MediaToday

TONI u PEPPI | 27 ta’ April 2008 Nr 78

Reġistru għal dawk ħatja ta’ abbuż sesswali?

TONI

L-istigma soċjali hi waħda mill-agħar esperjenzi li jista’ jkollu bniedem. F’sitwazzjoni bħal din, għall-bqija ta’ ħajtu jitwarrab u kulħadd jistkerrħu. Il-probabbilità hi li ma jsib impjieg imkien, anke jekk ikun kwalifikat, aħseb u ara jekk ma jkunx. Iżda hemm ċerti sitwazzjonijiet fejn sfortunatament persuna tiġi stigmatizzata biex jitħarsu l-interessi ta’ ħaddiehor. Għalija dan hu l-argument prinċipali dwar jekk għandux ikun hemm reġistru miftuħ għall-pubbliku bid-dettalji ta’ dawk li nstabu ħatja ta’ molestji jew abbużi sesswali fuq tfal.
Ma għandniex xi ngħidu, hemm argumenti favur u kontra jekk għandux ikun hemm dan ir-reġistru, speċjalment meta qegħdin nitkellmu dwar ġustizzja mnissla mill-bniedem. Il-ġustizzja tal-bniedem mhix perfetta u każ fejn snin wara jinstab li persuna innoċenti ġiet ikkundannata bi żball kien hemm u għad ikun hemm.
F’dan ir-rigward niftakar fil-film ta’ Nino Manfredi mibni fuq storja vera ta’ certu Antonio Giralemoni li kien instab ħati bi żball ta’ pedofilija, bin-nies jaħarbuh kulfejn imur sakemm qatel lilu nnifsu. Ħwejjeġ li ġraw u ser jibqgħu jiġru.
Iżda min-naħa l-oħra rridu nipproteġu lil uliedna mill-perikli ta’ dawk għax iridu jew ma jridux huma attratti mit-tfal u ma jiddejqux jagħmlu ħsara lit-tfal.
It-tfal li jkunu vittmi ta’ dawn ir-reati mhux biss jibqgħu trawmatizzati għal għomorhom, iżda anke jibqgħu stigmatizzati, ukoll jekk meta kienu tfal m’għarfux x’laqathom. Għalhekk l-argument b’saħħtu favur li jkun hemm reġistru bl-ismijiet u d-dettalji ta’ dawk li jkunu nstabu ħatja ta’ pedofilija.
Meta dan l-aħħar persuna ġiet ikkundannata dwar reat ta’ din ix-xorta ma xxandarx isimha fuq ordni ta’ Qorti ma naħsibx li sar sewwa. Iżda min-naħa l-oħra, jekk din kienet sentenza li tista’ tiġi appellata, allura l-prudenza titlob li isimha jkun jista’ jiġi mxandar wara li jiġi deċiż l-appell jew wara li jgħaddi l-perjodu ta’ l-appell meta ma jsirx appell. Iżda bħalma f’każ ħafna anqas gravi, bħal pereżempju żagħżugħ inqabad bid-droga għall-użu personali, l-ismijiet jixxandru, allura kemm għandu aktar interess il-pubbliku biex ikun jaf min qiegħed jimmolestja lit-tfal?
Huwa minnu li bis-saħħa tal-Kodiċi Kriminali l-Qorti għandha s-setgħa li tipprojbixxi l-pubblikazzjoni ta’ isem l-imputat jew rapportaġġ tal-kawża fil-każ ta’ ċirkostanzi speċjali jew morali pubblika. Din hi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li d-deċiżjonijiet huma pubbliċi u li l-pubbliku għandu dritt mhux biss ikun jaf x’ġie deċiż iżda wkoll min huma l-persuni involuti.
Ħafna drabi din il-miżura hi maħsuba li tħares lill-vittma u mhux lill-akkużat. F’dan il-każ qiegħed jiġi mħares l-akkużat, u agħar minn hekk, meta sirna nafu li jaħdem mat-tfal fil-qasam edukattiv. Mingħajr reġistru, il-minimu ta’ dritt li għandu kull ġenitur hu, li għal darba waħda biss isiru jafu min hi l-persua bil-pubblikazzjoni ta’ din is-sentenza.
Meta Daphne Caruana Galizia ippubblikat l-isem u d-dettalji tal-persuna ħatja, teknikament ma għamlitx sewwa. Iżda kultant ċerti direttivi tal-Qrati jwassluk fix-xifer li tikser il-Liġi għax ma tistax tagħmel mod ieħor.
Konvint li l-pubbliku ġenerali f’każ bħal dan se jkun aktar qrib il-ksur tal-Liġi milli l-ordni tal-Qorti. Jekk kellhom jipproċedu kontra Daphne għax kisret ordni tal-Qorti jiena ċert li l-Awtoritajiet se jsibu l-opinjoni pubblika kontra tagħhom. Il-ġenituri jridu li jħarsu l-interessi ta’ wliedhom u f’sitwazzjoni simili l-Qorti mhu se issib l-ebda simpatija.
Fil-verità nemmen li s-setgħa tal-Qorti f’dan ir-rigward qegħdha hemm biex tħares il-vittma mhux lill-aggressur. Ħalli tordna li ma jiġix ippubblikat isem il-vittma u dettalji oħra li jistgħu jwasslu għaliha, iżda mhux l-istess ħaġa fil-każ ta’ l-aggressur.
Sakemm ma jkollniex reġistru pubbliku ta’ dawk li jiġu ikkundannati b’dawn ix-xorta ta’ reati, żgur li se ikollna aktar bħal Daphne li ma jiddejqux jiksru l-ordnijiet tal-Qrati. Iżda l-argument li jqum hu: x’xorta ta’ reġistru għandu jkollna u meta għandu jiġi mxandar isem dak li jkun? Pereżempju, meta persuna taħdem mat-tfal f’post sensittiv jiġi akkużat quddiem qorti b’dawn ix-xorta ta’ reati għandu jkollna d-dritt li mal-mument li jitressaq inkunu nafu? Għandna nistennew li nkunu nafu meta l-każ jiġi appellat jew mill-ewwel ma’ l-ewwel kundanna?
Jidher li f’ħafna pajjiżi t-tendenza hi li meta persuna tiġi definittivament ikkundannata ta’ pedofilja għandu jkun hemm reġistru pubbliku bid-dettalji kollha tal-persuna. Taħt liġi ġdida federali Awstraljana persuna ikkundannata għal dawn ix-xorta ta’ reati għandha l-obbligu li tinforma lill-Pulizija bl-indirizz fejn toqgħod, bin-numru tal-pjanċa tal-karozza tagħha, x’postijiet tiffrekwenta u kull dettal ieħor ta’ identifikazzjoni.
Il-pożizzjoni hi simili fl-Istati Uniti bil-Liġi li kienet il-mudell li tfasslu fuqha ħafna liġijiet oħrajn madwar id-dinja magħrufa bħala l-Liġi ta’ Megan, li ħadet isimha minn dik ta’ tifla li mietet waqt attakk pedofilu. L-obbligu huwa fuq l-ikkundannat li jipprovdi d-dettalji, sistema li mhux dejjem taħdem tajjeb. Fl-Amerika 24 fil-mija ta’ dawk li jiġu ikkundannati ma jirreġistrawx, fil-waqt li fl-Awstralja jirreġistraw 100 fil-mija.
Minbarra dan il-liġijiet ivarjaw minn post għall-ieħor. F’ċerti stati Awstraljani ir-reġistru hu aċċessibbli biss mill-Pulizija biex ikunu jistgħu jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom. Bir-raġun, il-ġenituri jirraġunaw li jekk hemm xi ħadd li għandu interess f’dan ir-reġistru huma l-ġenituri tat-tfal. Huwa fl-interess tagħhom li jkunu jafu x’postijiet jiffrekwentaw dawn il-persuni biex proprju ma jibagħtux lil uliedhom. Ir-rata ta’ pedofili li jsiru reċidivi hi għolja, allura sa ċertu punt il-ġenituri għandhom raġun.
Hemm min jaqbel, bħal Franza, li dan ir-reġistru mhux biss għandu jkun miftuħ għal kulħadd iżda għandu wkoll jitqiegħed fuq l-internet biex ikun aċċesibbli globalment. L-istat ta’ New South Wales ma jaqbilx ma’ dan, għax dan ir-reġistru jinteressa lil dawk fejn ikun sar dan ir-reat. Iżda jidher li fl-aħħar mill-aħħar mexjin mhux biss fejn reġistru lokali iżda lejn wieħed dinji.
Il-pedofilja bil-mezzi elettroniċi li għandna llum saret internazzjonali. Fil-fatt dan l-aħħar fit-Tajlandja tgħidx x’għamlu l-Pulizija meta qabdu wieħed ta’ ċittadinanza Ingliża li jidher li kien l-organizzatur wara xibka internazzjonali fuq l-internet. Reġistru u mhux reġistru ma ddejqu xejn ixandruh ma’ l-erbat irjiħat tad-dinja. F’laqgħa li kienet saret fl-2003, il-Ministri tal-Affarijiet ta’ l-Intern tal-G8 qablu fuq reġistru globali. Kienu qalu li ser jikkontribwixxu $1,000,0000 kull wieħed biex jinħoloq reġistru ta’ din ix-xorta.
Il-polemika fuq dan is-suġġett żgur li mhux se tieqaf hawn. Anzi ngħid li x’aktarx li tinfirex. Pereżempju dawk in-nisa li ġew stuprati jargumentaw, għaliex m’għandux ikun hemm reġistru simili bl-ismijiet ta’ l-inqas ta’ dawk li nstabu ħatja ta’ aktar minn darba bi stupru. Mela mara m’għandhiex dritt tkun taf bil-postijiet li jiffrekwentaw dawn in-nies? Allura jiena m’għandix inkun naf jekk il-ġar li ġie joqgħod ħdejja dan l-aħħar hux xi Al Capone jew John Dillinger?
Insomma jekk nibqgħu sejrin hekk ma nieqfu qatt!

toniabela.blogspot.com

PEPPI

Ftit ġimgħat ilu konna qed nippreparaw għall-programm Xarabank dwar is-Cyberspace. Flimkien ma’ Antonella mit-tim ta’ Xarabank morna għal brainstorming session ma’ l-Ispettur Pawlu Caruana u t-tim tiegħu tas-Cybercrime Unit.
Kont impressjonat bl-entużjazmu li bih jagħmlu x-xogħol tagħhom. L-ispettur Caruana dawwarna max-xogħol li jagħmlu. F’daqqa waħda fuq kompjuter partikulari uriena site ta’ pornografija bit-trabi u bit-tfal. Rajt l-immaġini għal ftit sekondi u ma stajtx nemmen x’kont qed nara quddiem għajnejja.
Kont nifhem il-kruha ta’ l-abbuż fuq it-tfal iżda meta rajtha għall-ewwel darba quddiem għajnejja ma rridtx nemmen. Li kelli nirrepeti x’rajt ma niftakarx iżda naf li kienet, jew kienu, xeni tal-biża’.
L-istess ġralha Antonella. Bqajna bla kliem għax ma temminx li hawn min juża t-trabi u t-tfal u jabbuża minnhom b’dan il-mod mill-aktar krudili.
L-Ispettur Caruana spjegalna li jeżistu mijiet ta’sites bħal dawk li konna għadna kif rajna. Qalilna li hemm ħafna nies madwar id-dinja li jiffrekwentaw dawn is-siti. Ikkonfermajt li dawn in-nies li jieħdu gost jarawhom bilfors li huma morda. Għax persuni normali mhux biss ma jitqanqlux sesswalment għal xeni u stampi bħal dawn iżda jirriġettawhom għax iqisuhom bħala ripulsivi u tal-biża’.
Dan l-aħħar kellna l-każ ta’ persuna li nstabet ħatja li abbużat. Il-Qorti ordnat li ma jissemmiex isem il-persuna. Weħel sentejn ħabż sospiżi għal erba’ snin. Ir-ritratti tal-persuna daru fuq l-internet u jiena irċevejthom mill-anqas minn 15-il persuna differenti.
Xterdu ma’ kullimkien biex kulmin għandu t-tfal joqgħod attent jew attenta minnu. L-istint tiegħi li għandi tifel ta’ 10 snin ikun bħal dawk li bagħtuli l-emails. Li nkompli nxerred dawn ir-ritratti. Iżda għazilt li ma nilqax l-istedina li nxerred dawn ir-ritratti u l-informazzjoni ta’ din il-persuna. Nispjega għaliex.

1. Inqis lil dawn in-nies bħala morda. Min huwa marid għandu bżonn il-kura. Mir-riċerka li għamilt sa llum f’Malta ma hawnx għajnuna u kura konkreta għal dawn il-persuni b’ġibdiet sesswali li jħassru lil uliedna. Din hija sitwazzjoni gravi ħafna.
2. Assolutament ma naqbilx ma’ sentenza sospiża jekk ikun il-każ li din il-persuna għandha ġibdiet pedofili. X’jiswa li nagħtu sentenza sospiża meta din il-persuna tista’ terġa’ tabbuża għax il-ġibdiet li aħna għadna lejn persuni adulti huma jħossuhom għat-tfal? Dawn il-ġibdiet pedofili mhux trattati jistgħu jwassluha biex terġa’ tabbuża u terġa’ tabbuża. B’uliedna. Allura sentenza sospiża ma tagħmilx sens għax il-problema se tibqa’ mal-persuna u magħna.
3. B’daqshekk ma naqbilx li din il-persuna tinbagħt sentejn ħabs. Għax il-ħabs aktarx li tkun hi stess abbużata kif jiġri f’ħafna każi. Dan l-aħħar inħolqot sezzjoni fil-ħabs proprju biex tilqa’ ġo fiha lil dawn il-persuni. Iżda dawn ma jingħatawx kura. Jibqgħu hemm biex jagħmlu il-kastig, jgħaddu s-snin bħala kastig u l-persuna toħroġ. Pedofilu kien u pedofilu jibqa’. Fil-ħabs inkunu biss ipposponejna l-problema għal sena jew sentejn.
4. Is-soluzzjoni tiegħi hi forsi kontroversjali u radikali. Naħseb li persuni pedofili għandhom jitpoġġew ġo sptar maħluq apposta b’terapija biex ifiequ. Is-sentenza m’ għandhiex ikollha żmien fuqha. Għax ma tkunx imnebbħa minn kastig iżda minn kura. Il-persuna tibqa’ fl-isptar sakemm tfieq u allura ma tkunx ta’ periklu għal uliedna. Illum jeżistu sistemi kif b’mod elettroniku dawn il-persuni jistgħu jkunu monitored 24 siegħa kuljum. F’dan is-sens dawn il-persuni għandhom isegwu terapija u wara meta jerġgħu joħorġu mill-isptar għandhom jibqgħu jkunu moniterd.
5. Ovvja dawn il-persuni ma jkunu jistgħu jaħdmu qatt f’postijiet li jinvolvu tfal. Kif se nagħmlu biex inkunu żguri li dawn il-persuni, kemm idumu ħajjin, ma jaħdmu qatt mat-tfal? Noqogħdu nibagħtu l-emails bir-ritratti tagħhom? Nagħmlu posters u nwaħħluhom ma kullimkien? Ma naqbilx. Allura x għandu jiġri?
6. Nipproponi li kull persuna f’Malta u Għawdex għandu jkollha card li fiha jkun hemm ċertifikat li l-persuna tista’ taħdem f’xogħol mat-tfal. Meta napplika għal xi xogħol konness mat-tfal nintalab dan iċ-ċertifikat. Dawk il-persuni li jkunu nstabu ħatja ta’ xi forma ta’ abbuż fuq it-tfal jittihdilhom dan iċ-ċertifikat. Allura jekk jaslu biex japplikaw għal xogħol mat-tfal u jintalbu ċ-ċertifikat, dawn ma jkunux jistgħu jippreżentawh. U naturalment ma jimpjegahomx.L-istess dan iċ-ċertifikat għandu jgħin lill-Knisja biex tassigura li l-persuni li jaħdmu mat-tfal ma jkunux f’tentazzjonijiet kontinwi biex jabbużaw bihom.
7. Jekk ikun hawn il-kura għal dawn in-nies morda allura anke dawk li jkollhom dawn il-ġibdiet u jirreżistuhom ikunu jistgħu jmorru għall-kura. Waqt il-kura jkunu mħeġġa li minn jeddhom jiddepożitaw iċ-ċertifikat tagħhom biex tbegħidhom mit-tentazzjoni li jaħdmu mat-tfal. B’hekk inkunu żguri li anke dawk li għandhom dawn il-ġibdiet u jirreżistuhom, jew ma jinqabdux, ma jispiċcawx ikunu ta’ periklu għal uliedna.

 

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo



Il Punt
Tort tal-għalliema!
Saviour Sammut


Toni u Peppi
Reġistru għal dawk ħatja ta’ abbuż sesswali?



Emmanuel Micallef
Il-Patt tal-Gvernatur


Carmelo Mifsud Bonnici

Mugabata



X'kien Jgħid
Lorenzo jqassam il-permessi!



Wenzu Mintoff

Diskors mit-tron
Issa qed toqrob kulma jmur il-ġurnata li fiha il-Parlament li ġie elett fit-8 ta’ Marzu li għadda jitlaqqa’ għall-ewwel darba biċ-ċerimonji kollha li jmorru ma’ l-okkażjoni.

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan