Aħbarijiet | 27 ta’ April 2008 Nr 78
Kif se jkun t-temp f’Malta fl-2030? KURT SANSONE jifli r-rapport tad-Deutsche Bank li tkellem dwar prospetti xejn tajbin għat-turiżmu minħabba t-tibdil fil-klima
Ir- riżoluzzjoni li ippreżentat Malta quddiem l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1988 dwar il-bidla fil-klima kienet tassew profetika.
Dakinhar il-Gvern Malti kien ippropona lin-NU biex il-klima tibda titqies bħala Wirt Komuni ta’ l-Umanità u għalhekk il-ħarsien tagħha jsir obbligu ta’ kull pajjiż membru.
L-ewwel paragrafu tar-riżoluzzjoni kien jitkellem dwar il-biża’ li ċerta attività umana tista’ “tbiddel il-klima globali, u hekk thedded il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri b’konsegwenzi ekonomiċi u soċjali kbar.”
Dan il-kliem profetiku reġa’ ħa l-ħajja daqs ġimgħa ilu. Studju tal-bank Ġermaniż Deutsche Bank dwar l-impatt tal-bidla fil-klima fuq it-turiżmu sab li Malta se tkun l-iktar pajjiż Ewropew milqut b’mod negattiv sa l-2030.
It-theddida tal-bidla fil-klima fuq settur daqstant importanti bħat-turiżmu għandu għalfejn jinkwetana.
L-istudju tad-Deutsche Bank analizza kif temperaturi iktar għoljin se jħallu impatt fuq l-għażla tat-turisti meta jiġu biex isiefru. Jidħol ukoll fil-mertu ta’ problemi oħra bħan-nuqqas ta’ xita li jistgħu jbiddlu s-settur turistiku kif nafuh illum.
“Il-bidla fil-klima tista’ tbiddel b’mod permanenti l-attrazzjonijiet ta’ wħud mid-destinazzjonijiet turistiċi u tisfurzahom biex fis-snin li ġejjin jieħdu passi biex jaddattaw għat-tibdil,” itenni r-rapport.
L-Ewropa hi l-iktar reġjun turistiku importanti fid-dinja. Skond statistika ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu, fl-2006 kważi 55 fil-mija tal-wasliet internazzjonali fis-settur turistiku (461 miljun) kienu fl-Ewropa.
Ir-rapport tal-bank isostni li n-nofsinhar ta’ l-Ewropa u r-reġjun tal-Mediterran huma l-iktar destinazzjonijiet favoriti fl-Ewropa. Fl-2006 kważi 165 miljun turist żaru dawn ir-reġjuni.
Ix-xemx, il-bajjiet u l-baħar huma l-iktar tliet ingredjenti importanti għall-Mediterran u Malta mhix eċċezzjoni. Sa llum il-baħar u x-xemx huma l-iktar ingredjenti li jfittxu ħafna turisti li jżuru Malta tant li l-istaġun turistiku hu ikkonċentrat fix-xhur tas-sajf.
Madankollu dan il-pakkett turistiku jista’ jitlef l-attrazzjoni tiegħu skond l-istudju Ġermaniż għax bil-bidla fil-klima, sa l-2030, mistenni jkollna ħafna iktar ġranet b’temperatura medja ta’ ’l fuq minn 40 Grad Celsius u żieda fil-għadd ta’ mewġiet ta’ sħana tul ix-xhur tas-sajf.
“Nies li jħossu li l-attivitajiet tagħhom matul il-btala se jkunu ristretti minħabba s-sħana eċċessiva jistgħu jagħżlu li jmorru għall-vaganzi f’xi reġjun ieħor, jew iżuru r-reġjun tal-Mediterran fir-rebbiegħa jew il-ħarifa,” itenni r-rapport.
Iżda temp iktar sħun ma jfissirx biss li n-nies se jkunu iktar skomdi minħabba s-sħana esaġerata. Il-bidla fil-klima se twassal ukoll għal nuqqas ta’ xita li ma jgħinx biex l-ilma tal-pjan ikun riġenerat. Dan ifisser li Malta se tkun qed tiddependi ħafna iktar fuq it-tisfija ta’ l-ilma baħar biex tipproduċi l-ilma tajjeb għax-xorb. U dan ifisser spiża akbar.
Ir-rapport jgħid li n-nuqqas ta’ ilma jolqot ħażin faċilitajiet turistiċi li jużaw ħafna ilma bħal swimming pools u korsi tal-golf.
U forsi hawnhekk tajjeb li l-politiċi jagħrfu darba għal dejjem li l-fissazzjoni biex nibnu iktar korsi tal-golf hi waħda ħalja li se ġġib iktar problemi milli ġid fis-snin li ġejjin.
In-nixfa tista’ twassal ukoll għal żieda f’nirien li jaħkmu l-imsaġar. Għalkemm f’Malta m’għandniex foresti, ir-riskju ta’ nirien fil-ftit imsaġar li għandna jista’ jiżdied fix-xhur tas-sajf bil-konsegwenza li l-ftit għata aħdar li għandna jinqered ukoll.
Iżda problema oħra inkwetanti li jsemmi r-rapport hi l-possibbiltà li l-marda tal-malarja terġa’ tirritorna fir-reġjun tan-nofsinhar tal-Mediterran minħabba l-klima iktar sħuna.
L-istudju ma jogħmodiex: Malta u Ċipru se jkunu serjament milquta mill-bidla fil-klima.
Iż-żewġ gżejjer huma dipendenti ħafna fuq it-turiżmu internazzjonali u l-baħar, ix-xemx u l-klima sħuna huma l-ikbar attrazzjonijiet. Din id-dipendenza fuq settur wieħed turistiku toħloq problemi kbar għall-ekonomija u l-iżvilupp soċjali jekk it-turisti jibdew ifittxu btala fix-xemx f’postijiet fejn il-klima tkun inqas ħarxa.
Ir-rapport jgħid li l-lukandi u l-operaturi turistiċi se jkollhom jikkonċentraw il-marketing tagħhom fuq attrazzjonijiet li huma inqas dipendenti fuq il-klima. Btajjel tematiċi bħal dawk marbuta ma’ vjaġġar għal skopijiet ta’ saħħa, mixi fil-kampanja, ċikliżmu, letteratura, kultura u agrituriżmu huma alternattivi li Malta tista’ tisfrutta.
Dan ikun ifisser ukoll li l-wasla tat-turisti tkun mifruxa aħjar fuq is-sena kollha. Iżda l-istudju tad-Deutsche Bank iwissi li din it-tip ta’ diversifikazzjoni mhux bilfors se tkun suċċess f’kull destinazzjoni jew għal kull lukanda.
“Lukandi kbar fil-Mediterran għandhom problema partikolari għax bl-ispejjeż kbar li għandhom ma tantx jagħmel sens għalihom li jiftħu l-lukandi għal ftit turisti. Apparti dan se jkollhom spejje oħra marbuta mal-bidla fil-klima pereżempju biex iħallsu għall-ilma li se jkun ħafna iktar għali biex tipproduċieh,” isostni r-rapport.
L-istudju tal-bank jitkellem fuq xenarju li jista’ jkollna 22 sena oħra. Jidhru ’l bogħod imma mhumiex. Diġà fis-snin li għaddew bdejna nesperjenzaw l-effetti ta’ klima iktar sħuna.
Sena ilu kellna l-istaġun tar-rebbiegħa li saħansitra beda f’Jannar bis-sħana li għamlet u fl-aħħar snin donnhom żdiedu l-ġranet fis-sajf fejn inkunu maħkumin minn mewġa qawwija ta’ sħana.
Ħarsa lejn ċifri ta’ l-Uffiċċju Meteoroloġiku juru li bejn l-1922 u l-2006 it-temperatura medja għal kull xahar żdiedet. Jekk wieħed iħares lejn it-tliet xhur tas-sajf it-temperatura medja għal Ġunju żdiedet minn 22.94 Grad Celsius għat-tmien snin bejn l-1922 u l-1930 għal 24.27 Grad Celsius bejn l-2001 u l-2006 filwaqt li dik għal Lulju żdiedet minn 25.89 Grad Celsius għal 27.14 Grad Celsiusu dik għal Awissu żdiedet minn 26.13 Grad Celsius għal 26.92 Grad Celsius.
Fl-istess waqt ċifri ta’ l-istess uffiċċju jikkonfermaw li l-medja ta’ xita li niżlet ukoll żdiedet matul is-snin madankollu naqsu l-ġranet li fihom tinżel ix-xita. Dan ifisser li x-xita tinżel qliel f’temp qasir bil-konsegwenza li jiżdied l-għargħar u ħafna mill-ilma li jinżel mis-sema jispiċċa jgelgel għal ġol-baħar.
Altru milli l-effetti tal-bidla fil-klima għadhom ’il bogħod. Fl-1988 Malta kellha viżjoni fit-tul dwar l-impatt negattiv li kien se jġib miegħu t-taqlib fit-temp minħabba l-attività tal-bniedem. Issa jeħtieġ li nerġgħu nibdew inħarsu fil-futur u nibdew minn issa nippreparaw ħalli nilqgħu għal dan it-tibdil.
Jekk ma nagħmlux hekk lis-settur turistiku kif nafuh illum nistgħu nroddulu salib bil-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali kollha li dan jista’ jġib miegħu. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo
Editorijal

Il Punt
Saviour Sammut

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|