Sport | 27 ta’ April 2008 Nr 78
“Meta ħadna l-kampjonat kien kellimni Dusan Fitzel biex insiefer mat-tim fil-Ġermanja ġurnata qabel ma kelli mmur għand il-professur. L-għada ċempiltlu u għidtlu li kien se joperani immedjatament. Dak kien l-ikbar diżappunt ta’ ħajti. Għadni nistenna sa llum il-mobile idoqq.”
Huwa l-aktar diskors li laqatni minn dak kollu li Jean Pierre Mifsud Triganza qalli f’din l-intervista. Jgħidli dan kollu b’diżappunt kbir fuq wiċċu filwaqt li jispera li din ix-xewqa u l-ħolma li kellu ta’ tifel żgħir jerġa’ jsib imqar tieqa miftuħa fiha.
Quddiemi kien hemm l-istess persuna li ta tifel żgħir għexna u lgħabna l-ballun fit-toroq tan-naħat. Konna fl-istess tim tan-naħa tagħna. Jean Pierre joqgħod 30 sekonda bogħod minni. Qabel ma nibda bl-ewwel mistoqsija jġedded il-memorji tas-snin l-imgħoddija. Id-don li kellu hu bil-ballun kienet tpoġġih f’pożizzjoni li jagħmel li jrid bina. Id-destin tagħna t-tnejn kellu jkun fil-futbol, imma b’mod differenti.
Iltqajt miegħu t-Tnejn li għadda. Anki jekk it-tim ta’ Birkirkara huwa għal qalbu ħafna jurini li l-akbar xewqa fil-mument tibqa’ li jiġih iċ-ċans jilbes il-flokk l-aħmar.
“Meta tkun għadek żgħir l-ikbar xewqa tkun li tirrappreżenta lil pajjiżek. Kienet ta’ sodisfazzjon kbir li ssemmejt ħafna fil-media li jien se nkun il-kandidat li jmiss ta’ Dusan Fitzel. Għadni ġej minn injury u ma kinitx ċajta. Għamilt kważi seba’ xhur barra. Illum inħossni perfett u ninsab lest biex nidħol għal din il-ħolma.”
Ninduna mill-ewwel li għadu l-istess persuna li kont naf. Imma f’Jean Pierre x’inbidel miż-żminijiet l-imgħoddija?
“Xejn. Xorta kultant għadni persuna li nbati mill-burdati. Iżda naf immur man-nies u naċċetta dak kollu li nisma’ mingħand kulħadd. Jekk tieħu kollox ma’ kollox nemmen li ħafna jqisuni persuna simpatika. Nippreferi jiġġudikawni n-nies milli nkun jien li niġġudika lili nnifsi. Jagħmel aktar sens.
“Minbarra l-futbol naħdem ma’ kumpanija privata. Nispiċċa xogħol fit-3.30pm u mmur id-dar. Minn hemm dritt għat-taħriġ. Taħsibx li għandi xi ħajja faċli, anzi pjuttost iebsa, kultant izzejjed.”
Jean Pierre Mifsud Triganza twieled fl-20 ta’ Novembru 1981 u għarus lil Analise Chircop. Huwa t-tieni minn tliet aħwa ta’ Joseph u Donia. Ivan huwa ż-żgħir filwaqt li Suzanne hija oħtu l-kbira. Nistaqsih kif minn ta’ età żgħira kien iqum, jorqod u probabbli anki joħlom fuq il-logħba tal-futbol.
“Minn mindu kont żgħir il-futbol kont inqisu l-isport numru wieħed tiegħi. U aktar minnhekk sibt lil missieri li kompla ħeġġiġni. Meta kont żgħir jien kien hawn wisq aktar futbol mil-lum. Fil-prezent jekk persuna ma tantx iħobb il-futbol jista’ jsib ħafna aktar sport x’jipprattika.
“Niftakar li kont bdejt ma’ Floriana. Bdejt bħal kulħadd f’tim tat-triq. Konna lgħabna logħba ta’ ħbiberija ma’ Floriana. Dak iż-żmien kien hemm Noel Barry bħala kowċ u għażilni. Ma kellix klabb u għamilt magħhom sa 19-il sena. L-ewwel tim tiegħi kien jikkonsisti fi plejers żgħar li llum kollha magħrufa fil-kampjonat Premier u barra l-pajjiż. Konna tajbin ħafna u ta’ tfal li konna rbaħna ħafna unuri. Kien żmien sabiħ ħafna u jiddispjaċini li kbirt. Kien hemm atmosfera sabiħa ħafna.”
Jiddiskrivili ż-żmien li għamel ma’ Msida St. Joseph, it-tim li jgħix fil-lokalità tiegħu u li bil-gowls tiegħu għenhom jitilgħu fil-Premier Division.
“Kont mort b’self ma’ Msida St. Joseph u ż-żmien li għamilt hemm kien sabiħ ukoll li swieni ħafna għall-kumplament tal-karriera. Magħhom irbaħt il-kampjonat tat-Tielet u t-Tieni Diviżjoni. Wasalt fi triq li bilfors kelli nħares lejn il-futur tiegħi biex inkun plejer stabbilit fil-kampjonat Premier. Birkirkara kienu ilhom ikellmuni. Meta kien se jispiċċa l-kampjonat aċċettajt il-proposta tagħhom u llum qiegħed fejn qiegħed. Ma jiddispjaċini xejn.”
Ikellimni fuq it-tliet klabbs li kien magħhom. Jean Pierre ifaħħarhom it-tlieta iżda jiżbilanċja ruħu meta ngħidlu liema hu l-aktar wieħed li jqarreb lejn il-professjonalità.
“Mat-tlieta trid tilgħab il-futbol. Dik zgur. Ma’ Msida u Floriana kienet esperjenza mod. Iżda ma’ Birkirkara esperjenza f’livelli ogħljin aktar. Magħhom diġa’ rbaħt il-kampjonat u l-FA Trophy u dan hu prova tas-saħħa ta’ din l-iskwadra. Iżda xorta nibqa’ ngħid li jien Misidjan u li lbist dak il-flokk kien ta’ unur. Għadu kmieni wisq biex ngħid izda ma neskludix li ntemm il-karriera magħhom.
“Birkirkara professjonali wisq. Organizzati minn kull lat b’technical staff ta’ kapaċità kbira. Ma niskantax għalfejn Birkirkara saru wieħed mill-aqwa klabbs fil-pajjiż. Irbaħt il-kampjonat taħt Stephen Azzopardi.”
Huwa fatt magħruf li kien Azzopardi l-kowċ li ta l-ikbar imbuttatura lil Jean Pierre fil-kampjonat Premier.
“Kien wieħed mill-aktar kowċis li għeni. Fuq xogħlu daqsxejn stramb imma fil-veritaà raġel ta’ l-affari tiegħu ħafna u jaf il-logħba bl-amment. Jgħinek f’kulma jkollok bzonn. Ħafna nies jaħsbuh stramb u antipatku imma fil-verità mhu veru xejn. Jagħmel kollox biex jgħin lil dak li jkun. Miegħu tgħallimt ħafna u taħt John Buttigieg komplejt inżid it-talent li bdieli hu.”
Birkirkara tal-preżent. Inkellmu fuq dan il-kampjonat li hu jqisu bħala suċċess għall-pożizzjoni li jinsabu fiha fl-ewwel sena b’tim żagħżugħ.
“Il-mira tagħna lħaqniha! Kulma qegħdin mit-tim tas-sena l-oħra ħames plejers. Bdilna tim sħiħ u żgur li ħadd ma basar li sa ġimgħa ilu konna se nkunu f’pożizzjoni li nidħlu b’ċans għall-kampjonat. Jien aktar kont nisma’ diskors li aħna għal ma’ l-aħħar erbgħa. Bdejna tajjeb ħafna bħala l-ewwel sena flimkien. Fit-tieni round qgħadna aktar u fit-tim dehret ċerta kompattezza. Nemmen li l-istaġun li ġej se nkunu fost il-favoriti.”
Il-problema ta’ Jean Pierre tibqa’ li anki jekk jiskorja kważi kull logħba, postu fl-attakk Karkariż mhux assigurat. U dan għax fl-istess pożizzjoni John Buttiġieġ għandu aktar attakkanti tal-livelli ta’ Jean Pierre.
“Hemm 18-il plejer li kollha jixtiequ jilagħbu. Fl-attakk daqqa nilgħab jien u daqqa jilgħab ħaddieħor. Kif weġġa’ Sylla lgħabt jien u nemmen li ħadt iċ-ċans tiegħi bl-aħjar mod possibbli. S’issa għadni qed nilgħab. X’jiġri ’l quddiem jiddeċidieh biss il-kowċ. Jista’ jkun il-każ ukoll li jekk Michael Galea jkun fl-aqwa kundizzjoni u jidħol Sylla nibqa’ barra jien.
“Taħt dan il-kowċ għandek ħaġa. Tilgħab jekk verament ħaqqek u mhux għax jismek Mark tilgħab u għax jien jisimni Jean ma nilgħabx. L-ismijiet ma tantx se jagħmlu bih. Jekk jara l-kapaċità f’tifel jilgħabu wkoll.
“Buttigieg kien plejer kbir u nassigurak li għadu s’issa. Jilgħab magħna ta’ sikwit waqt it-taħriġ u ma nkunx qed nesaġera jekk ngħidlek li ftit hawn difensuri tal-livell tiegħu fil-preżent. Jaf il-logħba bl-amment u lagħab f’livelli anki ta’ barra minn Malta. Għalhekk nemmen li l-ismijiet ma tantx se jimpressjonawh.”
Li ta’ 26 sena sena diġà rebaħ il-kampjonat u l-FA Trophy mhix ċajta. Il-mistoqsija diretta tiegħi tkun din: ‘Imma int tħoss li fadallek x’titgħallem?’
“Ħafna. Fil-futbol tajjeb kemm inti tajjeb u taf kemm taf qatt ma taf xejn. Jonqosni aktar x’nitgħallem f’dawk li huma ħsibijiet u maturazzjoni fil-logħba. Buttigieg jista’ jgħini ħafna aktar f’dan kollu. Il-bqija t-talent titwieled bih.
“F’Birkirkara ma’ kull plejer insibni tajjeb ħafna. Hemm atmosfera mill-isbaħ u kulħadd jirrispetta lil kulħadd. Iżda jekk ikolli nsemmilek plejer indur fuq Lino Galea għax forsi l-iktar wieħed li ili naf u kont naħdem miegħu wkoll fl-imgħoddi.”
Nistaqsih jekk il-kampjonat għalih hux kwistjoni magħluqa favur Valletta u jekk il-ħsieb ta’ Birkirkara f’dan l-istadju hux ir-rebħ tal-FA Trophy.
“Le. Xorta nara li l-kampjonat għadu miftuħ. Jekk il-Belt jiżolqu logħba hemm Marsaxlokk u aħna warajhom. Vera li se tkun iebsa ħafna imma ma tistax tgħid. Għada jmissna mal-Belt. Jekk nirbħulhom nerġgħu nidħlu biċ-cans.
“Trophy tiġi ma’ min tiġi ma tagħmilx differenza. Jekk ma tiġix issa mal-Belt xorta se tiġi fil-finali. Veru li l-aħjar hu li tilgħab il-finali imma mbgħad jekk titlifha tkun weġgħa ikbar.”
Il-kurżitajiet fuq Jean Pierre baqgħu f’min għalih hu l-aktar difensur li jagħtih fastidju u liema għalih kien l-isbaħ gowl li għamel fil-karriera.
“Ma rridx inkun kontroversjali għax kien ma’ Birkirkara u m’għadux imma naħseb li l-aktar wieħed li kien idejjaqni u għadu sa llum huwa William Camenzuli. Iżda bħal Charlo Pace u Renato Conceiao fihom tomgħod ukoll.
“Ironikament l-isbaħ gowl li naħseb li għamilt kien kontra l-Imsida. Kien l-istaġun li rbaħna l-kampjonat. Qbadnihom kontrattakk jien u Etienne Barbara. Kont illobbjajt ballun minn ferm barra bil-lemin.
“Ma naħbix il-fatt li l-ikbar emozzjoni li kelli kien meta rbaħt il-kampjonat. Kienet ħolma ta’ tifel żgħir. L-għada filgħodu meta qomt għidt, ‘Imma jien veru rbaħt il-kampjonat?’
Jean Pierre jassigura lill-Karkariżi kollha li l-injury li kellu ma kienet xejn gravi u llum saqajh tinsab lura għan-normal. Qabel ma ġie deċiż eżatt x’għandu ħass fuqu biża’ kbira li seta’ kellu xi ħaġa aktar gravi.
“Ħasbu li kelli cartridge imma kelli biss għadma miksura. Bżajt li seta’ kelli l-istess problema ta’ Antoine Zahra għax naf biżżejjed li għadda minn torturi kbar. Illum Antoine reġa’ ġej fl-aqwa forma tiegħu u d-differenza bih u mingħajru tinħass ħafna. Anki lili personali jagħtini nifs fil-blalen fuq ix-xellug. Antoine wieħed mill-aqwa plejers li ħarġu dawn l-aħħar żminijiet mill-futbol Malti. Għandu sens kbir għall-futbol. Bravu wisq...”
Qabel ma nqumu minn quddiem xulxin jgħidli li se jibqa’ jagħmel minn kollox biex jara progress fih innifsu sa ma jiġi ppremjat b’xi ħaġa ikbar.
“Waħda mill-ħolmiet li fadalli hu li nilbes il-flokk ta’ Malta. Kont diġa’ fit-timijiet tal-Youths ta’ l-MFA iżda t-tim tal-kbar jibqa’ uniku.
“Li nilgħab barra kelli ċ-ċansijiet tiegħi diġà meta kont għadni żgħir fil-Belġju. Kien il-manager ta’ Rufin Oba li ħajjarni u ta’ 15-il sena bqajt ma mortx. Kieku dik l-opportunità tiġi llum noħodha żgur.”
Għalih fid-dinja jeżistu żewġ persuni speċjali li kienu wara kollox biex illum wasal fejn wasal.
“Ma nistax ma nirringrazzjax lil missieri u lil ommi. Dejjem imbuttawni u għenuni. Meta kont zgħir qatt ma qatgħuli qalbi u waqt l-injuries sibthom ta’ apoġġ kontinwu. Ma nistax ninsa anqas il-kumplament tal-familja, lit-tfajla u lill-partitarji.” |
|
Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo
Editorijal

Il Punt
Saviour Sammut

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|