Aħbarijiet | 27 ta’ April 2008 Nr 78
Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt
“L-endometrijosi tista’ tibda meta mara jiġiha għall-ewwel darba l-period. Oriġinarjament, meta qaluli, lanqas biss kont naf ngħidha u hawn Malta ma kienx hawn grupp,” qalet Dorianne Gerada, il-Koordinatur ta’ l-Endosupport Malta, li skopriet il-kundizzjoni tagħha fl-1999.
Sfortunatament skond statistika li tat Diana Wallis, Viċi-President tal-Parlament Ewropew, l-endometrijosi taffettwa minn ta’ l-inqas 14-il miljun mara jew tifla fl-UE. Sfortuna akbar hi li f’Malta lanqas biss hawn statistika u li kieku Gerada ma waqqfitx il-grupp seba’ snin wara li skopriet x’kellha, lanqas dak ma kien ikun hemm biex jagħmel aktar enfasi dwar l-għarfien ta’ din il-kundizzjoni, li tista’ tolqot kwalunkwe mara. Fi ftit kliem endometrijosi hi meta l-period jitrabba barra l-inforra tal-ġuf.
“L-uġigħ li jaqbdek mhux sempliċiment ħadt paracetamol u għaddielek. Mhux kulħadd jaqbdu l-istess. Kien hemm min ma kellu l-ebda uġigħ iżda l-problemi tqajmu meta ippruvaw jinqabdu tqal. Hemm min kellu t-tfal u wara qabdu uġigħ qawwi tal-period. “Waħda li kienet se twelled ħasbet li kien taha l-uġigħ tiegħu tant kemm hu qawwi, mentri fil-fatt kienet se twelled.
“L-ikbar problema hi li għadhom ma jafux x’jikkawżaha. Għadha qed issir ħafna riċerka dwar hekk. Medikament għad mhemmx kura. Jagħmlulek laparoscopy għad-djanjosi, li hi operazzjoni ta’ jum u jdaħħlulek ħaġa minn żaqqek. L-ultrasound mhux biżżejjed għax ma jarahiex,” żiedet Gerada.
Il-kundizzjoni tista’ tikkumplika ruħha u l-mara jkollha tagħmel operazzjonijiet matul is-snin. Bl-operazzjonijiet tneħħi ċ-ċesti u f’każi iktar serji anki tispiċċa tagħmel isterektomija.
“Ħafna drabi t-tobba jagħtu l-pillola kontraċettiva biex jibbilanċaw l-ormoni. Jistgħu jagħtuk injezzjoni li biha jpoġġuk f’menopawsa għal sitt xhur. Hemm ukoll min sab li dieta mingħajr qamħ jew terapija bħal homeopathy tnaqqas l-uġigħ ukoll.
“Sfortunatament ġieli jgħaddu snin qabel mara tiġi djanjostikata b’din il-kundizzjoni. Għalhekk wieħed mill-għanijiet tal-grupp hu li nqajmu kuxjenza. Li nixtiequ hu li jkun hawn iktar nies li jafu b’din il-kundizzjoni biex persuna ma tħosshiex weħidha wkoll,” kompliet tispjega l-koordinatur, li kompliet tinsisti kemm hu importanti li mara tilħaqha mill-bidu, u jekk tħoss weġgħat qawwija ma tqishomx bħala xi ħaġa li kulħadd jgħaddi minnhom.
Gerada ma tridx tallarma n-nies għax mhux kulmin għandu uġigħ tal-period għandu l-endometrijosi iżda peress li “hi xi ħaġa li ma tidhirx hi iktar diffiċli tispjegaha lil dak li jkun u minn xiex tkun għaddejha. Minbarra li l-każijiet qegħdin dejjem jiżdiedu. Ikun hemm min jaħseb li għandu irritable bowel syndrome jew imur jiċċekkja x’għandu u t-tobba jgħidulu li m’għandu xejn. Għalhekk hemm bżonn ta’ aktar għarfien,” kompliet Gerada.
Titkellem dwar kif il-kundizzjoni affettwatha u tgħid kemm kellha xortiha tajba ħdejn ħaddieħor.
“Fil-każ tiegħi bqajt għaddejja b’ħajti normali. Jien iġġilidtilha. Ma waqaftx mix-xogħol. Imma hemm min affettwatu ħafna. F’każi estremi min ikun affettwat matul ix-xahar kollu jkollu jwaqqaf ix-xogħol għax ifalli ta’ spiss.” Tkompli tgħid li bl-endometrijosi mhux bilfors ma jistax ikollok it-tfal, għalkemm hemm min għandu problema ta’ infertilità. Hemmhekk jidħol it-trattament tal-IVF.
“It-tobba jissuġġerixxu li jkollok it-tfal għax minflok ħadt il-pillola, tkun waqqaft iċ-ċiklu b’mod naturali minbarra li kien hemm min kellu t-tfal u l-kundizzjoni tiegħu tjiebet.”
Gerada tgħid kemm hi kuntenta li l-Parlament Ewropew induna kemm l-endometrijosi hi kundizzjoni serja u ddeċieda li jagħmel xi ħaġa dwarha. Fil-fatt għall-ewwel darba, is-sena li għaddiet, l-UE tat €296,000 (Lm127,073) lill-universitajiet u għaqdiet ta’ appoġġ biex jitqajjem aktar għarfien dwar din il-kundizzjoni.
L-Endosupport Malta jiltaqa’ darba kull xahrejn u fih 35 membru, bl-età medja ta’ 30 sena. Il-psikoterapista Carmen Buttigieg spiss tattendi u tgħin fih.
“Il-laqgħat huma ta’ appoġġ. Tiltaqa’ ma’ nies bħalek li forsi sħabek ma jkunux jistgħu jifhmu. Ġieli ġibna ġinekoloġi biex jitkellmu dwar is-suġġett ukoll. “Hemmhekk naqsmu l-esperjenzi tagħna u nitkellmu dwar x’sibna li forsi affettwana aħjar minkejja li forsi ma jkunx medikalment approvat, bħad-dieta mingħajr dqiq,” temmet tgħid Gerada.
L-endometrijosi hi kundizzjoni. Iċ-ċelloli li normalment ikunu fl-inforra tal-ġuf jinstabu fil-bqija tal-ġisem, bl-iktar komuni fit-tubi fallopji, fil-bajd, fil-borża tal-pipì, fil-musrana, fl-imsaren u fil-vaġina.
Fiċ-ċiklu normali tal-mara l-inforra tal-ġuf tibda teħxien biex tilqa’ l-bajd fertilizzat. Meta ma jkunx hemm tqala, din l-inforra tinqasam u tnixxi u toħroġ mill-ġisem bħala period.
Iċ-ċelloli barra l-ġuf jiġrilhom l-istess, jeħxienu mbagħad inixxu, iżda m’għandhom l-ebda mod kif jistgħu joħorġu mill-ġisem. Dawn iċ-ċelloli jispiċċaw maqbudin fil-ġisem bir-riżultat li jikkawżaw uġigħ kbir, nefħa u demm li jnixxi fejn qegħdin dawn iċ-ċelloli.
X’inhuma l-aktar sintomi komuni?
Is-sintomi jvarjaw minn persuna
għall-oħra. F’ċerti każi mhemm l-ebda
sintomi. L-iktar komuni huma:
• periods b’ħafna uġigħ
• periods b’ħafna ammont ta’ demm
• uġigħ fil-pelvi
• demm bejn il-periods
• diffikultà fil-fertilità jew infertilità
Għal aktar tagħrif ibgħat lil Koordinatur ta’ l-Endosupport Malta fuq endosupport@gmail.com jew ċempel fuq 79068840. Il-grupp jiltaqa’ l-Health Promotion Unit fl-Imsida.
|
|
Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo
Editorijal

Il Punt
Saviour Sammut

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|