Aħbarijiet | 27 ta’ April 2008 Nr 78
Sabrina Agius
sagius@mediatoday.com.mt
Għadna kif ħriġna minn kampanja elettorali u dħalna f’oħra xejn inqas intensa bil-kandidati għat-tmexxija tal-Partit Laburista jimbarkaw fuq numru ta’ attivitajiet biex iwasslu l-messaġġ tagħhom.
F’temp ta’ tlett ijiem minn nhar il-Ġimgħa sa llum, erba’ mill-ħames kandidati se jkunu għamlu diversi laqgħat pubbliċi jew ma’ korpi kostitwiti.
It-tellieqa bdiha Michael Falzon il-Ġimgħa f’nofsinhar b’laqgħa mat-tmexxija tal-General Workers’ Union bħala parti minn serje ta’ laqgħat li se jkun qed jagħmel mas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali.
Falzon iffoka d-diskors tiegħu fuq l-isfida tal-pensjonijiet u l-bżonn li jkunu inċentivati iktar l-iskemi ta’ l-assigurazzjoni tas-saħħa privati f’qafas fejn is-saħħa pubblika tibqa’ b’xejn.
Tmien sigħat wara kien imiss lil Joseph Muscat li f’laqgħa pubblika f’sala tat-tiġijiet f’Birżebbuġa indirizza miġemgħa ta’ iktar minn 800 persuna. Bit-tema ‘Viżjoni għal Staġun Politiku Ġdid’ Muscat tkellem mad-delegati, il-membri, l-attivisti u r-residenti tat-Tieni, it-Tielet u r-Raba’ Distrett.
Akkumpanjat minn martu Michelle, Muscat tenna li jekk jinħatar Mexxej irid jiżgura li l-Partit Laburista jkun il-partit ta’ kulħadd. L-attività kienet ta’ l-ogħla livell b’Muscat jitkellem man-nies mingħajr l-użu ta’ ambone, fi stil li mdorrijin naraw fil-kampanji elettorali Amerikani.
Fil-bidu tal-laqgħa, l-eks Deputat Mexxej George Vella u l-ġurnalist veteran Godfrey Grima fissru l-appoġġ tagħhom għal Muscat. Vella u Grima kienu l-ewwel tnejn minn sensiela ta’ nies li l-kampanja ta’ Muscat qed tħejji biex ifissru fil-miftuħ l-appoġġ għall-Ewro Deputat.
Sadanittant, ilbieraħ filgħodu Marie-Louise Coleiro-Preca wkoll tat bidu għal żjarat f’postijiet pubbliċi biex tiltaqa’ man-nies bl-iskop li tara x’qed jippretendu mill-Partit Laburista. L-ewwel żjara ta’ Coleiro-Preca lbieraħ kienet fil-qalba tal-fortizza tagħha, fis-suq ta’ Ħal Qormi. Iż-żjarat tagħha se jkomplu llum wara nofsinhar f’Ta Qali fejn mistennija tiltaqa’ mal-familji.
Intant dalgħodu George Abela wkoll se jkun qed jindirizza n-nies fid-Distrett ‘tiegħu’ meta fl-10.30am se jkellem lid-delegati, l-attivisti u r-residenti tas-Sitt u s-Seba’ Distrett fir-Razzett l-Antik.
U lbieraħ komplew jiżdiedu wkoll il-kandidati li se jikkontestaw għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament. Chris Cardona u Carmelo Abela t-tnejn ħabbru l-kandidatura tagħhom. Cardona ħabbar permezz ta’ stqarrija filwaqt li Abela għamel dan waqt attivita għall-media f’wine bar Ħal Tarxien.
|
|
Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo
Editorijal

Il Punt
Saviour Sammut

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|