MediaToday

Wenzu Mintoff | 27 ta’ April 2008 Nr 78

Diskors mit-tron

Issa qed toqrob kulma jmur il-ġurnata li fiha il-Parlament li ġie elett fit-8 ta’ Marzu li għadda jitlaqqa’ għall-ewwel darba biċ-ċerimonji kollha li jmorru ma’ l-okkażjoni.
It-tieni Sibt ta’ Mejju, filgħodu kulħadd ikun liebes gala, in-nisa speċjalment, bil-bubba u bil-kappell.
Il-ġurnata tibda bil-quddiesa ta’ l-Ispirtu s-Santu
fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, bl-awgurju li l-Ispirtu qaddis idawwal l-imħuħ mhux dakinhar biss imma matul il-ħames snin kollha tal-leġiżlatura.
Imbagħad d-deputati jagħmlu passiġġata qasira mill-Kon-Katidral għal Strada Rjali sal-Palazz tal-Granmastri, ma nafx ikunx hemm ċans ta’ waqfa qasira għand Cordina għal kafè, il-post fejn normalment isir ħafna xogħol Parlamentari fuq kafè a la Taljana u xi pastizz ’l hemm u ’l hawn.
Imbagħad tibda l-parata fil-Main Guard u d-daqq tal-marċi mill-banda ta’ l-armata. Jingħata s-salut Nazzjonali li ġie svalutat xi ftit minn mindu kien ingħata lin-nutar Tony Abela.
Għall-okkażjoni dakinhar l-Pulizija jilbsu wkoll il-bombay hat bil-ponta fir-ras tiegħu. Imbagħad jasal il-President li jidħol fis-sala tal-Parlament bid-daqq tal-fanfarri biex jagħmel id-diskors tat-Tron, avolja mill-miġja tar-Repubblika ’l hawn, suppost li dan m’għandu l-ebda tron ħlief dak li jserraħ u jistrieħ fuqu kulħadd, fejn terġa’ tiġi f’tiegħek wara li sserraħ l-interni.

1971
Ilni nsegwi l-politka mill-1971 meta kelli 10 snin. F’dik is-sena kont anki mort in-Knights Hall għall-għadd tal-voti, fejn minn tant affarijiet, ta’ tifel li kont, bqajt impressjonat b’deputat tal-Partit Nazzjonalista novizz li meta għolla jdejh, inkixef li fi ħżiemu kellu rivoltella.
Kont il-Belt dakinhar li l-Perit Mintoff daħal f’Peugeot mill-antiki kollox ġej għat-tond ta’ l-ispizjar Camilleri. Minħabba r-rassa kbira li kien hemm hekk kif ħareġ mill-Palazz, Duminku Mintoff tela’ fuq l-istaffa tal-karozza biex jidher itwal milli hu u b’ħanġra daqshiex beda jtellaq lin-nies ’l hemm u jgħidilhom biex imorru fuq xogħolhom għax anki hu ried jibda’ jaħdem.
L-ingravata li kien liebes il-Perit Mintoff dakinhar li ngħata l-ġurament, kienet bi strixxi suwed u sofor kulur id-deheb. Bqajt inżommha ma’ l-ingravajjet tiegħi fil-gwardarobba, imma għal xi raġuni qatt ma lbistha forsi għax ħarġet mill-moda u kienet tixbaħ wisq l-ingravata ta’ l-uniformi tal-Liċeo.

Sir Anthony Mamo
Missieri kien ħadni miegħu għad-‘diskors mit-tron’ ta’ Sir Anthony Mamo u peress li s-sala ta’ l-Arazzi ma tantx kienet tesa’ ħafna mistiednin, iċ-ċerimonja dakinhar kienet saret fis-sala ta’ San Mikiel u ta’ San Ġorġ.
Id-diskors mit-Tron mhu xejn ħlief ġabra tal-punti ewlenin tal-programm legislattiv li l-Gvern il-ġdid ikun bi ħsiebu jimxi fuqu fil-ħames snin li gejjin.
Jekk mhux sejjer żball Sir Anthony hu l-unika kap ta’ l-Istat Malti li għamel żewġ diskorsi mit-tron, għax anki fil-ftuħ tal-Parlament li ġie elett fl-1976 kien hu li għamel dan id-diskors.
Anthony Mamo għandu numru ta’ rekords oħra li ma jista’ jiksirhom ħadd. Kien l-ewwel u l-aħħar Gvernatur-Ġenerali Malti, kien l-ewwel President ta’ Malta u l-unika persuna li okkupat kemm il-kariga ta’ President tal-Qorti, ta’ Gvernatur-Ġenerali u ta’ President tar-Repubblika.
Sir Anthony, fl-età venerabbli ta’ 99 sena, għandu rekord ieħor, din id-darba dinji, li mill-eks-kapi ta’ l-Istati fid-dinja kollha li għadhom ħajjin, huwa l-iktar wieħed li għex. Bix-xieraq is-sena d-dieħla f’għeluq il-100 sena mit-twelid ta’ dan il-persunaġġ kbir fl-istorja ta’ pajjiżna, għandhom isiru festeġġamenti xierqa li għandhom jgħaqqduna bħala poplu.
Kemm Anton Buttigieg u anki Agata Barbara, peress li fi żmienhom il-leġiżlatura ħadet il-massimu taż-żmien permess bil-Kostituzzjoni, ma kinitx messithom l-opportunità li jagħmlu diskors mit-Tron. Minflok spiċċaw għamlu d-diskorsi mit-Tron l-Aġenti Presidenti Bertu Hyzler u Pawlu Xuereb.
Id-diskors mit-Tron ta’ Pawlu Xuereb kont smajtu minn ġol-Kamra u mhux mill-gallerija. Fost l-imrar li kellu jduq fis-sentejn u xahrejn li kien għamel bħala Aġent-President, Pawl Xuereb kellu wkoll jgħaddi mill-esperjenza xejn pjaċevoli f’Ġunju 1987 li jaqra diskors mit-Tron li kien jimmarka t-trijonf tal-PN fl-elezzjoni li kienet għadha kif għaddiet.
Għalkemm id-diskors mit-tron fil-każ tagħna jinqara mill-President, fil-fatt ma jkunx diskors li jkun kiteb hu imma li jiġi miktub għalih mill-Gvern tal-ġurnata.

Ftuħ tal-Parlament
Fil-ftuħ tal-11-il Parlament mill-Indipendenza, id-diskors mit-tron did-darba se jinqara minn Edward Fenech Adami, li beda l-aħħar sena tiegħu bħala President tar-Repubblika.
Il-Gvern ta’ Gonzi jinsab f’daqxejn ta’ anomalija f’din il-leġiżlatura. Il-PN bir-raġun jista’ jiftaħar li għamel dak li ħadd qablu ma rnexxilu jagħmel, jirbaħ bis-sewwa jew bid-dnewwa tliet elezzjonijiet ġenerali in fila.
Però fl-istess ħin jinsab fis-sitwazzjoni pjuttost skomda li mill-Indipendenza ’l hawn se jkollna l-ewwel Gvern li m’għandux il-maġġoranza assoluta tal-poplu warajh, imma maġġoranza relattiva
tal-voti. Maġġoranza ta’ wieħed fil-Parlament,
bil-kwistjoni ta’ Pullicino Orlando għadha mhux riżolta, u bl-impenji uffiċjali li għandhom il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari fl-istituzzjonijiet Ewropej varji, il-Gvern ta’ Gonzi se jkollu jiġġebbed mhux ftit biex jara kif se jkampa.

Pairing
Iktar kmieni din il-ġimgħa kien hemm laqgħa u anki skambju ta’ stqarrijiet għall-Istampa fejn ħarġu fil-beraħ il-proposti tal-Gvern u l-kontro-proposti ta’ l-Oppożizzjoni dwar kif għandu jiġi immaniġġjat aħjar ix-xogħol tal-Parlament f’dawn iċ-ċirkostanzi.
Biex tassew juri l-buona volontà tiegħu ħalli tinbeda paġna ġdida fil-mod ta’ kif nagħmlu l-politika f’pajjiżna, Gonzi jmissu għamel il-proposti tiegħu mingħajr ħafna pre-kondizzjonijiet u rizervi. Jekk tabilħaqq ried jagħmel ġest ta’ rieda tajba biex jirrikonoxxi l-fatt li l-poplu Malti jinsab maqsum f’żewġ nofsijiet indaqs u li l-elezzjoni ntrebħet bi żbrixx, kien imissu offra l-kariga ta’ Speaker
lill-Oppożizzjoni mingħajr il-kundizzjoni tal-pairing u l-kundizzjoni li l-Ispeaker irid ikun minn fost
il-grupp Parlamentari Laburista.
Min qed jilagħab dan it-tip taċ-ċess min-naħa
tan-Nazzjonalisti ma nafx kif jista’ jgħaddilu
mill-garigori ta’ moħħu li tal-Labour daqshekk ċwieċ li se jaċċettaw li b’hekk wieħed mill-34 deputati Laburisti ma jkunx jista’ jivvota iktar man-naħa tiegħu u f’każ ta’ casting vote fuq vot ta’ fiduċja dan l-Ispeaker Laburista jkun kostrett mill-ordnijiet tal-Kamra li jivvota favur il-Gvern Nazzjonalista.

Ċess politiku
GonziPN irid jileġ mhux ftit biex jikkonvinċi għalfejn ‘il-pairing’ fiċ-ċirkostanzi attwali qed jiġi mpinġi qisu xi att doveruż li l-Oppożizzjoni kważi obbligata li tidħol għalih.
Iktar u iktar għax bejn l-1996 u l-1998, meta ukoll kienet teżisti sitwazzjoni ta’ Gvern ta’ maġġoranza ta’ wieħed imma li kellu maġġoranza assoluta ta’ voti, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista dakinhar kienet ċaħdet il-pairing.
Jien mhux qed ngħid li m’għandux jew għandu jingħata l-pairing, imma r-rispett jekk ma jkunx wieħed reċiproku, ma jibqax aktar rispett. Jekk tifli sew x’tattiċi ġew użati biex jiġu ikkapparati l-voti matul il-kampanja elettorali, fejn bħal donnu kull mezz kien ġustifikat biex jintlaħaq l-għan li tintrebaħ l-elezzjoni, moralment in-Nazzjonalisti żgur m’għandhom l-ebda dritt joqogħdu jiddettaw permezz tas-soltu logħob biċ-ċess tagħhom x’għandha tagħmel l-Oppożizzjoni Laburista.

 

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo



Il Punt
Tort tal-għalliema!
Saviour Sammut


Toni u Peppi
Reġistru għal dawk ħatja ta’ abbuż sesswali?



Emmanuel Micallef
Il-Patt tal-Gvernatur


Carmelo Mifsud Bonnici

Mugabata



X'kien Jgħid
Lorenzo jqassam il-permessi!



Wenzu Mintoff

Diskors mit-tron
Issa qed toqrob kulma jmur il-ġurnata li fiha il-Parlament li ġie elett fit-8 ta’ Marzu li għadda jitlaqqa’ għall-ewwel darba biċ-ċerimonji kollha li jmorru ma’ l-okkażjoni.

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan