Aħbarijiet | 27 ta’ April 2008 Nr 78
Julia Farrugia
Alfred Mifsud, il-persuna li llum qed tappoġġa lil George Abela għall-kariga tal-mexxej il-ġdid Laburista, hi l-istess persuna li fl-1998 kienet tat pariri lil Alfred Sant kif jista’ jissielet u jirbaħ kontra l-fazzjonijiet ta’ George Abela u Lino Spiteri u kontra l-fazzjoni ta’ Mintoff.
Illum għandha f’idejha ittra sensittiva datata 10 ta’ Lulju 1998 li qed tiġi żvelata għall-ewwel darba. F’din l-ittra Mifsud kiteb lil Sant, dakinhar Prim Ministru, u fiha saħansitra offra lil Sant li “jekk issir elezzjoni ġenerali, għodd fuqi biex nimla kull post amministrattiv battal li jħalli George Abela.”
Ikkuntattjat minn din il-gazzetta Mifsud kien mistoqsi x’wassal biex għamel din il-bidla u minkejja li fl-1998 kien ħadem ‘kontra’ Abela issa qed jersaq lejh u jaħdem għalih.
“10 snin ilu kienu ċirkustanzi mod u llum 10 snin wara hemm ċirkustanzi mod ieħor. Jien kulma jinteressani hu li l-Partit Laburista jitla’ fil-Gvern. Jien naħseb li George Abela hu l-aħjar għażla għax l-aktar wieħed li jagħtina prospetti tajbin.
“Għaddew 10 snin u kulħadd hu 10 snin aktar matur,” saħaq Mifsud.
L-ittra ta’ Mifsud datata 10 ta’ Lulju 1998 inkitbet fit-tieni ġurnata tal-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista. Mifsud fiha wissa lill-Prim Ministru Sant li “din hi sitwazzjoni li titlob ħsieb ċar u fehma ta’ xi ħadd barrani li tista’ ssaħħaħlek l-analiżi tiegħek u allura ddeċidejt li ndejqek bil-ħsibijiet tiegħi.
“Hu ċar li bħalissa int qed tissielet kontra minn ta’ l-anqas żewġ fazzjonijiet li konvenjentament ingħaqdu flimkien biex jiġġieldu kontra avversarju komuni. Il-kamp ta’ George Abela u Lino Spiteri mhumiex xi ħbieb ta’ Mintoff imma preżentament l-oġġettivi taż-żewġ kampijiet pjuttost jaqblu ma’ xulxin.
“George Abela ċarament qed jisfida l-leadership tiegħek. Mintoff qed jisfida l-abbiltà tiegħek li tiggverna.”
Fl-ittra tiegħu Alfred Mifsud iwissi lil Sant li importanti li jifhem x’inhi l-problema għaliex inkella “soluzzjoni hi elużiva.”
Mifsud wissa lil Sant li “l-għajnuna ta’ George Abela kienet indispensabbli għal Mintoff.
“Jekk ma jirnexxilekx takkwista mandat ċar biex issejjaħ elezzjoni bikrija, Mintoff jikseb preċiżament dak li jrid, l-obbligazzjoni tiegħek li titgħallem tgħix bih jew ir-riżenja tiegħek u li tkun mibdul minn xi ħadd li jkun lest jgħix bih.
“B’dan il-mod Mintoff jikseb in-nomina tiegħu biex ikun President u George Abela jiġi s-salvatur tal-partit għax ikun ġibdu milli jidħol għal elezzjoni li int kont qed tmexxieh lejha. Ikollna wkoll Prim Ministru pupazz,” wissa Alfred Mifsud.
Mifsud ġibed l-attenzjoni li hu kien jinsab “assolutament ċert minn dan ix-xenarju” u għaldaqstant jekk Sant kellu jifhem x’inhuma l-problemi veri u x’inhuma l-oġġettivi ta’ dawk rivali tiegħu, kien ikun f’qagħda li jibda jfassal l-aħjar soluzzjonijiet.
L-eks kandidat Laburista Alfred Mifsud jagħti numru ta’ pariri dwar kif Sant kellu jimxi filgħaxija waqt il-konferenza ġenerali straordinarja fosthom li matulha jikseb vot li ma jkunx anqas minn 75 fil-mija.
“Id-diskors tiegħek kien mejjet. George Vella kien perfett. Trid b’mod ripetut tfakkar li l-Partit minn stat mejjet wara l-elezzjoni tal-1992 wasal għall-akbar rebħa li qatt għadda minnha, dik tal-1996.
“Trid tagħmilha ċara li l-ħatra tiegħek ta’ Prim Ministru ġejja mill-elettorat u mhux mill-Partit biss u li int kommess lejn l-elettorat u la lest tkun pupazz u lanqas m’int lest tagħmel spazju għal xi ħadd li jrid ikun pupazz.”
Taħt il-firma tiegħu Alfred Mifsud għamel nota lil Alfred Sant fejn fiha qallu li jekk issir elezzjoni ġenerali seta’ jserraħ fuqu biex ikun hu li jimla kull vojt amministrattiv li jitħalla minn George Abela.
|
|
Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo
Editorijal

Il Punt
Saviour Sammut

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|