MediaToday

Editorjal | 27 ta’ April 2008 Nr 78

Id-dritt li tkun taf

F’dawn l-aħħar ġranet ħafna persuni rċevew email bir-ritratt, l-isem, l-indirizz u t-telefon ta’ persuna li nstab ħati mill-Qorti ta’ fastidju sesswali fuq tfal ta’ 14-il sena permezz ta’ l-SMS.
Skond is-sentenza tal-Qorti r-raġel, li hu eks-għalliem tar-Reliġjon, intbagħat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Dan ifisser li din il-persuna llum tinsab barra fit-triq anki jekk il-Qorti neħħietlu l-warrant ta’ għalliem u tat struzzjonijiet biex id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni qatt ma terġa’ iġġeddidulu. Il-ħati għandu wkoll kundizzjoni biex ma jersaqx lejn istituzzjonijiet fejn jattendu t-tfal.
Lil hinn mill-argument jekk is-sentenza hix ħarxa biżżejjed, jidher ċar li ħafna nies li iċċirkolaw l-email bid-dettalji personali tal-ħati irrabjaw għax ippretendew li jkunu jafu min hi l-persuna biex ikunu jistgħu jipproteġu t-tfal tagħhom. Dawn in-nies ħadu l-Liġi f’idejhom u kisru b’mod konxju d-divjett tal-Qorti fuq l-isem.
Teżisti problema fil-qrati dwar min jissemma jew le għax donnu m’hemmx linja ta’ ħsieb waħda. Kultant ikollok każi ferm inqas gravi minn dawn u l-Qorti ma tordna l-ebda divjett fuq l-isem bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu.
Nifhmu r-rabja tal-ġenituri. X’hemm iżomm lil dan il-persuna milli jorganizza lezzjonijiet tal-privat fil-kenn ta’ daru u għal darb’oħra jkun f’kuntatt mat-tfal?
Fl-istess ħin dan hu pajjiż mibni fuq il-ħaqq skond liġijiet li jgħaddu fil-Parlament u għalhekk allaħares naslu fi stat fejn kulħadd jibda jieħu l-Liġi f’idejh.
Hemm bżonn li l-ġenituri jingħataw serħan il-moħħ, speċjalment fuq każi ta’ abbuż fuq tfal, li min iwettaq il-ħsara ma jitħalliex fil-ħelsien sħiħ li jagħmel li jrid.
Għalhekk nemmnu li wasal iż-żmien li jitwaqqaf reġistru li fih jitniżżlu l-ismijiet ta’ dawk kollha li jkunu nstabu ħatja ta’ reati sesswali u abbuż ieħor kontra t-tfal. Biex ma nispiċċawx f’sitwazzjoni fejn kulħadd jissindika fuq kulħadd bl-inġustizzja kollha li din tista’ toħloq, dan ir-reġistru jkun aċċessibbli għall-awtoritajiet tal-Pulizija, l-awtoritajiet edukattivi u aġenziji oħra tal-Gvern li jaħdmu mat-tfal.
B’hekk kull organizzazzjoni li taħdem mat-tfal u li tkun se timpjega lil xi ħadd tkun tista’ tivverifika ma’ l-awtoritajiet konċernati jekk il-persuna kellux każi ta’ abbuż fuq tfal.
B’dan il-mod il-ġenituri jkollhom serħan il-moħħ li fl-istituzzjonijiet fejn it-tfal tagħhom ikunu qed jitgħallmu jew iqattgħu l-ħin ħieles tagħhom in-nies responsabbli jkunu ivverifikati.
Ma rridux ningannaw lilna nfusna. Dan mhux se jwaqqaf l-abbuż imma jista’ jservi ta’ deterrent.
Fl-istess waqt għandha ssir evalwazzjoni tal-pieni dwar każi ta’ abbuż fuq tfal biex naraw hemmx lok li jiżdiedu. Iżda marbut ma’ dan irid ikun hemm programm ta’ rijabilitazzjoni speċifikament għal min ikun ħati ta’ pedofelija jew każi simili.
F’dawn iċ-ċirkostanzi l-ħati għandu bżonn l-għajnuna daqs it-tfal li sofrew l-abbuż. Ikun ħafna aħjar jekk isir tentattiv serju biex il-ħati mhux biss jiskonta s-sentenza imma jitfejjaq u għalhekk jieqaf ikun ta’ periklu għat-tfal.
Iżda l-ikbar arma f’dawn iċ-ċirkostanzi hi l-edukazzjoni. Hemm bżonn li t-tfal ikunu mgħallma kif jgħidu ‘le’ u din tiġi jekk ikollhom il-fiduċja fihom infushom. Hemm bżonn li t-tfal jitrawmu f’ambjent fejn ikollhom rapport ta’ komunikazzjoni miftuħ mal-ġenituri. Hemm bżonn li jkunu infurmati dwar il-problemi li jistgħu jiltaqgħu magħhom u kif għandhom jilqgħu għalihom u jekk ikun il-każ lil min għandhom javżaw.
It-triq ġustizzjalista tista’ tkun konvenjenti ħafna għax fid-dieher nistgħu nidhru li nkunu qed nagħmlu xi ħaġa biex inwarrbu l-perikli għat-tfal.
Madankollu weħidha mhix biżżejjed u jkun żball jekk naħsbu hekk. Ikun ħafna aħjar jekk it-tfal ikunu armati bil-ħiliet ta’ kif jaffrontaw l-abbuż jew l-abbuż potenzjali u l-istituzzjonijiet ikollhom regoli ċari ta’ kif jittrattaw dawn il-każi b’mod serju u immedjat biex il-ġenituri jkollhom is-serħan tal-moħħ.

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Julia Farrugia tintervista lil Evarist Bartolo



Il Punt
Tort tal-għalliema!
Saviour Sammut


Toni u Peppi
Reġistru għal dawk ħatja ta’ abbuż sesswali?



Emmanuel Micallef
Il-Patt tal-Gvernatur


Carmelo Mifsud Bonnici

Mugabata



X'kien Jgħid
Lorenzo jqassam il-permessi!



Wenzu Mintoff

Diskors mit-tron
Issa qed toqrob kulma jmur il-ġurnata li fiha il-Parlament li ġie elett fit-8 ta’ Marzu li għadda jitlaqqa’ għall-ewwel darba biċ-ċerimonji kollha li jmorru ma’ l-okkażjoni.

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan