Ittri | 27 ta’ April 2008 Nr 78
Minn Mario Vella,
Mellieħa
Nirreferi għall-intervista ta’ George Vella ma’ Julia Farrugia li dehret nhar il-Ħadd 20 ta’ April, fejn qal “Kulmin kien fil-laqgħa ta’ l-Eżekuttiv ivvota favur din il-mozzjoni (ta’ elezzjoni bikrija). Ħadd ma astjena u ħadd ma vvota kontra.”
Għal-liema mozzjoni kien qed jirreferi Vella?
Ma kien hemm l-ebda mozzjoni ad hoc u b’mod speċifiku li l-Eżekuttiv japprova jew le mozzjoni dwar elezzjoni bikrija! Bħala membru ta’ l-Eżekuttiv dakinhar ma nafx biha.
Jidhirli li kien hemm quddiemna dakinhar kienet mozzjoni li veru kienet se titressaq mill-Eżekuttiv quddiem il-Konferenza Ġenerali li kienet tgħid li l-Konferenza kienet tawtorizza lill-Amministrazzjoni u t-Tmexxija biex skond kif jevolvu ċ-ċirkostanzi jiddeċiedu x’l-aħjar isir.
F’dan is-sens kienet il-mozzjoni li naħseb Vella qed jirreferi għaliha.
Ta’min jgħid ukoll li waqt il-formulazzjoni u d-diskussjoni tal-mozzjoni Alfred Sant kien irtira mil-laqgħa biex issir deliberazzjoni ħielsa u miftuħa. Ħadd ma seta’ jkun kontra xi ħaġa superfluwa għaliex fl-aħħar mill-aħħar il-prerogattiva dejjem kienet tal-Prim Ministru u l-Kap tal-partit.
Jidhirli li waqt id-diskussjoni kienet saret referenza għall-fatt li kien importanti li jinstab xi forma ta’ kuntatt ma’ Dom Mintoff biex jitranġaw id-differenzi li kien hemm. Jiġifieri kif ġiet ifformulata l-mozzjoni kienet intiża wkoll biex jintrebaħ iż-żmien biex isir kuntatt ma’ Mintoff ħalli jkun hemm żblokk tas-sitwazzjoni. Seta’ xi ħadd qatt ikun kontra jew jastjeni?
Qed ngħid dan mhux biex nitfa’ f’dawl ikrah jew biex nappoġġa lil xi ħadd.
Il-fatti huma li f’sessjoni tal-Konferenza Ġenerali kemm George Abela u oħrajn, fosthom jien, niftakar li kont għedt li jekk ma noqogħdux attenti x’nagħmlu nistgħu nitfgħu lill-partit fil-landa taż-żibel ta’ l-istorja, esprimejna ruħna kontra li ssir elezzjoni bikrija. George Abela kien qal li jekk isir hekk “jien nieqaf hawn” u hawn ma kellux ovazzjoni bħalma kellu meta qabel qal li kien kontra li ssir elezzjoni bikrija.
Personalment qatt ma qbilt ma’ George Abela li ma jkomplix jiġbed il-ħabel magħna ġaladarba mbagħad il-Prim Ministru ddeċieda li ssir elezzjoni wara li Mintoff kien ivvota kontra klawsola fil-Liġi tat-Turiżmu.
Hu veru li Abela baqa’ konsistenti imma għamel zopp lill-partit u fl-opinjoni modesta tiegħi għen lill-PN jirbaħ l-elezzjoni. L-argument li ġab dan l-aħħar f’Bormla li hu ma kienx lest li jagħmilha ta’ Brutus ma jikkonvinċix.
Imma issa dan kien il-passat u l-ġudizzju fuqu nħalluh għall-istoriċi tal-futur. Li hu importanti hu li nħarsu ’l quddiem u minflok nisparaw il-vleġeġ fuq xulxin aħjar inħalluhom għal fuq ħaddieħor.
Il-kandidati għall-mexxej kollha huma validi. Min għandu xi ħaġa inqas u min iktar. Kollha papabbli. Mela ejja nagħmlu l-Papa u niffukkaw kif se nrossu l-Gvern ta’ minoranza u fl-istess ħin bil-kalma nbiddlu dak li hemm bżonn jinbidel.
Kull kandidat qed jgħid xi ħaġa tajba u jekk min jitla’ jagħraf jissintetizza t-tajjeb li kull kandidat ieħor qed jipproponi u jwettqu, allura l-Partit Laburista għandu għalfejn jikber, jissaħħaħ u jirbaħ ma jdumx. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo
Editorijal

Il Punt
Saviour Sammut

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|