Aħbarijiet | 27 ta’ April 2008 Nr 78
Kurt Sansone
ksansone@mediatoday.com.mt
Minkejja l-garr ta’ l-importaturi tal-karozzi l-ġodda li l-bejgħ hu wieqaf, ċifri li ippubblika l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika (UNS) din il-ġimgħa jagħtu stampa differenti għall-ewwel tliet xhur tas-sena.
Bejn Jannar u Marzu l-bejgħ ta’ karozzi ġodda u second-hand kien kemmxejn aħjar mill-bejgħ fl-istess perjodu sena ilu.
Madankollu jista’ jkun li l-inċertezza li nħolqot fil-kampanja elettorali dwar il-futur tat-taxxa tar-reġistrazzjoni minħabba l-pożizzjoni li ħadet il-Kummissjoni Ewropea fuq il-kwistjoni tal-VAT u l-proposta tal-Partit Nazzjonalista li jbiddel b’mod radikali kif ikunu intaxxati l-karozzi, setgħet wasslet għal nuqqas ta’ ordnijiet ġodda għax-xhur li ġejjin.
Iżda lil hinn mill-bejgħ fl-ewwel tliet xhur tas-sena l-ammont ta’ karozzi ġodda fit-triq naqas b’mod drastiku bejn l-2006 u l-2007.
L-importaturi tal-karozzi ġodda l-iktar li raw daqqa ’l isfel bi tnaqqis fil-bejgħ ta’ disgħa fil-mija mill-2006 għall-2007. Min-naħa l-oħra l-importaturi ta’ karozzi second-hand ma kellhomx l-istess riżultat negattiv.
Il-karozzi second-hand ġodda naqsu b’1.2 fil-mija.
Iċ-ċifri ta’ l-UNS juru li sa l-aħħar tax-xahar li għadda kien hawn reġistrati b’kollox 289,450 vettura li minnhom 220,062 kienu karozzi privati.
It-taxxa tar-reġistrazzjoni tista’ titla’ sa 75 fil-mija tal-valur tal-karozza skond iċ-ċilindrata tal-magna. Fuq din it-taxxa mbagħad titħallas ukoll VAT ta’ 18 fil-mija. Il-prezz tal-karozzi f’Malta hu għoli ħafna meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra Ewropej u r-raġuni prinċipali hi t-taxxi għoljin li jitħallsu.
Il-karozzi huma sors ta’ dħul qawwi għall-Gvern. Mit-taxxa tar-reġistrazzjoni l-Gvern daħħal €54.7 miljun fl-2007 u l-istima għall-2008 hi ta’ €49.3 miljun.
Iżda l-Gvern idaħħal ukoll mil-liċenzja tat-triq li tiġġedded kull sena. Fl-2007 il-Gvern daħħal €29.6 miljun mil-liċenzji u l-istima għal din is-sena hi li se jdaħħal €28 miljun.
Mil-liċenzji tas-sewqan il-Gvern daħħal €1.3 miljun is-sena li għaddiet u għal din is-sena qed jistima li jdaħħal €1.6 miljun.
Dan id-dħul jeskludi dħul ieħor għall-Gvern mill-VAT fuq il-bejgħ tal-karozzi u l-bolla li titħallas fuq it-tiġdid ta’ l-assigurazzjoni kull sena. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo
Editorijal

Il Punt
Saviour Sammut

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|