MediaToday

Wenzu Mintoff | 20 ta’ April 2008 Nr 77

Qamar il-għasel

Fix-xhur u l-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali għaddejna litteralment minn blitz medjatiku, bumbardament kontinwu ta’ politikanti li għamlu tabirruħhom li xtaqu sinċerament jikkomunikaw mal-poplu b’kull mezz possibbli, speċjalment dawk li għalihom kollox hu possibbli.
Ibda bil-mezzi tradizzjonali tal-kanvassing bieb bieb li jaħilbek speċjalment fejn hemm ħafna indani ta’ taraġ, coffee mornings jew morning coffee kif hawn min isibhom, bil-ġogi tat-tombla bis-snowball u tqassim ta’ kull oġġett immaġinabbli bħala tifkira ta’ min riedek tiftakar fih bil-vot tiegħek.
Souvenirs li kienu jvarjaw fid-daqs u l-għamla, żgħar daqs żerriegħa u kbar daqs washing-machine jew il-kirja ta’ appartament mibni u lest jew li għadu mħażżeż fuq il-pjanta.
Il-kandidat Nazzjonalista Leli Agius li qassam lill-kostitwenti żerriegħa tal-fjura tax-xemx, ħaqqu jingħata l-premju ta’ l-iktar gimmick elettorali effettiv u oriġinali u li ma jiswiex ħafna flus.
Ma setax jonqos fl-era teknoloġika li ninsabu fiha li jkollna partiti u kandidati, min ħafna, min ftit li xejn u min xejn għal xejn, li bħala mezz ta’ pubbliċità jagħmlu użu mill-mezzi elettroniċi bħal DVDs, pendrives, You Tube, websites u blogs u x’naf jien.
Kellna anki lill-First Lady Mrs Gonzi li qagħdet tiskomoda ruħha ta’ kuljum fil-kampanja billi tagħlaq il-ġurnata bl-osservazzjonijiet personali tagħha fuq il-blog. Min ħaseb li anki wara l-elezzjoni kien se jkollu l-kumpanija permanenti ta’ Kate Gonzi fuq il-blog baqa’ b’xiber imnieħer għax dan il-blog issa ilu ’l fuq minn xahar sieket.

Brejk
Hu aktar minn evidenti li kulħadd kellu bżonn brejk mill-kakafonija politika ta’ żmien il-kampanja, speċjalment in-nies li kellhom il-politika dieħla minn kull ventilatur, xaqq jew toqba u bil-kaxxa ta’ l-ittri tagħhom mifqugħha bil-karti li iktar iva milli le kienu jispiċċaw dritt għal ġol-landa taż-żibel. Imma ma kontx nimmaġina li brejk meritat għal kulmin tħabat u kkumbatta f’din il-kampanja kien se jfisser siesta twila ta’ iktar minn xahar qisu fil-qilla tas-sajf ta’ Awissu, meta la trid tarah u lanqas tmissu, is-suġġett tal-politika.
Verament m’aħniex qed nitħaddtu fuq xi partit fil-Gvern li għadu kif rifes għall-ewwel darba l-għatba ta’ Kastilja, għax għal daqshekk in-Nazzjonalisti spiċċaw illustrawha din l-għatba daqskemm ilhom jikluha. Is-soltu meta partit jirbaħ elezzjoni ġenerali jingħata perjodu ta’ 100 ġurnata honeymoon politiku li jkunu mmarkati b’inizjattivi ġodda u ħeġġa u ħerqa għax-xogħol governattiv.
Fil-każ ta’ GonziPN jidher li dan il-qamar il-għasel se jkun ikkaratterizzat minn raqda pjuttost twila. Gonzi mmarka bil-qawwa l-ewwel ġranet tat-tieni gvern tiegħu b’għażliet kuraġġużi meta ġie biex jifforma kabinett iżgħar fid-daqs u radikalment mibdul fil-kompożizzjoni tiegħu. Kienet biċċa xogħol li kien ilu s-snin jinħass il-bżonn tagħha bil-famuż re-shuffle tal-kabinett ta’ Fenech Adami li baqa’ ma seħħx kontra l-pariri minn barra u minn ġewwa l-Partit Nazzjonalista.

Għawdex
Imma wara t-8 ta’ Marzu seħħ it-terrimot li kien ilu mistenni u nfetħu bwieb is-sema għax kulma fadal mill-antiki fil-kabinett ta’ Gonzi huma Tonio Borg il-Viċi, Giovanna Debono li ngastat ruħha u saret ħaġa waħda mal-ministeru fi Pjazza San Franġisk daqskemm it-tempju tal-Ġgantija u s-santwarju Ta’ Pinu huma ħaġa waħda mal-pajsaġġ Għawdxi, u John Dalli li bis-sewwa jew bid-dnewwa reġa’ twieled mill-ġdid politikament. Fil-kabinett il-ġdid ta’ Gonzi seħħet bidla ġenerazzjonali pjuttost qawwija. Bidla li bdiha l-elettorat Nazzjonalista meta ta preferenzi baxxi lil la vecchia guardia, influwenzat xi ftit jew wisq anki mill-propaganda Laburista, u kompliha l-istess Prim Ministru Gonzi meta ħalla jittewbu eks-Ministri/Segretarji Parlamentari bħal Mugliett, Deguara, Zammit, Zammit Dimech u oħrajn.
Lawrence Gonzi ta promozzjoni lil Dolores Cristina, lil Tonio Fenech u lil Carmelo Mifsud Bonnici li kien proprju hu meta sar Prim Ministru erba’ snin ilu li nkarigahom għall-ewwel darba b’responsabbiltajiet ministerjali.
Gonzi kien qed jara pjuttost fil-bogħod u anki jantiċipa ċerti esiġenzi elettorali li se jkollu ħames snin oħra meta ħatar lid-deputat Għawdxi Chris Said bħala Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Pubbliku u Komunikazzjoni.
B’hekk l-eżerċizzji ta’ relazzjonijiet pubbliċi u propaganda rħisa għax tiġi b’xejn għal min igawdi minnha, imma mhix daqshekk irħisa għal min iħallas għaliha, jiġifieri l-poplu Malti mit-taxxi tiegħu, se jkunu mifruxa matul il-ħames snin kollha u mhux fenomenu li jfeġġ biss hekk kif tkun qed toqrob l-elezzjoni.
Wieħed ma jridx jinsa wkoll li Għawdex kien id-distrett fejn il-Partit Laburista rreġistra l-iktar swing qawwija favur tiegħu fl-aħħar elezzjoni u mhux ta’ b’xejn għalhekk li għall-Għawdxin għal Ministeru wieħed minn fejn isir il-qadi u jitqassmu l-grazzji u l-pjaċiri issa se jkun hemm tnejn.

Il-Kottonera
L-istess għal dak li jirrigwarda l-Kottonera. GonziPN ħarsu fit-tul meta iddeċidew li għandu jċedi t-Tieni Distrett biex saret elezzjoni każwali fejn tellaq waħdu t-Tabib Stephen Spiteri li hu popolari maż-żgħażagħ u jidħol fid-djar ta’ ħafna Laburisti bħala tabib. Bl-elezzjoni ta’ Spiteri, b’xi mod jew ieħor, l-erba’ kandidati Nazzjonalisti fit-Tieni Distrett spiċċaw eletti fil-Parlament, avolja l-MLP kiseb ir-raba’ siġġu fuq dak id-distrett.
Apparti dawn id-deċiżjonijiet strateġiċi ta’ Gonzi li għandhom fil-mira l-elezzjoni ta’ l-2013, il-profil tal-Gvern il-ġdid li mhux eżattament ġdid, hu pjuttost kajman u ħiemed xi ftit iż-żejjed. Ftit li xejn kienu l-inizjattivi li ttieħdu s’issa minn GonziPN, tneħħi l-kwistjoni tad-dħul ta’ Malta fil-PfP li tissodisfa l-aktar l-ego ta’ Richard Cachia Caruana li issa se jkollu l-privileġġ li meta fil-fora ta’ l-UE jkunu qed jiddiskutu affarijiet ta’ difiża, ir-rappreżentanti tal-pajjiżi l-oħrajn se jkunu jistgħu jikxfu s-sigrieti quddiemu.
Minn dak it-tperriċ kollu quddiem il-kameras u minn dik il-viżibbiltà kollha ta’ żmien il-kampanja elettorali, morna għall-estrem l-ieħor fejn wara l-elezzjoni Gonzi u sħabu huma kważi inviżibbli. U biex tgħaxxaqha fil-waħda mill-ftit dehriet li kellu fil-pubbliku meta żar l-impjegati tal-MEPA u pproponielhom kodiċi ta’ etika, Gonzi irrifjuta li jwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ l-Istampa u l-Press Officer is-Sinjura Vassallo bdiet tisħaq li kull mistoqsija lill-Prim Ministru trid tgħaddi minn ġol-kompjuter tagħha.
Filli dik id-disponibbiltà kollha ta’ Gonzi jwieġeb l-emails u jħabbat il-bibien sa tard bil-lejl u filli baħħ u silenzju totali fejn tidħol komunikazzjoni mal-mexxi tax-xandir u mal-pubbliku in ġenerali.
Jista’ jkun li dan il-kwiet kollu hu l-kwiet ta’ qabel it-tempesta li xi darba jew oħra għad trid tfaqqa’ dwar l-iskandlu tal-Mistra u l-involviment ta’ Pullicino Orlando. GonziPN sa ċertu punt jaqbillu jaqa’ fil-muta jekk m’għandux idea kif se jsib tarf ta’ din il-problema bil-maġġoranza xxuttata ta’ wieħed li għandu ta’ kif se jiċċensura deputat li gideb u qarraq bl-elettorat Malti u anki bl-istess kap tiegħu u minn fuq, għal distrett wieħed tela’ anki minn tnejn.
Ibgħat il-kummenti tiegħek fuq:
http://wmintoff.blogspot.com

 

Intervista
Il-kelma ta’ George

Julia Farrugia tintervista lil George Vella


Editorijal
Tolleranza zero


Il Punt
Għad it-teknoloġija toqtol il-Ktieb?
Sergio Grech


Toni u Peppi
Il-bullying fuq l-għalliema



Emmanuel Micallef
Riforma soċjali


Carmelo Mifsud Bonnici

Staġun politiku ġdid



X'kien Jgħid
Konkors ta’ sbuħija



Wenzu Mintoff

Qamar il-għasel
Fix-xhur u l-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali għaddejna litteralment minn blitz medjatiku, bumbardament kontinwu ta’ politikanti li għamlu tabirruħhom li xtaqu sinċerament jikkomunikaw mal-poplu b’kull mezz possibbli, speċjalment dawk li għalihom kollox hu possibbli.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan