MediaToday

Emmanual Micallef | 27 ta’ April 2008 Nr 78

Il-Patt tal-Gvernatur

Donnu li din is-sena se jkun l-Ewwel ta’ Mejju li se jqanqal il-mewġ.
Mill-elezzjoni ġenerali ’l hawn, kwazi ftit inqas minn xahrejn ilu, il-Gvern għażel li jaqa’ fil-muta u ħafna kienu dawk li bdew jistaqsu x’sar minnu l-Prim Ministru u l-Ministri l-ġodda?
Kieku mhux għax hemm it-tellieqa tal-ħatra tal-Mexxej Laburista ftit li xejn konna nisimgħu dwar il-ħidma politika f’pajjiżna.
Jista’ jkun ukoll li din kienet skuża tajba għan-naħa tal-Gvern biex jilħaq isib saqajh u jħejji ruħu sew ħalli joħroġ bil-kbir hekk kif jibda jitlaqqa’ l-Parlament fl-10 ta’ Mejju. Mill-banda l-oħra tista’ tkun ukoll strateġija ippjanata għal Gvern biex waqt li l-poplu jkun aljenat b’dak li jkun qed jiġri fil-kamp Laburista l-Gvern ftit li xejn ikun fil-mira tal-pubbliku.
Matul ix-xahrejn li għaddew diġà seħħew avvenimenti li s-soltu jintalbu spjegazzjonijiet min-naħa tal-Gvern. Ngħidu aħna s-sħubija fil-Partnership for Peace kulħadd jaf li saret ħabta u sabta bla ebda konsultazzjoni. Iż-żieda fil-prezzijiet tad-diesel u issa tal-ħalib u prodotti oħra wkoll qed iħallu impatt fuq il-kwalità tal-ħajja u ħlief x’wassal għal dawn iż-żidiet ma smajniex.
Kif se nilqgħu għal dawn id-daqqiet u xi pjani għandu l-Gvern għadna ma nafux. Hemm ukoll kwistjonijiet oħra li jidher li hawn min irid imewwithom qishom ma jeżistux. Fost dawn, hemm il-ħatra ta’ Speaker tal-Parlament, l-arranġament dwar il-pairing u l-istorja tal-permess tad-diskoteka tal-Mistra li implikat lid-Deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando. Din storja li tista’ taffettwa l-pożizzjoni tal-Gvern fil-parlament kemm-il darba l-kwistjoni ma tiqafx mal-ħruġ ta’ permess tal-MEPA imma tkompli fuq il-ħtieġa ta’ trasparenza fl-amministrazzjoni pubblika u l-aċċettazzjoni tar-responsabbiltà politika.
Kellna wkoll l-kwistjoni tal-kaċċa u l-insib fl-istaġun tar-rebbiegħa. Il-Gvern sa ċertu punt baqa’ sieket u ħalla l-Qorti ta’ l-Unjoni Ewropea tieħu pożizzjoni u l-Gvern jimxi magħha. Sa llum ukoll inħkimna minn silenzju dwar ċertu punti li tqajmu dan l-aħħar mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Il-messaġġ li wassal il-Gvernatur kien ċar fis-sens li għandna sfidi ekonomiċi u soċjali kbar quddiemna. Attribwixxa l-problemi li se niffaċċaw għall-andament ekonomiku dinji u l-impatt tagħhom fuq l-ekonomija tagħna imma fetħilna għajnejna u ma qagħadx ilaqlaq biex jikkonvinċina li t-triq quddiemna mhix waħda lixxa.
Wara d-diskors tal-Gvernatur wieħed jistenna li mhux il-korpi kostitwiti u t-trade unions biss jirreaġixxu imma anki l-Gvern irid jinforma lill-poplu dwar kif beħsiebu jaffronta s-sitwazzjoni. Il-Gvernatur ressaq ukoll il-ħsibijiet tiegħu dwar x’jistgħu jkunu s-soluzzjonijiet. Semma l-ħtieġa li jerġgħu jinfetħu n-negozjati bejn l-imsieħba soċjali biex jitfassal u jiġi miftiehem Patt Soċjali. Il-fatt biss li l-Gvernatur qed jaħseb fuq dan il-ħsieb diġà juri li l-aspirazzjonijiet tagħna li r-ritmu ekonomiku jkompli jitjieb jistgħu jisfaxxaw fix-xejn u nispiċċaw f’sitwazzjoni li nħottu dak li bnejna b’tant sagrifiċċju. Biex naslu għall-Patt Soċjali ma nafx x’irid ikun!
Smajna wisq dwar kemm qed jinħoloq investiment, kemm qegħdin jinħolqu impjiegi ġodda, kif rażżanna t-tkabbir fid-defiċit nazzjonali, kif qed noqorbu li nilħqu l-kriterji ta’ Maastricht u kif fi ftit tas-snin oħra se nkunu eċċellenti f’diversi oqsma.
Meta tisma’ dan kollu l-inqas ħsieb li jgħaddilek minn rasek hu l-ħtieġa ta’ patt soċjali. Għax essenzjalment patt soċjali jfisser ftehim bejn kulmin hu konċernat biex isiru kontrolli u sagrifiċċji f’diversi oqsma għal perjodu
taż-żmien bit-tama li wara dan iż-żmien wieħed jieħu l-frott tas-sagrifiċċji li jkun għamel u l-piżijiet li jkun ġarr.
Jekk verament biex negħlbu l-isfidi li ġejjin għandna bżonn patt soċjali allura hemm ħtieġa kbira li tingħad il-verità lill-poplu.
Fuq livell internazzjonali wieħed jasal biex jifhem li xi ħaġa trid issir. L-effetti fuq it-tibdil fil-klima,
il-globalizzazzjoni, il-prezz taż-żejt, il-kriżi fiċ-ċereali u l-ikel, ir-riċessjoni fl-Istati Uniti, il-gwerer f’pajjiżi ġirien u mbiegħda bla dubju kollha jħallu l-impatt tagħhom fuq l-ekonomija tagħna.
Iżda fuq livell lokali jidher li aħna rnexxielna nkampaw u nilqgħu għal dan il-mewġ u jidher mil-lenti lokali li l-kbir għadda. Iżda meta wieħed jifli l-messaġġ li ried jgħaddi l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jidher li s-sitwazzjoni reali ta’ pajjiżna la hi waħda li tkaxkret mal-kurrenti internazzjonali u lanqas hi waħda li tirrispekkja dak li jridna nifhmu l-Gvern.
Jista’ jkun li ninsabu xi mkien fin-nofs u r-raġunament tal-Gvernatur hu mibni fuq il-ħsieb li aħjar taħseb
fil-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx!
L-ikbar uġigħ ta’ ras fin-negozjati għall-patt soċjali hi l-kwistjoni tal-kontrolli fuq il-pagi. Meta l-prezzijiet jibdew jogħlew, meta jonqos il-livell ta’ kompetittività nazzjonali bilfors li jrid isir attentat li ma jiżdidux l-ispejjeż ta’ pagi. Mill-banda l-oħra b’inqas dħul iċ-ċittadin jibda jnaqqas mill-infieq u t-tfaddil u allura jitnaqqas ir-ritmu ekonomiku lokali.
Jitnaqqar il-livell tal-għixien. Dan hu piż li jkollna nġorru. Iżda l-mistoqsija tqum jekk fil-verità nifilħux għal dan il-piż. U kemm nifilħu nibqgħu nġorruh?
Jidher li l-Gvernatur xegħel is-sulfarina. Imiss lill-gvern li jagħti s-sinjal. L-Oppożizzjoni trid tagħti sehimha wkoll kif iridu jxammru l-kmiem l-imsieħba soċjali. Lil hinn mill-kriżi politika li jistgħu jsibu ruħhom fiha l-partiti hemm kriżijiet ekonomiċi u soċjali li jistgħu jinbtu fi żmien mhux ’il bogħod jekk ma nilqgħux għalihom minn issa.
Dawn għandhom jingħataw priorità. Ma nkunux qed nitfgħu melħ fuq il-ferita jekk fil-ftuħ tal-Parlament fi ftit jiem oħra l-Gvern jesprimi l-pożizzjoni tiegħu dwar dan, kif għandu jagħmel ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni, anki jekk dan ma jinbidilx wara l-ħatra ta’ Mexxej Laburista ġdid fil-5 ta’ Ġunju.
Wieħed jittama li s-skiet tal-Gvern fix-xahrejn li għaddew ma jissarrfux fi storbju fil-vojt fix-xahrejn li ġejjin!

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo



Il Punt
Tort tal-għalliema!
Saviour Sammut


Toni u Peppi
Reġistru għal dawk ħatja ta’ abbuż sesswali?



Emmanuel Micallef
Il-Patt tal-Gvernatur


Carmelo Mifsud Bonnici

Mugabata



X'kien Jgħid
Lorenzo jqassam il-permessi!



Wenzu Mintoff

Diskors mit-tron
Issa qed toqrob kulma jmur il-ġurnata li fiha il-Parlament li ġie elett fit-8 ta’ Marzu li għadda jitlaqqa’ għall-ewwel darba biċ-ċerimonji kollha li jmorru ma’ l-okkażjoni.

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan