Ittri | 27 ta’ April 2008 Nr 78
Minn Joe Masini,
Rabat, Għawdex
Nirreferi għaż-żewġ ittri fuq l-istess suġġett li dehru l-Ħadd 20 ta’ April dwar jekk għandhomx jivvutaw biss id-delegati jew ukoll it-tesserati għall-ħatra ta’ mexxej Laburista.
Ma ġara xejn jekk xi delegati jew membri ġenwini bħal S. Micallef minn Bormla ma jaqblux miegħi. Għandhom kull dritt u jien nirrispetta l-opinjoni tagħhom. Imma b’daqshekk xorta jibqagħli dritt għall-opinjoni tiegħi li għall-hatra tal-Mexxej Laburista għandhom jivvutaw il-membri teserati kollha tal-partit u mhux id-delegati biss.
Din hi d-demokrazija f’partit demokratiku. Jekk Micallef qed jinterpreta d-demokrazzija bħala taħwid żgur ma naqbilx miegħu.
Jekk tkun tisma’ biss lil min ikun jaqbel miegħek se tibqa’ fejn tkun. Għallinqas hekk kont nagħmel jien. Nisma’ lil kulħadd fil-ħames snin li domt Segretarju Distrettwali tal-partit f`Għawdex.
Din l-emenda tkun qed tagħti d-dritt lil dawk il-35,000 membru tal-partit jgħidu tagħhom meta jmorru jivvutaw għall-ħatra tal-mexxej.
Wara kollox huma dawn il-membri li jiffurmaw il-partit u huma dawn l-istess membri li min jaf kemm-il darba fis-sena jintalbu jgħinu. Jekk tgħaddi din l-emenda nkunu qed nagħtu sinjal ċar li l-partit lest ikun iżjed miftuħ. Imbagħad, wara kollox min ma jridx imur jivvota affari tiegħu.
Mhux se nagħmel bħal Micallef u nassoċja din
il-petizzjoni ma’ xi kandidat partikulari għat-tellieqa
tat-tmexxija.
Fl-ittra tiegħi tat-13 ta’ April kont ċar li ħadd m’għandu jassoċja din il-petizzjoni għat-tibdil fl-istatut tal-partit mal-kandidatura ta’ xi ħadd partikolari . Din id-deċiżjoni għandha tkun assoċjata biss mal-prinċipju li l-elezzjoni tkun iktar wiesgħa u ġusta. Ma nafx għalfejn din ir-resistenza kollha. Ma nistax nifhem għalfejn xi ħadd jista’ jara din il-proposta bħala theddida.
Hemm bżonn mexxej li jressaq iktar żgħażagħ, mexxej li jgħaqqad lil kulħadd inkluż lil dawk li telqu u ma ivvutawx Labour.
Fl-istess ħarġa tal-gazzetta kiteb ukoll James Piscopo minn Marsaskala dwar l-istess suġġett.
Naqbel miegħu li ma tistax tagħmel eżami politiku biex tara min hu tassew Laburist u min mhux imma tista’ tagħmel proċess kif persuni ġodda jew eks-membri jiġu tesserati. Fl-imgħoddi kull persuna ġdida li kienet turi x-xewqa li tkun tesserata kienet titressaq quddiem il-kumitat tal-lokal qabel ma kien jiġi aċċettat il-ħlas tas-sħubija.
Rigward il-proposta ta’ Piscopo li membru biex jivvota jrid ikun ilu tesserat għal ħames snin konsekuttivi jista’ jkun li ħames snin huma ħafna imma jrid ikun hemm ċertu żmien biex min jieħu sehem fil-għażla daqshekk importanti jkun sod fit-twemmin politiku Laburista. Ma tridx li jiġri li kulmeta tkun riesqa l-elezzjoni ikun hemm min iħallas il-miżata għal sempliċi skop biex ikun jista’ jivvota għal mexxej.
Issa nġabru l-firem, tiġi diskussa l-emenda fl-eżekuttiv u fil-konferenza ġenerali u wara jibqa’ madwar ħames ġimgħat biex issir l-elezzjoni.
Kampanja elettorali għall-Parlament biex tivvota Malta kollha ġieli saret f’erba’ ġimgħat. Allura mhux possibbli li l-arranġamenti biex jivvutaw 35,000 persuna ssir fl-istess żmien?
Naqbel li dawn l-affarijiet m’għandhomx jitwalu ħafna għax mhu ta’ ġid għal ħadd.
Il-petizzjoni li nġabret u d-dritt li jivvutaw il-membri tesserati m’għandhomx ikunu assoċjati ma’ l-ebda kandidat li qed jikkontesta għat-tmexxija tal-partit.
|
|
Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo
Editorijal

Il Punt
Saviour Sammut

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|