MediaToday

Ittri | 27 ta’ April 2008 Nr 78

Ir-regoli għall-ħatra ta’ mexxej

Minn Maria Dolores Spiteri,
Raħal Ġdid

Nirreferi għal dak li kiteb
il-korrispondent tiegħek Saviour Cachia (Illum 20.04.08) bit-titlu Għaliex mhux issa, dwar il-proposta ta’ George Abela biex ikun emendat l-istatut tal-Partit Laburista fis-sens li l-ħatra tal-Mexxej tal-Partit Laburista issir mit-tesserati kollha tal-Partit li jammontaw għal madwar 35,000.
Cachia għamel referenza għal dak li qal Alfred Grixti li din il-proposta mhix xi ħaġa ġdida li qamet illum imma kienet qamet wara l-elezzjoni ta’ l-1987. Cachia bħal donnu skanta għala ma ġietx attwata u saħaq li issa wasal iż-żmien li tkun attwata proprju fl-elezzjoni li se ssir minn hawn u erba’ ġimgħat oħra.
Li ma jafx forsi Cachia hu li wara l-elezzjoni ta’ l-1992, kien sar eżerċizzju sħiħ fl-istrutturi kollha tal-Partit biex ikun emendat l-istatut . L-istatut fil-fatt kien ġie emendat b’mod estensiv. Dak iż-żmien bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit b’kumbinazzjoni kien hemm George Abela. It-tesserati dak iż-żmien kienu iddeċidew li n-numru ta’ delegati li kellu l-Partit dak iż-żmien, li kienu jammontaw għal madwar 1,300, kien kbir wisq u kien qed joħloq ċerti diffikultajiet, fosthom anke dawk ħolistiċi. L-eżekuttiv unanimament kien iddeċieda li jemenda l-istatut billi n-numru ta’ delegati kellu jonqos b’mod drastiku għal 900 delegat.
Cachia jrid ikun jaf ukoll li l-idea li kienet ġiet proposta f’dawn il-ġranet kienet mhux biss diskussa wara l-elezzjoni ta’ l-1987 kif qal tajjeb Grtixti, iżda kienet tpoġġiet fil-prattika bħala prova fl-elezzjoni għad-delegati fuq bażi ta’ distretti. Ir-riżultat kien ’il bogħod ħafna minn dak mixtieq. L-elezzjoni kienet waħda manipulata fis-sens li l-kandidati u d-deputati ta’ dak iż-żmien, fil-parti l-kbira tagħhom, indaħlu fl-elezzjoni, mhux kif kien jaqbel għall-Partit iżda kif kien jaqbel lilhom personalment. Delegati li kellhom potenzjal kbir, b’kapaċitajiet f’għadd ta’ oqsma li żgur kienu ta’ kontribut kbir għall-Partit, tħallew barra. Ir-raġuni kienet għax ma kinux jappoġġaw lil ċerti deputati. L-eżekuttiv kien iddeċieda li dan l-esperiment ma kienx fl-aħjar interess tal-Partit li jibqa’ jsir.
Ħadd ma tkellem minn dakinhar ’l hawn. L-ebda deputat, l-ebda kandidat u l-ebda tesserat ma azzarda jqajjem din il-ħaġa. It-tesserati qatt ma ssejħu minn ħadd fl-ebda lokal biex jiddiskutu din l-emenda mill-ġdid anke jekk hija proposta radikali.
U dawk li qajmu din l-emenda issa hemm kienu. Neħħi xi waħda li llum trid turina kemm hi demokratika, kemm tħobb il-firxa u kemm għandha qalbha taħraq għat-tesserati, li żgur li ma ħaditx sehem fid-diskussjonijiet peress li dak iż-żmien ma kinitx timilita fil-Partit. L-istess waħda li ftit ilu qalet li l-mexxej il-ġdid għandu jitlob skuża lill-PN għal dak li sar fis-Snin 80. Imma fuq din nitkellmu aktar ’il quddiem.
Cachia qabeż għall-konklużjoni billi qal: “Jidher li hemm element sostanzjali favur l-emenda.”
Biex wieħed ikun jaf jekk dan hux minnu t-tesserti kollha kellhom ikunu ikkonsultati permezz ta’ laqgħat ġenerali fuq is-suġġett. Ħaġa li ma saritx. Kif nistgħu min-naħa ngħidu li l-Partit għandu juri li hu aktar demokratiku u min-naħa l-oħra ninjoraw dak li għandhom xi jgħidu t-tesserati tal-Partit? Kif jista’ xi ħadd jieħu lit-tesserati for granted u jgħid li l-maggoranza tagħhom jaqblu ma’ din l-emenda?
Il-Partit irid l-ewwel jistabbilixxi l-prinċipju ta’ emenda bħal din imbagħad jeżamina l-metodu ta’ kif tista’ tkun affettwata. Niddubita, kif qed jingħad minn ħafna, jekk id-delegati, peress li hi proposta radikali li saret mingħajr ma saru diskussjonijiet fl-istrutturi tal-Partit u mqajma proprju minn wieħed mill-kontestanti f’nofs kampanja elettorali, jistgħux legalment jiddiskutuha u jiddeċiedu dwarha.
Nispera li din l-emenda, jew kontroversja kif hawn min diġà qed isejħilha, ma ddaħħalx lill-Partit f’xi nkwiet ieħor.
Cachia staqsa għala m’għandhiex issir illum qabel għada. Naħseb li Cachia ma jafx x’qed jgħid meta jagħmel domanda bħal din. Jew jien mhux qed nifhem x’għandu f’moħħu u fejn irid jasal. L-istess bħal meta qal li jekk tidħol din l-emenda nkunu “qed nixprunaw lil oħrajn (lil PN) biex isegwu l-passi tagħna.” Ma tarax! Min għandu sistema li biha rebaħ tliet elezzjonijiet wara xulxin se jidħol biex ibiddel dik is-sistema li tagħtu riżultat altru milli tajjeb, jidħol f’oħra li ma jafx fejn tista’ twasslu?
Possibbli li nies bħal Cachia għadhom ma tgħallmux li l-PN jaħdem aktar b’rasu milli jaħdem il-MLP?
Ara s-sistema kif jaħtru s-Segretarju Ġenerali tagħhom lanqas ma ssir minn fost id-delegati imma minn fost 50 membru ta’ l-Eżekuttiv.
Cachia qal ukoll li din l-emenda tkabbar l-istima tal-mexxej. Dan ifisser li l-mexxejja li kellu s’issa l-Partit Laburista, inkluż il-Perit Mintoff, ma kinux igawdu stima?
Ifisser li Eddie Fenech Adami, li kien elett min-numru ta’ delegati ħafna anqas minn tal-Partit Laburista, ma kienx igawdi stima?
Nagħlaq b’appell ġenwin lit-tesserati. Jekk hemm bżonn li jsiru emendi għall-istatut, kif nemmen li hemm bżonn, dawn għandhom isiru f’eżerċizzju serju u wara diskussjonijiet fil-livelli kollha tal-Partit, inkluż tat-tesserati nfushom.
Tħallu lil ħadd jipprova jilagħbha li hu xi difensur tad-drittijiet tagħkom li meta kien qed ikun diskuss l-istess statut kienu jaħdmu f’għaqdiet oħrajn. Jien niskanta kif min qed jippoppa sidru llum biex il-Partit ikun demokratiku u jitlob l-iskuża lill-PN m’għamilx l-istess xi snin ilu ma’ partit ieħor!
It-tesserati għandhom jaħsbu b’moħħhom u mhux b’qalbhom u ma jħallu lil ħadd jisserva bihom għal skopijiet li jmorru lil hinn mill-veru interess tal-Partit. Il-Partit illum għandu r-regoli tiegħu u dawk ir-regoli għandhom ikunu rispettati.

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo



Il Punt
Tort tal-għalliema!
Saviour Sammut


Toni u Peppi
Reġistru għal dawk ħatja ta’ abbuż sesswali?



Emmanuel Micallef
Il-Patt tal-Gvernatur


Carmelo Mifsud Bonnici

Mugabata



X'kien Jgħid
Lorenzo jqassam il-permessi!



Wenzu Mintoff

Diskors mit-tron
Issa qed toqrob kulma jmur il-ġurnata li fiha il-Parlament li ġie elett fit-8 ta’ Marzu li għadda jitlaqqa’ għall-ewwel darba biċ-ċerimonji kollha li jmorru ma’ l-okkażjoni.

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan