Aħbarijiet | 27 ta’ April 2008 Nr 78
Franica Pulis titkellem ma’ Loranne Vella, waħda mill-kittieba ta’ Wied Wirdien
Nhar il-Ħamis li għadda tnieda t-tieni ktieb mit-Triloġija tal-Fiddien fil-Belt, Wied Wirdien, li bħalma qalet Loranne Vella, il-qarrejja tiegħu “se jsiru jobogħdu l-wirdien iktar minn qabel.”
Dakinhar uħud mill-ispettaturi ttieħdu bil-vann minn Sa Maison sal-Belt. Matul il-vjaġġ inqaralhom kapitlu mill-ktieb. F’Bieb il-Belt iltaqgħu ma’ l-Immarkati, karattri li jiżviluppaw aktar f’Wied Wirdien minn Sqaq l-Infern, li ħaduhom fil-post fejn saru sketches qosra li dewqu lill-udjenza l-ġrajjiet u l-karattri tal-ktieb qabel ma xtrawh.
Il-kittieba, li kienet waħda mill-atturi fit-tnedija tal-ktieb, għandha sehem kbir f’dan il-ktieb speċjalment minħabba li kienet hi li bdiet tikteb il-kapitli ta’ Sqaq l-Infern qabel żewġha Simon Bartolo, minkejja li għandu aktar esperjenza fil-kitba.
“Simon kien għadu mitluf fil-ħsibijiet dwar il-karattri u kif tista’ tiżvolġi l-istorja ta’ Sqaq. Imma jien, peress li għandi natural aktar prattiku minn tiegħu, qbadt nikteb malli ħriġna bl-ewwel ideat.”
Titkellem dwar kemm għenitha l-esperjenza teatrali fil-kitba.
“Meta noħloq karattri teatrali niffoka ħafna fuq ċerti elementi bħall-espressjonijiet tal-wiċċ, il-vuċi, il-preżentazzjoni fiżika, l-imġiba u l-psikoloġija tal-karattru, kif ukoll is-sitwazzjoni li jinsab fiha. L-istess nagħmel meta nkun qed neżamina jew noħloq karattru mit-triloġija tal-Fiddien.”
Mistoqsija liema kien l-iktar favorit mit-tnejn u għaliex Roberto hu l-aktar karattru li jogħġobha, Vella wieġbet: “Peress li ż-żewġ kotba huma l-istess storja, diffiċli biex nifridhom u nagħżel bejniethom. Imma bħalissa iktar qiegħed għal qalbi Wied Wirdien. Forsi għax għadu joħroġ u qed nara r-reazzjonijiet tal-qarrejja għalih. Hemm kapitli f’Wied Wirdien li huma speċjali ħafna għalija, fosthom it-taqsima dwar l-1978.
“Roberto hu karattru innoċenti, bla ħażen ta’ xejn u għandu qalbu tajba. Jibqa’ fid-dinja tat-tfulija aktar fit-tul minn sħabu ta’ l-istess età. Kultant jispiċċa jgħid affarijiet tad-daħk mingħajr ma jinduna minħabba l-innoċenza tiegħu. Dan kollu jagħmlu karattru speċjali ħafna għalija.”
Iżżid tgħid li minkejja għamlet żmien twil tgħallem l-Ingliż xorta waħda ssibha komda tikteb bil-Malti. Anzi, issa li ilha sentejn u nofs taħdem bħala traduttur għall-Malti, qed issibha aktar ħafna aktar naturali li tikteb bil-Malti milli bl-Ingliż.
F’intervista oħra ssemmiet li Sqaq l-Infern sabu min jagħmlilhom traduzzjoni bil-Franċiż u bil-Ġermaniż. Għalissa qed jaħdmu biss fuq it-traduzzjoni tal-ktieb u ma bdewx jieħdu ħsieb il-pubblikazzjoni tiegħu.
Mistoqsija taħsibx li t-triloġija hix se tkun waħda mill-ħafna fis-swieq barranin, il-kittieba wieġbet, “Naħseb li f’Malta din hi l-ewwel triloġija tal-ġeneru tal-fantasija bil-Malti. Barra minn Malta, hemm suq kbir mhux ħażin ta’ kotba tal-fantasija imma ma naħsibx li Sqaq l-Infern awtomatikament se jispiċċa bħala ‘wieħed mill-ħafna’. Safejn naf jien mhemm l-ebda storja ta’ fantasija oħra bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, eċċ, ambjentata f’Malta.” |
|
Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo
Editorijal

Il Punt
Saviour Sammut

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|