X'kien jgħid? | 20 ta’ April 2008 Nr 77
Xi ħlew kemm iggustajthom il-Ħamis li għadda meta ġew f’riġel il-monument tiegħi ipoġġu l-fjuri biex jagħtuni ġieh. Flok jiċċelebraw it-twemmin ħaj tiegħi, jiċċelebraw il-mewt tiegħi f’kull sens tal-kelma.
Il-Ħamis li għaddew quddiem Kastilja kien hemm vera atmosfera ta’ funeral iktar mis-soltu. Kelli nara wkoll nies li qatt kont ma rajthom qabel. Għal mument kont insejt li l-Laburisti għandhom diversi beauty contests għaddejjin u għalhekk spiċċaw għamlu catwalk mir-roundabout li ddawwar il-monument tiegħi u min l-aqwa jippoppa, avolja bosta minnhom żgur lanqas għandhom l-iċken idea jien x’għamilt b’ġismi u b’moħħi matul ħajti.
Ma kienx mument li tefgħuni f’din ir-roundabout biex nibla’ ġo fija d-dħaħen u n-nugrufun tal-karozza. Aħjar tawni mobajl flok dal-karti li għandi f’idejja biex ta’ l-inqas nagħmel xi ħaġa bija nnifsi u noqgħod nehda nibgħat l-SMS kontra dawk li għandhom l-ispurgatur iddaħħan. Ħallik li skond ma qaluli, dis-sistema tal-SMS Alert ma kienet xejn ħlief ħela ta’ żmien u gimmick li ma twassal għal imkien.
Mingħajr ma naf il-monument tiegħi hawnhekk fil-pjazza qed isir monument ħaj tal-Laburisti kollha ta’ Malta li joħolmu u jibqgħu joħolmu li xi darba se nitilgħu dan il-famuż taraġ ta’ Kastilja simbolu tal-poter, imma għal xi raġuni jew oħra qegħdin dejjem nispiċċaw barra jixxennqu quddiemu. Bħali nsomma, dejjem quddiem Kastilja, tajjeb biss biex il-ħamiem tal-Belt joqgħod imerraq fuqi.
Il-Laburisti sħabi ta’ Malta, wara t-tielet jekk mhux ir-raba’ telfa in fila għax issa qed naħbat nitlef il-kont, qed jaħsbu li billi jagħmlu ‘konkors ta’ sbuħija’ bejniethom b’xi mod se jsolvu l-problemi li għandhom. U biex tkompli tgħaxxaqqha se jiħduha kemmxejn fit-tul biex jagħżlu ‘l-isbaħ’ wieħed jew waħda fosthom.
Il-Partit Laburista l-ewwel u qabel kollox irid jerġa’ jsib ir-ruħ li tilef, jiskopri mill-ġdid il-valuri vera u propja għalfejn jeżisti. Imbagħad dir-ruħ trid tingħata sura fil-ġisem ta’ min se jmexxi ’l quddiem dan il-Partit, fl-isfidi kbar li jrid jiffaċċa b’ruħu u b’ ġismu.
L-ikbar għawġ li għandu fi ħdanu l-Partit Laburista ta’ Malta fl-immedjat, mhix l-inċertezza tal-futur jew l-uġigħ tat-telfa, imma l-fatt li bħal donnu ma jeżistux mexxejja jew ex-mexxejja anzjani li għandhom axxendent morali biex jippruvaw jgħaqqdu l-biċċiet f’mumenti diffiċli bħal dawn. Jekk jibagħtu għalija mil-Lixandra forsi nitħajjar nassumi dan ir-rwol: xejn xejn fl-aħħar nirtira għal kollox f’Malta, imbagħad mhux bukketti tal-ward jiġu jippreżentawli imma tax-xewk!
Għandek tgħid kull mexxej li kellu dan il-Partit minn wara l-gwerra ’l hawn spiċċa diżonorat jew bil-banda u bħal donnu f’dan il-mument kruċjali mhemm ħadd li jista’ jassumi dan ir-rwol ta’ figura paterna li tiddirieġi t-tranżizzjoni bl-inqas skossi possibbli.
Tista’ tgħid li kull suċċessjoni fit-tmexxija tal-Partit Laburista ġabet magħha maltempati kbar li ġieli anki karkru għal snin twal. L-isplit ta’ l-1949 bejn Boffa u Mintoff kienet l-iktar waħda trawmatika li baqgħet ma ngħalqitx għal kollox. Tant hu hekk wara l-mewt ta’ Boffa kien hemm diversi Boffisti li spiċċaw jivvutaw lil PN u iktar tard Lady Boffa spiċċat tindirizza mass meeting ta’ Fenech Adami.
Fil-bidu tat-Tmeninijiet kien beda ċ-ċaqliq għas-suċċessjoni ta’ Domenico Mintuf kif kien magħruf is-Seminarju. Propjament din ma kienet suċċessjoni xejn għax Mintuf taparsi ried jirtira u jibqa’ jikkontrolla xorta waħda minn wara l-kwinti.
Bniedem wieħed kien jeżisti f’wiċċ din l-art li kien twajjeb jew pastizz biżżejjed li seta’ jidħol f’dan ir-rwol ta’ mexxej u Prim Ministru mhux għall-ambizzjonijiet tiegħu imma għall-ambizzjonijiet ta’ ħaddieħor u kien jismu Karmenu Mifsud Bonnici.
Meta mbagħad fl-1992 Karmenu kien tefa’ x-xugaman wara t-telfa ta’ l-elezzjoni, għalkemm ma kienx mexxej partikolarment b’saħħtu, xorta waħda ħassu fir-responsabbilità li ma jħallix free for all warajh u kien indika lil Gorg Vella bħala ‘mexxej ideali’ għaċ-ċirkostanzi ta’ dakinhar.
L-ironija hi li hekk kif ħabbar ir-riżenja tiegħu minn mexxej, lil Karmenu ġiet fuqu bħal saħħa barranija u għamel affarijiet li qatt ħolom li jagħmel meta kien għadu mexxej, pereżempju t-tneħħija tal-għaqda statutorja mal-General Workers’ Union. Wara li Gorg Vella beżaq fis-sunnara u l-kontest infetaħ beraħ, inżergħet firda kbira li għadha tinħass sa llum meta l-kandidatura ta’ Lino Spiteri ġiet sabutaġġata permezz ta’ ittra anonima, allegazzjonijiet u xnigħat li l-għada tal-kontest spiċċaw mietu fuq ommhom. Jien mhux qed ngħid li Lino Spiteri kien xi verġni u pur. Imma żgur ma kienx sew li jiġi torpedonat permezz ta’ ittra anonima xogħol ta’ xi kodard u gifa.
L-istorja tgħallimna bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħha. Tiftħilna wkoll għajnejja biex f’dak li jinsab għaddej minnu l-Partit Laburista bħalissa, ma jerġgħux jiġu ripetuti ċerti żbalji. Għax kif ktibt iktar qabel hi biss illużjoni li l-problemi kroniċi li għandu l-MLP se jissolvew b’xi konkors ta’ sbuħija. L-eżistenza tal-partit hi mdendla b’xagħra. |
|

Julia Farrugia tintervista lil George Vella
Editorijal

Il Punt
Sergio Grech

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|