MediaToday

Il Punt - Saviour Sammut | 27 ta’ April 2008 Nr 78

Tort tal-għalliema!

Fil-kontribuzzjoni tiegħu għall-allegat każ ta’ bullying minn xi studenti fuq għalliema fin-Naxxar, Peppi Azzopardi għoġbu jitfa’ t-tort ewlieni fuq l-għalliema u l-lezzjonijiet monotoni li jkollhom jassistu għalihom.
Azzopardi, li llum insibuh pedina importanti għall-establishment, ma jgħaddilux minn moħħu jikkritika b’xi mod lill-establishment, forsi wkoll għax jaf li m’għandniex indardru l-għajn li nixorbu l-ilma minnha.
Hi tassew ħasra kif
iż-żminijiet jirnexxielhom ibiddlu fil-bniedem mhux biss il-prinċipji li għalihom ikun immilita fl-imgħoddi iżda wkoll il-perċezzjoni tal-ħajja. Azzopardi daq xi ftit mill-mestier tal-għalliema għalkemm kien imkebbeb fl-ilbies protettiv fi ħdan skola tal-Knisja. Iżda ma naħsibx li għandu dritt hawn ukoll jippontifika li l-iżball li setgħu wettqu dawn l-istudenti u l-imġiba mhux korretta tagħhom għandha tiġi ġustifikata għax dawn l-istudenti qed jiġu mġiegħla joqogħdu għal-lezzjonijiet tedjanti u monotoni.
Bħala għalliem li niffrekwenta kurituri ta’ għadd ta’ skejjel inħossni offiż bis-simplifikazzjoni u l-ġeneralizzazzjoni ta’ Azzopardi. Ma jgħaddilux minn moħħu l-ħabib tagħna Peppi, kemm l-għalliema, matul is-snin, ġew mgħobbija b’għadd ta’ responsabbiltajiet mingħajr l-iċken forma ta’ support u sostenn; kemm il-kurrikulu, minkejja kull kritika, hu mgħobbi sa ruħ ommu, kemm it-tfal ilhom is-snin jilmentaw minn toqol ta’ piż żejjed li jkollhom iġorru fuq daharhom.
Waħda mill-hekk imsejħa riformi li saru fl-istorja riċenti edukattiva kienet iż-żieda fl-eżamijiet ta’ tmiem l-iskejjel primarji minn tliet suġġetti bażiċi għal ħamsa. Xi ħadd iċċaqlaq minn dik iż-żieda ta’ suġġetti taħt l-iskrutinju ta’ l-eżami? Kontroversja oħra li kienet qamet kien is-suġġett tas-Systems of Knowledge, suġġett li jinvolvi proġett li hu sigriet magħruf li ma jsirx mill-istudenti iżda minn xi qarib li jkun iżjed intiż u midħla ta’ dak ix-xogħol prattiku. Xi ħadd ħass li għandu jsir xi tibdil f’dan il-proġett aħħari?
Deċiżjoni politika oħra hi li l-istudenti li jispiċċaw mis-sekondarja ikollhom jagħtu l-eżamijiet tal-Matsec f’salt u jridu jgħaddu minnhom f’daqqa. Fl-imgħoddi wieħed seta’ jagħti għadd ta’ suġġetti minn qabel u jifrex l-istudju biex tonqos il-pressjoni.
X’ma jiżvugawx ir-rabja tagħhom kontra s-sistema edukattiva billi jinfexxu fl-ewwel ċellola li tirrappreżenta l-istituzzjoni li tmiss magħhom, jiġifieri l-għalliema!
Naħseb li Peppi jasal biex jaqbel miegħi kemm hi perċezzjoni mifruxa fil-ħajja ta’ llum li l-għalliem tilef mhux biss l-istatus prestiġjuż li seta’ qatt kellu iżda wkoll l-istima soċjali u dan seħħ kemm bi żbalji goffi fi żmien l-amministrazzjonijiet Laburisti kif ukoll baqgħu hekk matul it-tmexxija tal-Gvernijiet Nazzjonalisti. Filwaqt li xi ġenituri, matul iż-żminijiet, tqiegħdu fuq pedestall, l-għalliema u l-aspirazzjonijiet tagħhom spiċċaw injorati u mwarrbin. Dan hu wkoll, sfortunatament, sintomatiku ta’ dak li qed iseħħ fis-soċjetà Maltija. L-istudenti qed jaraw baħar jaqsam bejn dak li qed jasal għandhom mit-tagħlim fl-iskola u dak li fil-fatt iseħħ fil-ħajja pubblika.
Waqt li fl-iskejjel tipprova titħaddem sistema demokratika ta’ tqassim ta’ poter u teħid ta’ deċiżjonijiet, fil-ħajja pubblika jaraw li ħafna drabi għadhom jgħoddu kriterji bħal “mhux kemm taf, imma lil min taf.”
B’hekk l-għalliem imneżża’ mhux biss minn rwol pedagoġiku iżda wkoll minn kull sinifikat ieħor. Meta konna ċkejknin aħna kellna mhux biss rispett u ammirazzjoni lejn ir-rwol tal-għalliem, u dan ħafna drabi kien sostnut mill-perċezzjoni ta’ l-amministrazzjoni politika u pubblika ta’ dawk iż-żminijiet iżda saħansitra stima kbira lejn il-kariga li jokkupa.
Sfortunatament, grazzi wkoll għal media manipulattiva, il-miti l-ġodda saru l-politiċi, il-Ministri u l-kundutturi ta’ programmi ripetittivi.
Ikolli ngħid hawnhekk li filwaqt li nneħħi l-kappell lill-Ministru Louis Galea għall-ħidma f’dik li hi titjib ta’ infrastruttura ta’ l-iskejjel kien il-Ministru Evarist Bartolo li beda tassew jagħti rwol iżjed uman lis-sistema edukattiva f’pajjiżna fosthom bi proġett mifrux ta’ stħarriġ ta’ ‘L-iskola kif nixtieqha jien’.
Ħafna għalliema li niltaqa’ magħhom huma demoralizzati għall-fatt li l-għalliema ħadd mhu jisma’ jew jindenja jagħti kas tas-suġġerimenti, ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tagħhom għal tagħlim iżjed effettiv. Ministri sussegwenti, mitmugħa minn filosofiji ta’ akkolti appuntati sistematikament fuq kriterji purament partiġġani, imponew ideoloġiji edukattivi tagħhom jew ta’ dawk ta’ madwarhom fuq l-għalliema. Min ma jpoġġix lill-istudenti flimkien mal-għalliema fiċ-ċentru tal-viżjoni edukattiva li jista’ jkollu m’għandux jistenna suċċessi iżda tensjonijiet bħalma kultant ifaqqgħu bejn għalliema u studenti.

Saviour Sammut hu għalliem

 

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo



Il Punt
Tort tal-għalliema!
Saviour Sammut


Toni u Peppi
Reġistru għal dawk ħatja ta’ abbuż sesswali?



Emmanuel Micallef
Il-Patt tal-Gvernatur


Carmelo Mifsud Bonnici

Mugabata



X'kien Jgħid
Lorenzo jqassam il-permessi!



Wenzu Mintoff

Diskors mit-tron
Issa qed toqrob kulma jmur il-ġurnata li fiha il-Parlament li ġie elett fit-8 ta’ Marzu li għadda jitlaqqa’ għall-ewwel darba biċ-ċerimonji kollha li jmorru ma’ l-okkażjoni.

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan