtgħu qalbna. L-iżbalji ta’ l-imgħoddi rridu nitgħallmu minnhom waqt li t-tajjeb li nkunu ksibna nibnu fuqu biex insiru aħjar.
Il-partit sfortunatament resaq għall- eżamijiet iżda baqa’ ma rnexxilux jikseb is-suċċess elettorali. Ma laħaqx il-miri tiegħu. Ma jfissirx li ma stinkax biżżejjed iżda jibqa’ l-fatt li ma rnexxielux jikkonvinċi lill-eżaminaturi biex jagħtu l-ogħla marka u l-aqwa riżultat. Wasal għalhekk iż-żmien li l-partit jirrevedi l-operat tiegħu.
Biex isir dan il-partit tagħna għandu bżonn tmexxija kredibbli. Għandu bżonn isaħħaħ l-istrutturi tiegħu. Itejjeb il-qagħda finanzjarja u organizzattiva. Għandu bżonn jagħti vuċi lil kulmin iħaddan it-twemmin tagħna u jagħti widen lil dawk li jħossuhom ’il bogħod miċ-ċentru tal-partit. Irridu nkunu u nidhru li aħna verament inklussivi. Magħna ħadd m’għandu jħossu li jingħata l-ġenb u ma rridu nħallu lil ħadd jispiċċa emarġinat fis-soċjetà.
Filwaqt li nibqgħu leali lejn il-prinċipji fundamentali li nħaddnu - ix-xogħol u l-ġustizzja soċjali - irridu nkunu partit li jappella għal kulħadd, b’valuri sodi tal-verità, trasparenza u kontabbiltà.
Minn issa ’l quddiem ħarsitna trid tinbidel u trid tibda tfisser li aħna l-partit tas-suċċessi. B’hekk insiru tassew l-għażla naturali tal-poplu. Dan hu l-impenn tiegħi. Bl-appoġġ ta’ sħabi fil-partit, tad-delegati, tal-membri, ta’ l-attivisti u s-sostenituri tal-partit ċert li nistgħu nwasslu lill-partit għar-rebħa mistħoqqha.
Umilment niddikjara li se nkun qed nagħmel l-isforzi tiegħi kollha billi nuża l-enerġija, il-ħiliet u l-esperjenza li ntgħaġnu miegħi matul is-snin biex inkun nista’ nservi lill-partit glorjuż tagħna f’din il-mixja ta’ suċċess. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Michael Falzon
Editorijal

Il Punt
Toni Abela
Peppi Azzopardi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|