MediaToday

Editorjal | 04 ta’ Mejju 2008 Nr 79

Il-każ Nicholas Azzopardi

Meta fid-9 ta’ April il-Pulizija ħarġet stqarrija xotta bħalma tagħmel is-soltu biex tavża lill-media li raġel li kien fil-kustodja tagħha spiċċa l-isptar wara li ħarab billi qabeż għan-naħa ta’ fejn hemm l-iskola tas-snajja’ wara d-Depot, ftit kienu dawk li bassru x’seta’ seħħ verament.
L-istqarrija ma tat l-ebda dettalji oħra. Daqs siegħa wara l-Pulizija mbagħad reġgħet ħarġet stqarrija oħra biex tgħid li r-raġel kien ċertifikat li sofra ġrieħi serji minn ksur fil-kustilji u kien jinsab fil-periklu tal-mewt.
Diġà hi stramba ħafna kif persuna li suppost qabżet minn post li minn ta’ l-inqas hu għoli sular spiċċa bil-kustilji mkissra u ma kellu l-ebda ħsara oħra f’ġismu, lanqas f’wiċċu.
Il-każ jieħu żvolta iktar stramba meta wieħed iqis li l-vittma, Nicholas Azzopardi, allega li qala’ xebgħa tal-Beati Pawli mill-Pulizija waqt l-interrogazzjoni, fejn allura hu iktar probabbli li setgħu nkisrulu l-kustilji minn daqqiet ta’ persuna mħarrġa fl-arti marzjali.
Barra dan hemm il-fatt li l-Ispettur Louise Calleja qalet lil ħu Nicholas li ħuh qabżilhom minn tieqa waqt li skond sorsi li kellhom TVM dan qabeż minn fuq is-sur wara li kien qed jistenna fil-bitħa tas-CID. Xi ħaġa, x’imkien qed tinten
Hemm ħafna iktar mistoqsijiet imdendla fuq dan il-każ li jeħtieġu tweġiba minnufih.
Il-qraba ta’ Azzopardi għandhom id-dritt ikunu jafu x’seħħ fid-Depot tal-Pulizija dakinhar li l-għażiż tagħhom daħal għall-interrogazzjoni. Imma mhumiex biss il-qraba li għandhom id-dritt għall-informazzjoni sħiħa. Il-poplu wkoll għandu dritt ikun jaf jekk l-aġir tal-Pulizija kienx wieħed korrett kif jixraq f’pajjiż ċivilizzat jew kienx irrazzjonali u bla ġieħ, jekk mhux ukoll kriminali.
Sfortunatament, is-segretezza tal-Pulizija u n-nuqqas ta’ ftuħ fil-mod kif iġġib ruħha maċ-ċittadin komuni u mal-media, ma jgħinux biex ikunu ċċarati l-affarijiet.
Li hu żgur fatt wieħed: illum għandna raġel mejjet li l-aħħar post li kien fih qabel ma daħal l-isptar Mater Dei kien id-Depot.
Il-Pulizija kellha d-dmir li tieħu ħsieb lil dan il-proxxmu waqt li qiegħed fil-kustodja tagħha irrispettivament għal-liema raġuni ssejjaħ id-Depot. Jidher li l-Pulizija naqset li tagħmel dan u għalhekk jeħtieġ twieġeb.
Il-gazzetta oħt, MaltaToday, sewwa għamlet li kixfet il-każ għax b’hekk biss nistgħu b’xi mod nersqu lejn il-verità.
Nistennew li kif, fi żminijiet oħra, esponenti ta’ dal-Gvern bir-raġun kienu joqomsu kulmeta l-Pulizija abbużat mill-privileġġi li tagħtiha s-soċjetà, jagħmlu l-istess issa u jibqgħu jsusu ħalli l-verità toħroġ u jekk hemm min hu ħati jħallas ta’ għemilu.
Nittamaw ukoll li l-inkjesta maġisterjali ma tkarkarx għal xhur sħaħ jekk mhux snin. Il-maġistrat inkwirenti għandu s-saħħa kollha li tagħtih il-Liġi biex ma jħalli l-ebda ġebla f’postha u b’hekk jgħarbel kull possibbiltà.
Din hi l-inqas ħaġa li jistennew il-familjarji ta’ Azzopardi anki jekk l-ebda inkjesta mhu se ġġib lura lil Nicholas.

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Julia Farrugia tintervista lil Michael Falzon



Il Punt
Ġgant ġentili
Toni Abela


Peppi Azzopardi
Reġistru għal dawk ħatja ta’ abbuż sesswali?



Emmanuel Micallef
Is-salib ta’ Dolores


Carmelo Mifsud Bonnici

Mhux sempliċi ċelebrazzjoni



X'kien Jgħid
Ix-Xellug



Wenzu Mintoff

Logħba ċess
Kif jgħid il-Malti li għandu ħabta jidħol bħal Pilatu fil-kredu, fl-aħħar mill-aħħar iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma. Ftit ftit hekk qed jagħmel, avolja l-prezz tiegħu sploda u ma jkunx jaqbel li nħalluh jixxerred ma’ l-ilma.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan