Aħbarijiet | 20 ta’ April 2008 Nr 77
Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt
Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti rċieva 14-il dramm għall-Premju Francis Ebejer. Din il-kompetizzjoni reġgħet fetħet is-sena li għaddiet biex tkompli tħeġġeġ il-kitba ta’ xogħlijiet għall-palk bil-Malti.
Il-kittieba li qegħdin jieħdu sehem kollha għandhom ’il fuq minn 30 sena ħlief għal wieħed/ waħda. Din is-sena fosthom hemm erba’ nisa - sinjal tajjeb ħafna - tikkunsidra li fl-Istorja ta’ Malta l-kittieba nisa kienu biss tlieta: Doreen Micallef (l-unika mara fil-Moviment Qawmien Letterarju), Inez Soler u Ethel Farrugia. L-aħħar tnejn kienu jidderieġu wkoll u Soler kienet meqjusa bħala waħda mill-iktar diretturi importanti. Fil-fatt hemm triq f’Santa Luċija msemmija għaliha.
Iżda meta tiġi biex issemmi drammaturgi kontemporanji ma tantx jitilgħu ismijiet. Tneħħi l-ftit kitbiet li saru minn Miriam Galea, Simone Spiteri u Annabelle Galea ma jibqa’ xejn.
Fl-2006 ingħatat statistika fil-Parlament dwar kemm ittellgħu drammi oriġinali fiż-żewġ teatri nazzjonali, it-Teatru Manoel u l-Kavallier ta’ San Ġakbu Ċentru għall-Kreattività bejn l-2000 u l-2006.
F’sitt snin ittellgħu 51 dramm, b’medja ta’ disa’ drammi fis-sena. Mid-dehra l-Kavallier ta’ San Ġakbu jilqa’ fi ħdanu aktar xogħlijiet oriġinali. Fil-fatt 34 (73 fil-mija) dramm oriġinal minn 51 ittellgħu fih. Il-medja ta’ xogħlijiet Maltin fil-Kavallier ta’ San Ġakbu hi ta’ sitta mentri tat-Teatru Manoel hi ta’ tlieta, b’waħda minnhom dejjem tkun il-Pantomima tal-Milied.
L-istħarriġ ma jinkludix xogħlijiet li ttellgħu l-MITP, l-Istitut Kattoliku, tas-Salesjani jew teatri żgħar oħra mferrxin ma’ Malta u Għawdex.
L-aktar staġun tajjeb għad-drammi oriġinali Maltin kien bejn Ottubru ta’ l-2003 u Settembru ta’ l-2004 meta ttellgħu 19-il wieħed, bi 17 minnhom fil-Kavallier ta’ San Ġakbu.
Iżda mill-istaġun li fetaħ is-sena li għaddiet il-folja nqalbet mhux ħażin għat-Teatru Manoel. Biss biss minn Ottubru li għadda sa l-aħħar ta’ April se jkunu diġà ttellgħu sitt xogħlijiet oriġinali, kollha miktuba bil-Malti, ħlief għall-Pantomima ta’ l-MADC. Fil-Kavallier ta’ San Ġakbu se jkunu saru erbgħa, tlieta minnhom bil-Malti.
Ir-riżultati tal-Premju Francis Ebejer se jitħabbru bejn Novembru u Diċembru ta’ din is-sena. |
|

Julia Farrugia tintervista lil George Vella
Editorijal

Il Punt
Sergio Grech

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|