Aħbarijiet | 27 ta’ April 2008 Nr 78
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ikkonferma ma’ Illum li l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi abbozzat numru ta’ għażliet dwar il-proposta elettorali tal-ħames bozoz.
Fil-programm elettorali l-Partit Nazzjonalista wiegħed li jagħti ħames bozoz li jiffrankaw l-enerġija lil kull familja għal sentejn, total ta’ 10 bozoz lil kull familja. Il-ħsieb wara din il-miżura kien li jonqos il-konsum ta’ l-elettriku u hekk jitħares aktar l-ambjent.
“Il-Gvern qed jikkunsidra numru ta’ għażliet li ġew abbozzati mill-MRA sabiex ikun jista’ jiffinalizza l-proposta dwar din l-inizjattiva,” sostna l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Mistoqsi minn din il-gazzetta meta se tkun implimentata din il-miżura l-Gvern ma tax tweġiba konkreta ħlief li l-bozoz se jitqassmu “mingħajr dewmien bla bżonn”.
Il-prezz taż-żejt nhar it-Tlieta laħaq rekord ta’ $120 kull barmil. Jekk dawn ix-xejriet jissuktaw l-Enemalta jidher li mhu se jkollha l-ebda għażla oħra ħlief li tgħolli s-soprataxxa fuq il-kontijiet tad-dawl. Il-fatt li familji jaqilbu kompletament għal sistema ta’ elettriku li taħli anqas tista’ tgħin tikkumpensa għal żidiet possibbli fil-kontijiet u tilqa’ t-tgergir fost in-nies.
Illum staqsiet jekk il-Gvern fassalx diġà l-mod kif se jqassam dawn l-eluf ta’ bozoz fost il-familji Maltin u Għawdxin.
“Il-proposta li qed tkun iffinalizzata taħseb biex ma tkunx ta’ inkonvenjent għal min irid jipparteċipa,” kienet it-tweġiba.
Loġistikament din tista’ tkun problema hekk kif kalkolu bażiku juri li b’kollox fuq medda ta’ sentejn iridu jitqassmu kważi miljun u nofs bozza. Waħda mill-eħfef għażliet li għandu quddiemu l-Gvern hi li kull familja tingħata voucher li tkun tista’ tużah f’liema ħanut tixtieq hi. B’dan il-mod il-Gvern jevita li joħroġ sejħa għall-offerti għal min jixtieq ifornih b’kunsenja ta’ eluf ta’ bozoz.
Din ta’ l-aħħar hi għażla aktar kumplikata għaliex tidħol f’aspetti tekniċi oħra fosthom dwar l-għamla tal-bozoz dwar jekk ikunux bil-kamin inkella bil-pin. Hemm aspett ieħor, dak li jekk il-Gvern jagħżel li jġib il-bozoz u jqassamhom hu jkun qed jolqot direttament il-bejgħ tal-ħwienet għas-snin li ġejjin. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo
Editorijal

Il Punt
Saviour Sammut

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|