MediaToday

Intervista | 27 ta’ April 2008 Nr 78

Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo

Għadda ħafna żmien minn meta Evarist Bartolo kien isegwi l-kitbiet ta’ revoluzzjonarji kbar bħal Mao Tse Tung u b’xagħar stil Jimmy Hendrix kien jirrappreżenta l-ħerqa għall-bidla lejn stat soċjali miftum mill-kapitaliżmu. Dak hu Bartolo tal-bieraħt lura.
Evarist Bartolo ta’ llum għadu marbut mat-twemmin Xellugi imma f’qafas demokratiku fejn il-bidla tiġi mill-qiegħ għal fuq mhux biss permezz ta’ l-elezzjoni imma wkoll bl-ideat u l-proposti ta’ kif titwettaq il-politika.
Wara li fl-2003 kien se jittanta xortih jikkontesta għat-tmexxija tal-MLP, xi ħaġa li m’għamilx wara li bdielu Alfred Sant, Bartolo llum hu wieħed mill-ħames kandidati li jixtiequ jieħdu t-tmun tal-partit f’idejhom.

Fl-1997 int kont ktibt dwar il-bżonn ta’ konverġenza fuq l-UE. X’ridt tfisser dakinhar?
Wieħed irid jiftakar l-aġġettiv li kont użajt: konverġenza ‘parallela’. Jiġifieri qishom żewġ toroq paralleli li ma jmissux ma’ xulxin imma ma jħarbtux waħda lill-oħra. Fil-fatt il-pożizzjoni li konna ħadna wara diskussjonijiet interni kienet li ma nagħmlu xejn li jtellef lil gvern ieħor li eventwalment jista’ jdur għal sħubija. Hekk kienet. Ma kinitx li aħna pereżempju għidna ‘ejja ħa mmorru għal sħubija’.

Kont infurmat li Gvern Laburista ried ineħħi l-applikazzjoni ta’ Malta mill-friża?
Le. Le. Le. Il-fatt li l-applikazzjoni ma ġietx irtirata imma sospiża l-Partit Laburista wera li lanqas ried jippreġudika jew jagħmel ħsara lill-applikazzjoni ta’ Malta. Li kieku waqqafniha konna ridna nerġgħu nibdew il-proċess kollu. Għidna ‘ejja nħalluha sospiża biex ma ntellfux żviluppi fil-futur. Kemm żviluppi jekk irid jinbena ċertu tip ta’ relazzjoni ma’ l-Unjoni Ewropea u kemm jekk tinbena relazzjoni ta’ sħubija. L-għażla ma kinitx sħubija jew xejn imma x’tip ta’ relazzjoni.

Intqal dan l-aħħar li l-Partit Laburista ippjana U-turn fuq l-Unjoni Ewropea. Tħossok ingannat jekk kien hemm din il-politika u ma kontx infurmat biha?
M’humiex korretti. Dik it-tip ta’ analiżi mhix korretta. Safejn naf jien il-Partit Laburista qatt ma kien qed jippjana xi U-turn.

Jekk tkun mexxej se ssejjaħ konferenza ġenerali minnufih biex id-delegati jkollhom id-dritt jagħżlu l-amministrazzjoni tal-partit?
Naħseb li l-istess delegati li se jaħtru l-mexxejja għandhom ikunu l-istess delegati li jaħtru l-amministrazzjoni u allura jkun tajjeb, jekk jista’ jkun, li qabel is-sajf tissejjaħ konferenza generali straordinarja li teleġġi l-amministrazzjoni.

Taqbel li l-MLP għandu jitlob maħfra tal-vjolenza li twettqet fit-Tmeninijiet?
Jekk aħna rridu li nkunu pajjiż sejru għandu jkun hemm proċess kif kien hemm f’pajjiżi oħra fosthom fl-Afrika ta’ Isfel fejn ikun hemm sforz serju u mhux bil-kliem biss għal rikonċiljazzjoni nazzjonali li fiha jissemmew il-mod kif naħat tal-pajjiż, forzi differenti fil-pajjiż, weġġgħu lil xulxin. Naħa waħda biss għandha titlob maħfra? Għandhom jintalbu maħfriet biss għall-affarijiet li saru fis-Snin Tmenin? Rikonċiljazzjoni hekk titlob: jien nitolbok maħfra u int titlobni maħfra għal affarijiet li stajt għamilt.
Fil-pajjiż għad għandna ġenerazzjoni ta’ nies li għexu vjolenzi fiżiċi, morali li saru fuq xulxin u b’hekk fil-fehma tiegħi l-pajjiż ikun jista’ jimxi ’l quddiem għax ikun iffaċċa vjolenzi li saru fl-imgħoddi fejn aħna nqasna lejn xulxin. Jien m’għandix dubju li hemm fejn inqasna lejn xulxin. Bħalma jkun hemm pożizzjoni li tittieħed fuq il-vjolenza tas-Snin Tmenin, ikun hemm pożizzjoni li tittieħed fuq il-vjolenza tas-Snin Sittin, il-kwistjoni ta’ l-interdett. Dak iż-żmien jekk taqra ġurnal Laburista kont tmur l-infern, jekk tiżżewweġ jew tgħammed ikollok problema, jekk tmut tindifen fil-miżbla, dik ukoll vjolenza kbira. Qed tgħidli li tiġġustifika vjolenza b’oħra? Le u le. Bil-mod ta’ kif inqasna lejn xulxin ir-rikonċiljazzjoni trid issir flimkien.

Timmaġinak bħala mexxej tal-Partit Laburista bilqiegħda maġenb il-Prim Ministru Lawrence Gonzi u flimkien tagħmlu din id-dikjarazzjoni konġunta?
Iva. Nittama li n-naħa l-oħra tkun matura biżżejjed u tgħid li aħna fiż-żmien għamilna affarijiet fejn inqasnikom u biex infejqu l-feriti ta’ xulxin, ejja infejjquhom flimkien.

Int kont Segretarju tal-Bord tal-Viġilanza meta tkeċċew Wenzu Mintoff u Toni Abela mill-MLP. Ma taħsibx li dik kienet deċiżjoni kiefra li jitkeċċew in-nies li riedu jnaddfu l-partit minflok l-elementi vjolenti?
Ma tkeċċewx minħabba f’hekk. Jien inħossni muġugħ dwar dak il-perjodu għax Wenzu u Toni kienu ħadmu ħafna biex jien inkun fost dawk li nifforma l-ewwel Bord ta’ Viġilanza u Dixxiplina. Huma kienu rrabjati li ma ħadniex passi malajr, mgħaġġlin daqskemm xtaqu huma. Allura kienu bdew jikkritikaw.
Nazzarda ngħid li ma naħsibx li baqa’ żmien il-Bord ta’ Vigilanza u Dixxiplina. Naħseb li l-mod kif nirregolaw lilna nfusna u nġibu ruħna ma’ xulxin, m’għandniex bżonn il-Bord tal-Viġilanza u Dixxiplina.

Alfred Sant u George Vella kienu kellmuk biex toħrog għal mexxej fl-2003 meta t-tnejn li huma suppost ftehmu li jirriżenjaw. Tikkonferma?
Lili qatt ma kellmuni flimkien fuq din il-proposta imma li wrew simpatija favur li jien nersaq ’il quddiem għall-għażla ta’ mexxej iva. Imma qatt ma kellmuni flimkien. Kont diġà bdejt niltaqa’ mad-delegati.

Kif ħadtha meta mbagħad Alfred Sant irtira r-riżenja?
Kont sorpriż, fis-sens għax l-ewwel kien qalli li se jwarrab imbagħad reġa’ tefagħha. Imma kont għamiltha ċara mill-ewwel li jekk Sant jerġa’ jersaq ’il quddiem ma nikkontestax.

F’dawn l-aħħar ġimgħat tkellimt ma’ Alfred Sant meta wasalt biex tikkontesta għal mexxej tal-MLP?
Iva, mort narah id-dar tiegħu, ftit ġimgħat ilu. Qattajt ftit żmien mhux ħażin miegħu biex nara kif inhu u nitkellem miegħu dwar l-esperjenzi qawwija li għadda minnhom.
Fl-ebda ħin ma ddiskutejt it-tmexxija jew min għandu jkun mexxej anzi għamilhieli ċara li ‘isma’, jien mhu se nindaħal f’xejn.’

Taqbel ma’ l-isħubija ta’ Malta fil-Partnership for Peace (PfP)?
Żgur li ma naqbilx mal-mod kif il-Gvern bl-akbar arroganza li lanqas biss semmiha fil-programm elettorali tiegħu u bla biss indenja jitkellem magħna bħala Oppożizzjoni. Qabad u daħħalna fil-PfP. Hemm livelli differenti ta’ sħubija fil-Partnership for Peace. Dawn l-affarijiet missu iddiskutihom magħna għax tant għamilha bil-kutrabandu u tant għamilha malajr li anke jekk ikun hemm intenzjonijiet tajba, il-mod ta’ kif saret tqajjem ħafna suspetti u ħafna dubji. Allura żgur li assolutament ma naqbel xejn mal-mod kif saret.

Imma mal-PfP taqbel?
Trid tanalizza x’inhi l-PfP. Ma jfissirx tidħol fiha għall-alleanza militari. Tista’ tidħol fiha għall-għajnuna militari, li jekk ikun hemm terremot, tibgħat lin-nies tiegħek biex jgħinu. Għal affarijiet bħal dawn il-Gvern missu aktar ġie magħna bħala Oppożizzjoni biex jiddiskuti. Għax in-nies qalet: ‘Dan taf xi jfisser? Bil-moħbi se jibda jibgħat in-nies imutu fi gwerer ta’ ħaddieħor!’
Għaliex xi ħaġa bħal din li tista’ ssir b’ċertu kwiet tagħmilha b’din l-arroganza kollha? Konna għadna kemm għaddejna minn kampanja elettorali fejn smajna: ‘Nitolbu maħfra għall-arroganza li użajna, u li se mmexxu b’mod ġdid’. Allura mbagħad wara, mill-ewwel, taqbad u tagħmel hekk għax Richard Cachia Caruana ried hekk? U dan kollu għax Cachia Caruana rebbħek l-elezzjoni, għax mexxielek il-kampanja elettorali? U allura għandu dik is-saħħa li f’daqqa waħda jibda jimponi ħaġa bħal din? Persuna li mhix eletta u li jiddeċiedi hu jsir. Għandu saħħa aktar mill-Prim Ministru.

Taqbel li l-MLP għandu jipproponi liġi tad-divorzju?
Nieħu gost ngħid li ili miżżewweg 31 sena, kuntent mal-mara tiegħi u mal-familja tiegħi. Imma għax kuntent jien, min jgħix fl-infern ta’ żwieġ li miet, ma tatihx it-tama li jgħix ħajja aħjar?
Dawn huma proċessi li rridu noħduhom bis-serjetà. Meta dħalna fl-UE għidna li se naqsmu l-ideat u l-valuri tal-pajjiżi Ewropej. Nifhem li l-għarfien tad-diversità, il-fatt li int tista’ tagħmel hawn dak li jistgħu jagħmlu f’pajjiżi oħra wkoll parti mill-valuri Ewropej.

Taqbel li l-MLP għandu jipproponi ż-żwieġ għal koppji gay?
Għandna nagħmlu l-passi kollha meħtieġa biex is-soċjetà tagħna tersaq lejn is-soċjetajiet iżjed miftuħa u liberali bħalma nsibu f’pajjiżi avvanzati ta’ l-Unjoni Ewropea. Nemmen li f’affarijiet bħal dawn irid ikun hemm dibattitu serju qawwi bis-sehem tas-soċjetà ċivili u nieħdu ż-żmien tagħna. Tgħidli qed tilgħab bil-kliem? Le. Għax meta qed tiddiskuti affarijiet ta’ minoranzi l-ewwel ma trid tagħmel tagħtihom vuċi. Nemmen li fi kwistjonijiet bħad-divorzju rridu niddiskutuhom u niftħu s-soċjetà tagħna għal dawn l-affarijiet. Irridu l-ewwel inneħħu t-tabù anki li niddiskutu. Aħna għadna f’dak l-istadju!
L-aktar ħaġa li tinkwetani hi li jkun hemm imbagħad min jimmanipula dawk il-kwistjonijiet b’mod ta’ reliġjon biex minflok ikun hawn diskussjoni miftuħa u serja jkun hawn il-kaċċa għall-voti u tuża l-Knisja, tinqeda bir-reliġjon biex tfesfes kontra min iqajjem dawn il-kwistjonijiet.

Taqbel mal-proposta tal-PN li l-ogħla rata tat-taxxa fuq id-dħul għandha tinżel minn 35% għal 25% ħlief għal dawk li jaqilgħu €60,000?
Jien qed nara xi ħaġa nieqsa u allura nixtieq inkun naf il-kwadru kollu x’inhu. L-istess partit li qed jgħid li se jkollu surplus fil-baġit se jitlef dak id-dħul kollu. Biex jitlef dak id-dħul għal li jista’ jkun se jiżdiedu xi taxxi ġodda? Għal li jista’ jkun se togħla r-rata tal-VAT? Qed nistaqsi għal li jista’ jkun għax meta tħabbar bidla trid tgħid biex se tagħmel tajjeb għat-telf li se jkollok minn dak id-dħul.
Meta se titlef id-dħul jew se ġġibu minn x’imkien ieħor jew se tnaqqas in-nefqa pubblika tiegħek. Issa n-nefqa pubblika x’inhi? Se tnaqqas is-servizzi soċjali, is-servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni? Irrid inkun naf l-istampa kollha.
Jien naħseb li għadda l-istaġun tal-kaċċa tal-voti u wieħed għandu jispjega dik il-wegħda xi tfisser.

Taqbel mal-proposta li saret fil-manifest tal-MLP li s-sahra ma tkunx intaxxata?
Daż-żgur naqbel magħha. Ħriġt bħala kandidat mal-Partit Laburista.

Imma bl-istess mod Gvern Laburista kellu jara minfejn se jirkuprahom dawn il-flus?
Dażgur. Din hi xi ħaġa li bħala partiti politiċi meta nħabbru miżuri fil-fehma tiegħi jridu jkunu maħdumin mill-A saż-Ż. X’inhuma l-effetti, kif se timplimentahom, x’inhuma l-alternattivi. Naħseb li l-kwalità tat-tfassil tal-politika jrid jitjieb milli hemm bħalissa. Biex il-partiti ma jispiċċawx jagħmlu rkant ta’ wegħdi tal-Father Christmas.

X’mar ħażin fil-kampanja elettorali?
Irridu nħarrġu lin-nies tagħna biex jikkomunikaw aħjar. Id-don tal-komunikazzjoni, anke jekk titwieled bih trid tiżviluppah. Imma kien hemm affarijiet oħra li wieħed jeħtieġ li jagħti kashom. Kien hemm kampanja qawwija li għamel il-Partit Nazzjonalista biex jiġbor kull vot. Il-mod kif intużaw il-Mepa, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni, id-Dipartiment tal-VAT biex jew jixtru l-voti għax dan għalija xiri ta’ voti, huma prattiċi korrotti daqslikieku xi ħadd li tak 200 ewro biex taqleb il-vot. Jekk int ilek tistenna snin biex tingħata permess tal-Mepa mbagħad jinħariġlek fl-aħħar ġimgħa qabel l-elezzjoni. Jekk inti tajtek ċekk biex tirranġa l-gallerija tad-dar u bdew iċemplulhom u jgħidulhom li jekk jitla’ l-Labour dan iċ-ċekk ma jissarrafx. Dawn huma kollha tip ta’ pressjonijiet.

Għamilt rapport dwar dawn l-affarijiet?
Dawn huma tip ta’ corrupt practices li sfortunatament għandna vojt fil-Liġi li tippermettieh u din hi waħda mill-bidliet li hemm bżonn nagħmlu.
Għandna nikkunsidraw bis-serjetà kif jagħmlu pajjiżi demokratiċi oħrajn li l-Kummissjoni Elettorali jkollha poteri li mhux biss tiżgura li l-proċess ta’ l-elezzjoni jsir b’mod effiċenti u b’mod fair imma li fejn Dipartimenti tal-Gvern qed jagħmlu prattiċi korrotti ma tħallihomx.

Kif tista’ titwettaq din il-proposta?
Wasal iż-żmien li nikkunsidraw bidla Kostituzzjonali importanti ħafna fejn il-President tar-Repubblika jinħatar b’mill-anqas żewġ terzi tal-Membri Parlamentari u s-sindki miġbura flimkien.
Taħtu tagħmel istituzzjonijiet nazzjonali bħall-Kummissjoni Elettorali, ix-Xandir ta’ l-Istat, id-Dipartiment tal-Kuntratti tal-Gvern, l-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u istituzzjonijiet li rridu inħossuna komdi magħhom bħala aħwa ta’ l-istess familja stmati ndaqs. Ħafna f’pajjiżna ma jħossuhomx familja waħda b’saqaf komuni imma lil min taf milli x’taf. Din il-bidla tgħin biex Malta ssir dar komuni għal kulħadd.

Taqbel li ċ-Childrens’ Allowance għandha tingħata lil kulħadd, ikun xi jkun id-dħul tal-familja?
Kien sar studju l-Ingilterra li aħjar tatiha lil kulħadd għax probabbli tonfoq flus anqas milli toqgħod tagħmel it-testing u l-means testing biex tara li dak li jkun għandux joħodha jew le.
Jien mas-servizzi soċjali universali, li joħduhom kulħadd, naħseb naqbel għax dik hi waħda mill-aktar valuri importanti tas-Soċjaliżmu Demokratiku anke f’Malta. L-akbar sfidi li għandna kif dan il-welfare state se żżommuh.

X’inhi l-politika tiegħek fuq l-immigrazzjoni illegali?
L-ewwelnett dawn huma bnedmin. Din hi traġedja kbira. Wieħed irid jifhem li dan hu negozju kbir fid-dinja ikbar minn ta’ l-armamenti u akbar minn tad-droga. Il-mod kif inhu organizzat dawn huma l-iskjavi l-ġodda.
Dejjem irridu nittrattawhom bħala bnedmin. Ma nemminx li għandna nużawhom bħala ħaruf tas-sagrifiċċju li nwaħħlu fihom għall-problemi li jkollna fil-pajjiż. F’pajjiżi oħra jekk hemm il-qagħad iwaħhlu fihom, jekk hemm il-kriminalità, il-vjolenza fis-soċjetà.
Li rridu nagħmlu filwaqt li dejjem inżommu quddiemna li dawn huma bnedmin bħalna, irridu nagħmlu pressjoni qawwija ma’ l-UE għax peress li aħna l-antiporta ta’ din in-naħa ta’ l-Ewropa jridu jgħinu. L-UE trid terfa’ aktar mir-responsabbiltà u pajjiżna nżommuhom b’mod li ma nikkaġunax konflitti u tensjoni għax x’ħin tibda tħallat il-kulturi u r-razez trid tagħmel bidliet importanti u m’aħniex nippreparaw lilna nfusna. Għax aħna wkoll se nsiru soċjetà multi razzjali u multi etnika. Irridu nippreparaw għaliha bis-serjetà fuq livell ta’ skola, mezzi tax-xandir. Irridu li dawn l-affarijiet niddiskutuhom u nitkellmuhom mhux nibżgħu nqajjmuhom.
Qed ngħixu f’dinja fejn il-fruntieri qed jaqgħu. Irridu nippreparaw li Malta tas-Seklu 21 se tkun Malta li jkollha ħafna aktar diversitajiet.

L-Oppożizzjoni fil-Parlament għandha tagħmel ftehim ta’ pairing mal-Gvern?
Jekk wieħed jimxi fuq l-eżempju tal-Partit Nazzjonalista m’għandniex nagħmlu pairing għax fl-1996 il-PN ma tax pairing. Issa wieħed għandu jgħid ‘għandna nagħmlu hekk biex inpattuha lin-Nazzjonalisti għas-96?’
Jekk irid pairing żgur ma jridx jimxi kif mexa fuq il-PfP. Aħna konna mdorrijin bil-Ministru Austin Gatt li ‘fil-Parlament aħna nagħmlu li rridu għax għandna ħamsa maġġoranza.’ Issa għandhom nofs siġġu maġġoranza. B’nofs siġġu maġġoranza wkoll se jimxu b’arroganza? It-tmexxija tal-MLP tinħatar wara Ġunju u naħseb imbagħad wieħed irid jiddiskuti mal-Gvern il-kundizzjonijiet kollha biex wieħed jara kif se jimxi ’l quddiem.

Taqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Galdes biex donazzjonijiet lill-partiti politiċi ta’ aktar minn Lm10,000 ikunu illegali u donazzjonijiet ta’ iktar minn Lm5,000 ikun ippubblikat is-sors?
Jien naqbel magħha u naħseb ukoll li wasal iż-żmien li niddiskutu bis-serjetà il-finanzjament pubbliċi tal-partiti. Jekk ma jiġbruhomx mingħand il-partitarji tagħhom l-Istat għandu jagħti l-flus inkella ma jkollniex demokrazija vera għax jekk int ikollok donazzjonijiet ta’ min għandu s-saħħa tal-flus ikun qed iħallas biex jixtri l-politika tiegħek jew biex ikun favorit fid-deċiżjonijiet.
Nittama li n-negozjati fuq ħaġa bħal din jibdew malajr kemm jista’ jkun. Nerġa’ ngħid jekk aħna rridu demokrazija vera u demokrazija serja għodda importanti fid-demokrazija li hi l-partiti politiċi, trid tilliberahom minn dipendenzi u minn obbligi li ma jagħmluhomx demokratiċi u li jagħmluhom suġġetti għal pressjoni ta’ min ikun ħallas.

Temmen li l-partiti politiċi għandħom ineħħu l-istazzjonijiet televiżivi tagħhom?
Qabel l-idea kienet li x-xandir ikun il-monopolju ta’ l-Istat. Għall-pluraliżmu fix-xandir hu xi ħaġa tajba li jkollok stazzjonijiet differenti bħalma għandek ġurnali differenti. Hi ħasra li dawk l-istazzjonijiet qegħdin hemm minħabba n-nuqqas tax-xandir ta’ l-istat għax ma jesprimix id-diversifikazzjonijiet, għax ħafna drabi ngħidu x’ngħidu jibqa’ jservi tal-leħen tal-Gvern tal-ġurnata.
Fil-mudell Olandiż pereżempju għandek rappreżentazzjonijiet ta’ kulħadd, mhux biss tal-partiti politiċi, għax dawn huma fost il-protagonisti tal-ħajja pubblika. Magħhom hemm nies tan-negozju, hemm il-unions, hemm l-għaqdiet nongovernattivi. Jien nara li jista’ jsir hekk. Kieku jsir hekk allura ma jkollokx raġuni għala jkollok stazzjon ta’ partit. Jien nippreferi li l-flus tal-partit jintefqu fuq tfassil aħjar ta’ policies milli ta’ propaganda. Iż-żewġ partiti jonfqu ħafna flus fuq dan. Imma sakemm il-partiti u nemmen li l-Partit Laburista għandu ragun, m’għandux il-leħen tiegħu jasal, se jkollu jibqa’ bl-istazzjon tiegħu li jrid jużah aħjar.

Temmen li bħalissa mhux qed jintuża tajjeb ONE TV?
Jista’ jintuża ħafna aħjar. Irid jitkellem u jkun aktar kredibbli wkoll ma’ dawk li ma jaqblux miegħu. Hi sfida kbira imma trid tagħmilha.

 

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo



Il Punt
Tort tal-għalliema!
Saviour Sammut


Toni u Peppi
Reġistru għal dawk ħatja ta’ abbuż sesswali?



Emmanuel Micallef
Il-Patt tal-Gvernatur


Carmelo Mifsud Bonnici

Mugabata



X'kien Jgħid
Lorenzo jqassam il-permessi!



Wenzu Mintoff

Diskors mit-tron
Issa qed toqrob kulma jmur il-ġurnata li fiha il-Parlament li ġie elett fit-8 ta’ Marzu li għadda jitlaqqa’ għall-ewwel darba biċ-ċerimonji kollha li jmorru ma’ l-okkażjoni.

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan