Xkien jgħid? | 27 ta’ April 2008 Nr 78
Lorenzo żamm il-wegħda elettorali li jieħu l-MEPA f’idejh, u llum dik il-mingħula istituzzjoni taqa’ direttament taħt l-uffiċċju tal-Prim Ministru.
Imma, sewwa sewwa, x’kien wiegħed Lorenzo: li jieħu r-riforma tal-MEPA f’idejh jew li jieħu r-responsabilità ta’ kulma tagħmel il-MEPA?
Għal ħafna, ir-riforma fil-MEPA tfisser biss li din tibda tagħmel dak li jriduha tagħmel huma. Għal min irid li jinħariġlu permess li baqa’ ma ħax, hemm bżonn riforma biex il-permess tiegħu joħroġ... u għal min ma jridx lill-ġarr tiegħu jinħariġlu permess, hemm bżonn riforma biex dak il-permess ma jinħariġx.
Min għażel li jmur joqgħod ħdejn il-majjali ma jridx aktar majjali ħdejh u min ma baqax irabbi majjali jrid imur joqgħod flokhom hu!
Insomma kulħadd jara l-affarijiet mil-lenti ta’ l-interessi dojoq tiegħu – proprju l-maqlub tal-prinċipji wara kull eżerċizzju serju ta’ ippjanar. U kulħadd jippretendi li l-Gvern jindaħal biex tgħaddi tiegħu.
Grupp ta’ individwi li għamlu xi suġġerimenti dwar ir-riforma li tinħtieġ issir fil-MEPA jaħsbu li għandu jkun hemm muro di fuoco - ħajt tan-nar – bejn il-MEPA u l-Gvern, biex dan ma jindaħalx f’dak li tagħmel il-MEPA. Iżda n-nies hekk trid? Staqsu lil kulmin ħareġ għall-elezzjoni bħala kandidat, sew Nazzjonalisti u Laburisti, u kollha jgħidulek li ltaqgħu ma’ votanti li gergru għax il-Gvern ma tahomx permess; jew għax ħareġ permess lil ħaddieħor u mhux lilhom; jew għax ħareġ permess għal xi żvilupp li lilhom idejjaqhom.
Għalihom il-MEPA hi aġenzija tal-Gvern u għandha tagħmel dak li jgħidilha l-Gvern. Bil-loġika tagħhom, huma jivvutaw lill-kandidat fl-elezzjoni u darba dan ikun fil-Gvern, dan għandu jkollu s-saħħa jaqdihom, MEPA u mhux MEPA, policies u mhux policies. Il-Ministri mhux għalhekk qegħdin?
Anki l-istess għaqdiet ambjentali li jiġġieldu kontra l-ħruġ ta’ xi permess jitolbu lill-Gvern jintervjeni biex ma jħallix lill-MEPA toħroġ il-permess li huma ma jriduhx joħroġ!
Insomma b’dan il-ħajt tan-nar, ikun il-Gvern li jinħaraq żgur!
Il-MEPA kellha l-opportunità li tipprova ddaħħal kultura ġdida dwar il-permessi ta’ l-iżvilupp iżda din l-opportunita’ għamlet straġi sħiħa minnha. Għamlet straġi għax ma kinitx konsistenti u n-nies setgħu jagħmlu l-paraguni bejn każ u ieħor li ma kinux ittrattati l-istess; u aktar u aktar għax tfixklet fil-burokrazija li ħolqot hi stess. Fasslet biżibilju ta’ regoli u policies li bihom, fil-prattika, tista’ tirrifjuta kwalunkwe permess u tista’ toħroġ kull permess – dejjem skond kif tapplikahom!
U din il-burokrazija fil-MEPA bil-mod il-mod ħadet bixra u sura mill-aktar importanti. Importanti aktar mill-iskop li għaliha twaqqfet il-MEPA; importanti aktar mill-prinċipji ta’ trasparenza li suppost li l-MEPA kellha ssegwi u tirrispetta; importanti aktar mis-sens komun.
Ir-riforma fil-MEPA jeħtieġ tkun ispirata minn sens ta’ rieda biex is-sistema tmur lura għall-iskop bażiku tagħha – back to basics – aktar milli biex tinħoloq aktar burokrazija li tpoġġiha f’bozza ħalli l-Gvern żgur ma jindaħalx fl-operat tagħha. Ħażin jekk din ir-riforma titlaq mill-premessa li l-indħil tal-Gvern hu l-kawża tal-problema, meta fil-fatt dan l-indħil tal-Gvern kien provokat mill-problemi li l-MEPA ħolqot hi istess meta abbandunat is-sempliċità u l-loġika u għażlet li taqbeż tgħum f’baħar imqalleb mimli policies kontradittorji, imħabbla f’burokrazija li ma tispiċċa qatt.
Il-maġġoranza tan-nies minn dan kollhu ftit jimpurtaha. Il-PN aktar tilef voti għax il-Gvern ma ndaħalx u ġiegħel lill-MEPA toħroġ permessi li mhux suppost ħarġu milli għax il-MEPA qagħdet għall-indħil tal-Gvern, limitat kemm kien limitat. Il-maġġoranza kbira jimpurtaha biss li joħorġu jew li ma joħorġux permessi partikolari fejn ikollhom x’jaqsmu huma.
U għalhekk Kastilja aktar qed imorru nies jitolbu l-ħruġ ta’ xi permess milli nies jagħtu l-pariri dwar ir-riforma tal-MEPA!
Ħafna qed jaħsbu li issa jistgħu jmorru wara l-bieb ta’ Lorenzo, bħallikieku qed iqassam il-permessi tal-bini.
Il-mossa li għamel Lorenzo dwar il-MEPA għad tista’ tiswielu ħafna. Meta jkollok kwistjoni bejn wieħed li jrid permess u ta’ ħdejh li ma jridx li jinħareġ dak il-permess, l-awtoritajiet ma jistgħux jissodisfaw lit-tnejn. Tkun xi tkun id-deċiżjoni, dejjem se tibqa’ kontroversjali u dejjem se jibqa’ jkun hemm min igerger dwarha.
U f’elezzjoni it-tgergir u l-ilmenti jinfluwenzaw il-votant, indipendentement minn jekk ikunux ġustifikati jew le.
Ħadd mhu se jerġa’ jivvota lil Lorenzo u l-partit li jmexxi għax ikun irriforma l-MEPA, iżda ħafna se jkunu dawk li jivvutaw lill-parit l-ieħor ’għax ma nqdewx’, kif diġà ġara f’Marzu li għadda.
Lorenzo jispera li jirnexxielu jnaqqas it-tgergir dwar il-MEPA u allura jirbaħ u mhux jitlef. Madankollu, jgħidu li min jgħix bit-tama jmut bil-piena. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo
Editorijal

Il Punt
Saviour Sammut

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|