Toni u Peppi | 20 ta’ April 2008 Nr 77
TONI
Jibqa’ għal dejjem f’moħħi l-film “To Sir With Love.” Għalliem iswed (Sydney Poitier) jirbaħ fi “ġlieda” ma’ klassi studenti (fosthom il-kantanta Lulu) li fil-bidu bdew b’ħafna bullying. Films simili kienu “The Blackboard Jungle”. U dan l-aħħar ieħor ta’ John Belushi “The Principal”. F’dawn il-films Amerikani l-għalliem joħroġ dejjem rebbieħ u l-klassi li fil-bidu kienet daqstant ribelluża, tispiċċa ħaġa waħda mal-għalliem. Iżda dan Hollywood. Fir-realtà kemm tassew qiegħed jiġri hekk?
Hemm qabża kbira bejn il-liżar u dak li jiġri fir-realtà kiefra ta’ kuljum. Hemm ukoll differenza kbira bejn id-dixxiplina ta’ l-istudenti ta’ żmieni għal dak li hi llum. Għalkemm ma naqbel xejn mad-dixxiplina riġida Vittorjana, wieħed ukoll irid jagħmel eżami tal-kuxjenza u jistaqsi jekk illum għandniex xi xorta oħra ta’ dixxiplina aktar umana jew ma għandna dixxiplina xejn.
Jiena wieħed minn dawk li bl-istejjer li nisma’ inklinat li nemmen ta’ l-aħħar. Fejn dari sempliċi daqqa ta’ riga fuq l-udejn kienet xi ħaga regolari u fejn il-ġenitur kien jagħti raġun lill-għalliem, illum din tista’ tkun il-kaġun xi xenata f’xi kuridur ta’ l-iskola bejn l-istudent, il-ġenitur u l-għalliem.
Jiena li naħdem il-Qorti ta’ sikwit nassisti għal kawżi fejn fl-isbarra jkun hemm kemm għalliema u ġenituri akkużati li ħebbu jew sawtu lil xulxin. Nistħi flok il-Maġistrat li nara għalliem akkużat għax ħafna drabi issib li l-akkużi miġjuba kontra tiegħu ma jkunux minnhom. Inħoss qalbi tingħafas meta nara lil min qiegħed jgħallem lil uliedna, flok ippremjat, imkasbar b’dan il-mod.
Mhux għax minn żmien għal żmien ma jkunx hemm każijiet ġenwini. Iżda dawn huma biss waħdiet. Pereżempju ma flaħtx għal dik il-mara li xarrbet daqqa ta’ ponn lill-għalliem ta’ binha, għax wara li ta xebgħa lil żewg studenti oħra kisser il-ħġieġ tal-klassi, l-għalliem ħass li għandu bħala kastig iċaħħdu mill-break u ma jmurx jixtri mill-canteen. Fejn qabel f’sens tajjeb konna nibżgħu mill-għalliema, illum qisu l-għalliema saru jibżgħu minna. Għalhekk li qiegħed jiġri hu li minħabba l-prepotenza ta’ xi ġenituri u anke studenti, studenti oħrajn ta’ mġiba tajba kif inuhma l-parti l-kbira tagħhom, qegħdin jiġu wkoll ivvittimizzati indirettament.
Il-prinċipji moderni huma sbieħ u forom ġodda ta’ demokrazija saħansitra daħlu fl-edukazzjoni. Iżda li jkollok dawn ġodda ma jfissirx li rridu nikkapitulaw għal min hu prepotenti u arroganti. Jekk jiġri hekk, allura mhux demokrazija jkollna, iżda s-saltna tal-ftit fuq il-ħafna. Is-setgħa ta’ dawk li ma jħallux lil ta’ madwarhom jimxu ’l quddiem u lill-għalliema jagħmlu xogħolhom b’ċerta serenità.
Minbarra dan, dawk l-istudenti li jirbħu fuq l-għalliem bis-saħħa ta’ dirgħajhom jew muskoli tal-ġenituri jrabbu l-arja biex jitterrorizzaw lil ta’ madwarhom. Hemm studji soċjoloġiċi li juru li f’sistema dixxiplinarju dgħajjef hemm iċ-ċans li jinħolqu ġerarkiji organizzati fejn min hu b’saħħtu jordom lil min hu l-iktar timidu fil-karattru. Pereżempju dan l-aħħar kien hemm każ fl-Italja fejn student għażel li jaqbeż minn tieqa ta’ klassi għoli sular bir-riskju li jmut aktar milli jiffaċċa lill-bully fil-klassi. Kemm hawn ġenituri li għandhom ulied timidi li ma jridux imorrulhom skola minħabba din il-problema? Ara daqsxejn kemm se tikber aktar jekk l-għalliema jispiċċaw mingħajr idejn.
John Bencini ili żmien igerger dwar din il-problema. Tkellem dwar dan, meta tfal mill-Iskola Sekondarja tas-Subien minn Naxxar intasbu barra l-bieb prinċipali biex jissuttaw lill-għalliema tagħhom huma u ħerġin bil-karozza tagħhom. Mhux hekk biss iżda Bencini barra minn hekk jirrakkonta kif għalliema jkunu iffastidjati f’darhom minn studenti li jkunu joqogħdu fil-qrib! Speċi ta’ qabża fil-kwalità f’dan l-għemil anti-soċjali.
Irridu nammettu li l-problema dejjem qiegħda tikber. Għandna tfal li ġejjin minn sfond soċjali diffiċli u jġorru magħhom l-istress li jaraw id-dar bejn il-ġenituri.
Għandna tfal li fil-medja kontinwament jaraw “role models” żbaljati u kif ukoll tfal li fi klassijiet b’popolazzjonijiet dejjem jikbru, il-peer pressure dejjem qiegħed jiżdied. Għalhekk għalkemm jidher li hemm kawża soċjali għal dan kollu, ma jfissirx li għandna nindirizzawha billi fit-tarf tal-katina jispiċċa vittma l-għalliem. Jekk hemm każ żgur mhux li nirrilassaw id-dixxiplina u nagħtu raġun lill-ġenitur li jaħbat għalliem, anzi l-kuntrarju.
L-MUT ilha snin tiġbed l-attenzjoni tal-Ministeru, Skond din l-Union 10 għalliema fix-xahar ma jibqgħux fl-impieg. Ir-raġunijiet huma tnejn. Bl-età jew għax ma jkunux għadhom medikament tajbin biex jgħallmu. Dawk li ma jibqgħux medikament tajbin, il-parti kbira tagħhom ikunu ma jistgħu jifilħu aktar għall-istress. Stress li l-kawża tiegħu hi n-nuqqas ta’ kontroll fuq il-klassi u bullying tal-għalliem stess. L-għalliema irġiel iħossuha aktar minn nisa, tant li teżisti problema kbira għax għandna nuqqas qawwi ta’ għalliema rġiel. Irridu naġixxu malajr qabel ikun tard wisq!
Hemm bżonn li jitfassal charter b’linji gwida li jistabbilixxu regolamenti ċari dwar din il-problema. Dan jiġi mfassal flimkien mal-ġenituri biex b’hekk ikun hemm għarfien ċar tal-problema. Charter li għalkemm m’għandha taċċetta abbużi, fl-istess ħin terġa’ tqiegħed fuq pedestall l-awtorità tal-għalliem fuq dak kollu li jiġri fil-klassi.
Fl-1995 kien ġie mfassal Charter bl-isem ta’ “Dealing with Bullying Guidelines for Youth Workers”. Bħal ħafna rapporti li jsiru, dan baqa’ fuq l-ixkaffa. Nemmen li tista’ ssir xi ħaġa simili fil-każ tal-għalliema u li naraw li jkun hemm “follow-up” tiegħu.
Ikun ukoll utli ħafna li kull sena ssir kampanja bħal pereżempju “Awareness Day on Bullying”. Tkun okkażjoni fejn il-ġenitur jiltaqa’ mal-għalliem mhux biex jara kif sejjer l-iżvilupp tat-tfal tiegħu, iżda biex proprju l-għalliem u l-ġenituri jsiru jafu aktar lil xulxin mill-qrib. F’dan is-sens il-frekwenza ta’ attivitajiet extrakurrikulari u soċjali jkomplu jġibu lejn xulxin il-forzi kollha pożittivi ta’ natura soċjali li kontinwament jiddeterminaw il-klima fi skola.
Minbarra dan għandna naħsbu għal xi tip ta’ “anti bullying unit” fi skola li jkun magħmul minn nies esperti li jkunu mħarrġa li mhux biss jagħtu pariri iżda li jintervjenu filwaqt meta jkun il-każ. Dan il-unit ikollu wkoll ir-rowl preventiv li jitkellem ma’ l-istudent jew ġenituri tiegħu mill-ewwel sinjali ta’ mġieba antisoċjali. B’dan il-mod nidħlu qabel il-problema tikber u tispolodi f’wiċċ kulħadd. Jekk hemm bżonn li fl-iskejjel tagħna saħansitra jkun hemm gwardjani, dawn għandhom isiru. Fil-fatt l-MUT kienet għamlet din it-talba li waqgħet fuq widnejn torox.
Fl-1 ta’ Jannar 2008 il-Ministru wiegħed li kien se jipprova jagħmel xi ħaġa dwar din il-problema. Iżda tridu tiftakru li din il-wegħda saret qabel l-elezzjonijiet.
PEPPI
Mhux ovvja li nikkundanna kull forma ta’ bullying fuq l-għalliema. Hawn xi ħadd japprova l-bullying? Hawn għalliema jiġu bullied minn studenti. Hawn studenti jiġu bullied minn għalliema. Hawn studenti jiġu bullied minn studenti oħra.
Kulmeta nitkellmu fuq il-bully dejjem ninsistu li filwaqt li għandna nikkundanaw il-bullying, għandna dejjem nippruvaw nifhmu għaliex. Din hi domanda importanti. Għax il-bully wkoll ikun qiegħed jgħid xi ħaġa lilna. Jista’ jkun qed jipprova jaħbi n-nuqqas li jħoss ġo fih.
Storja li smajt waqt Xarabank dwar id-droga. Kien għad għandu 12-il sena u l-iskola kienu jgħajruh għax kellu snienu ’l barra. Kuljum kienu jinġabru l-bullies u jgħajjruh u jfakkruh kemm kien ikrah, kemm ma riedu ħadd. Mid-dehra kien jirrapporta iżda ma tantx kienu qed jittieħdu passi.
Ta’ tifel ħaseb pjan kif iwaqqafhom. L-ewwel wieħed li semmielu snienu jirrispondi b’daqqa ġo rasu. Il-bully jispiċċa l-isptar b’rasu miftuħa. Mid-dehra issa kulħadd beda jagħti kas lil dan li kien bullied. Għoġbitu. Qal: “Ara bully trid tkun mid-dehra biex jagħti kasek.” Ingħaqad ma’ dawk li kienu jgħajruh. Waqfu jgħajruh u flimkien miegħu bdew jgħajru lil ħaddieħor. Bdew jieħdu d-droga wkoll. Il-bullied li sar bully ilu jieħu d-droga s-snin u bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ ħabs fuq droga.
Mhix se nidħol fil-mertu tal-każijiet ta’ bullying fuq għalliema minn studenti. Ma nafx biżżejjed dwarhom u minix prużuntuż li ngħaddi ġudizzju. Iżda nixtieq ngħaddi kumment dwar l-istudenti. Jingħad li dawn saru bla dixxiplina, ħadd ma jista’ għalihom, jitqażżu, jgħajru lill-għalliema, jibbuwjawhom kemm fil-klassi u kemm fuq l-internet. Imma skużi, għandi mistoqsija waħda li ma nafx hux qed tqum fl-għalliema infushom.
Dawn l-istess studenti, arditi u x’naf jien, twieldu hekk? Jew huma prodott ta’ sistema edukattiva li fiha hemm involuti l-għalliema fost oħrajn. Naf, nisma’ ħafna jgħajtu, tort tal-ġenituri, tort tagħhom, tort tagħhom, iva, tort tagħhom. Jiġiferi meta jkollna tifel jew tifla jirnexxu ngħidu prosit kemm hi skola tajba u meta jkollna tfal bla ebda sens ta awtodixxiplina ngħidu ‘tort tal-ġenituri’.
Hawn ħafna għalliema dedikati. Jagħmlu x-xogħol vokazzjoni.Iħarsu lejn l-istudenti qishom uliedhom. Jaraw x’ jivvintaw biex jagħmlu lezzjoni aktar interessanti. Il-lesson plan ta’ llum tkun totalment differenti mil-lesson plan ta’ l-istess lezzjoni sena ilu.
Dawn l-għalliema jsegwu fuq il-medja dak li qed isegwu l-istudenti biex jużaw l-istess medja ħalli jagħmlu lezzjonijiet interessanti. Tiskanta kif ħafna drabi anke dawk it-tfal imlaqqma ‘arditi’ ma’ dawn l-għalliema jieħdu gost, jipparteċipaw fil-lezzjoni. Għax il-lezzjoni ma tkunx tliet kwarti bilqegħda tisma’ lill-għalliem jew għalliema tispjegha bl-iktar mod monotonu.
Tqum tgħajjat il-mistoqsija: għala l-istudenti m’għadhomx iċċassati isegwu dak li tgħid jew jgħid l-għalliem? Għax it-tfal illum m’għadhomx jaċċettaw il-medjokrità. Qed jitrabbew f’kultura teknoloġika li fiha jimirħu u bir-raġun isibu wħud mill-għalliema ‘ta’ dwejjaq, insapportabbli’.
Din l-attitudni ta’ ċerti għalliema li jippretendu t-tfal attenti għal-lezzjonijiet ta’ dwejjaq tagħhom hija bħala bullying minn dawn l-għalliema fuq l-istudenti. Ħafna drabi, għalkemm mhux dejjem, l-istudenti ma joqogħdux kwieti għax ikunu mdejqa u jippruvaw joħolqu interess billi jivvintaw xi praspura forsi l-lezzjoni tfittex tgħaddi. L-istudenti għandhom Dritt li l-lezzjonijiet kollha jkunu interessanti.
Dan l-aħħar kont mistieden immexxi workshop għall-għalliema ġodda. Fil-panel kien hemm l-istudenti. Wieħed minnhom staqsa mistoqsija importanti: ‘Għaliex aħna l-istudenti m’għandux ikollna ċ-ċans li nagħtu l-marki lill-għalliema? L-għalliema jagħmlu assessment tagħna u aħna nagħmlu assessment tagħhom”. |
|

Julia Farrugia tintervista lil George Vella
Editorijal

Il Punt
Sergio Grech

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|