Aħbarijiet | 20 ta’ April 2008 Nr 77
Franica Pulis tixtarr l-argumenti dwar kif għandu jinkiteb il-kliem bl-Ingliż impurtat fil-lingwa Maltija
Il-poeżija ta’ l-awtur Trevor Żahra, Di Nju Moltiż, tolqot il-musmar fuq rasu fejn jidħol it-taħwid li jinsab fih kulmin imiss mal-Malti u jrid jikteb il-kliem barrani li dieħel fih. Minħabba li aħna l-Maltin bilingwi, tgħażżinna matul iż-żmien u sibnieha wisq komda li nissellfu mill-Ingliż biex nesprimu ruħna.
Din il-kwistjoni bdiet tqum l-iktar mindu dħalna fl-Ewropa u l-Malti sar iqalla’ l-ħobża ta’ kuljum lit-tradutturi u lill-qarrejja tal-provi li kellhom jibdew jaqilbu bilfors ċertu kliem tekniku għall-Malti li forsi ma jagħmilx parti mill-vokabularju ta’ kulħadd.
Iktar minn hekk mindu dħalna fid-dinja ta’ l-internet għadd ta’ kliem Ingliż sar jidħol gelgul fi lsienna, għalkemm mhux f’tagħna biss, għax anki t-Taljani saru jużaw kliem bħal ‘chattare’.
Il-kliem ‘niċċettja’, ‘niddawnlodja’, ‘mouse’ u ‘email’ saru jagħmlu parti minn ilsienna iżda l-argument li s-seminar tal-Malti dwar Il-kliem ta’ Nisel Ingliż fil-Malti qajjem kien kif se niktbu dan il-kliem.
Wieħed jista’ jargumenta li wasalna f’din is-sitwazzjoni minħabba l-għażż u li ma konniex attivi biex noħolqu l-kliem bil-Malti meta kellna bżonnu. Mindu daħal il-kompjuter u l-kliem relatat miegħu, il-Malti baqa’ passiv jilqa’ l-kliem barrani. L-Ispanjol juża l-kelma ‘ordenador’ għal kompjuter. Għaliex il-Malti ma sabx kelma għalih? Il-kelma ‘tisliba’ inħolqot minflok ‘crossword’ għax kien hemm bżonnha u saret aċċettata. Iżda meta daħħlet “il-wara nofsinhar it-tajjeb” xi ftit snin ilu, din ma tantx niżlet għasel. Iżda bħalma staqsa Prof. Manwel Mifsud: “Tgħid aċċettajna ħafna u minn tagħna ħallejna ftit wisq?”
Iżda issa għalxejn tibki fuq il-mejjet. Ċertu kliem Ingliż laħaq mela l-vojt li ħalla lsienna u ndara u jekk mhux se naċċettaw dawn il-kliem xorta waħda se nkomplu noqtlu l-lingwa tagħna. Zahra jsemmi l-eżempju ta’ wħud mill-iskejjel li għadhom jassoċjaw il-Malti mal-folklor u l-għonnella meta jorganizzaw ‘Jum il-Malti’.
“Waqt li ċertament dan kollu għandu valur, nibża’ li jekk se nibqgħu ankrati mal-folklor, se nkunu qed nipproġġettaw il-Malti bħala lingwa u kultura ta’ ġol-mużew li m’għadx għandu relevanza fid-dinja ta’ llum u allura npoġġuh ġo vetrina u nħarsu lejh. Jeħtieġ nuru li l-Malti hu lsien ħaj, li jevolvi ta’ kuljum u li għandu postu fil-kultura attwali tagħna,” żied il-kittieb.
Il-kritiku letterarju Charles Briffa jaħsibha l-istess u jsostni kemm hu importanti li “nifhmu li l-lingwa tiddakkar minn ilsna oħra biex tissaħħaħ u tibqa’ ħajja b’aġġornament maż-żmien u l-progress. Jiġifieri, l-importazzjoni ta’ kliem mill-Ingliż għandna neħduha bħala riżultat ta’ proċess naturali f’soċjetà ħajja u sensittiva għall-avvanzi kollha li jseħħu.”
Dakinhar tas-seminar issemmeww tliet soluzzjonijiet ta’ kif jista’ jinkiteb l-Ingliż fil-Malti: kollox bil-Malti kif jinħass, kollox bl-Ingliż jew taħlita fil-lingwi. Iżda għal kull għażla hemm il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li ħadd minnhom ma jista’ jaħrab.
Għall-ewwel soluzzjoni, l-argument li tqajjem kien: “Jekk kull kelma li nieħdu mill-Ingliż se nibdew niktbuha bil-Malti (u nserrħu rasna li dan hu Malti korrett), nistgħu naqbdu dizzjunarju Ingliż, nittraskrivu l-kliem kollu tiegħu u nżiduh mad-dizzjunarju Malti. Din mhux biss tkun sitwazzjoni redikola, imma tiftaħ ukoll il-bieb għall-abbuż. Minflok nibdew infittxu l-kelma Maltija (li għadha ħajja) nibdew noqtlu l-kliem tagħna biex minfloku ndaħħlu bla bżonn kliem barrani,” sostna Zahra.
Il-Maltin sabuha komda jgħidu ‘bejbi’ flok ‘tarbija’, ‘xelta’ jew ‘opzjoni’ minflok ‘għażla’, ‘tiddawnlodja’ flok ‘tniżżel’. Iżda mbagħad dak li tgħid għandek tiktbu?
L-Ingliż jagħmel distinzjoni bejn slang, il-formali u l-informali.
Minbarra li tqum il-kwistjoni ta’ x’Ingliż se jintuża: il-Queen’s English jew Ingliż b’aċċent Malti? X’se nikteb: maniġer jew meniġer? U kif se nkunu nafu liema kliem Ingliż sar Malti u mhux sempliċiment għażż għal tfittxija ta’ kelma Maltija?
Għall-Ingliż li jibqa’ Ingliż, l-iktar punt importanti li tqajjem kien li permezz ta’ din is-sistema wieħed jevita l-omonomi u ċerta konfużjoni. Il-kelma ‘chairman’ ilha li daħlet fil-lingwa iżda meta tiġi għal plural x’se tikteb minħabba li bl-Ingliż tikteb ‘chairmen’?
“Ċriemen?” bħalma xi ħadd qal u li ħaddimha fuq il-mudell ta’ żraben jew ‘ċermenijiet’ bħal ‘flettsijiet’?
Ġurnalist preżenti semma wkoll li min iħallas ir-riklami ma jkunx irid li ċerti kliem jinqaleb għall-Malti għax jista’ jagħti tifsira differenti. Hu ta l-eżempju ta’ karozzi wżati u karozzi second-hand. Għal xi raġuni l-ewwel waħda fil-kuntest Malti twaqqa’ l-livell tal-karozza u jagħmilha aktar qadima anke jekk iż-żewġ kelmiet ifissru l-istess. Hu kien qajjem ukoll il-ħtieġa ta’ Malti attiv u l-bżonn ta’ “fabbrika tal-Malti” li toħloq il-kliem li jkun hemm bżonn.
It-tielet soluzzjoni hi li toffri taħlita tal-lingwi, li żgur hi l-aktar komda għal min dara jara l-Ingliż miktub għax ftit minn dawn in-nies se jaċċettaw il-kelma ‘ħowmwerk’ miktuba hekk. Iżda din is-sistema dejjem se toħloq konfużjoni għal min ma jafx Ingliż jew għadu qed jistudja ż-żewġ lingwi f’daqqa, speċjalment it-tfal.
Mitt bniedem mitt fehma. Għalhekk issa hu importanti li l-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa u jmexxi fuqhom malajr kemm jista’ jkun. Kwalunkwe deċiżjoni li se jieħu dejjem se ssib xi ħadd li l-għażla ma ddoqqlux. Iżda biż-żmien kollox jindara bħalma ndara kliem bħal ‘neċessarju’, ‘bwiez’ u ‘viċin’, li issa sirna nqisuh Malti, mhux misluf minn lingwa oħra.
Di Nju Moltiż
Minn Trevor Żahra
L-għalliem jgħidilna dejjem
Li l-Malti hu ħafif,
’Mma jien nipprova niktbu
U lanqas biss naf kif.
Ħeqq… jista’ jkun li moħħi
Ikun mitluf, kultant,
Jew forsi, kif tgħid ommi,
Jien ħriġt ftit injorant.
Għax l-aktar li nitħawwad
U nagħmel salt ċaflis,
Hu meta nkun se nikteb
Xi kliem ġej mill-Ingliż.
L-għalliem qalilna niktbu
Dal-kliem, kif inħossuh,
Iżda… mhux in-nies kollha
L-istess preċiż jgħiduh!
Missieri jgħidlu telefon
In-nannu: teleforn
Il-Mummy (jew Mami): telefown
L-għalliem jgħidilna blekbord
Iz-zija tgħidlu blakbord
Mark Xuereb jgħidlu blekbort.
Jien tgħidx kemm ili nara:
Jeans u mobile miktubin,
Narahom fuq it-television
(Sorry: televixin…)
(Sorry: sori)
Narahom kuljum, kull ħin.
Imm’issa suppost nikteb:
ġins, mowbajl, tenkju, plis,
guddej, gudnajt u ħendawt
“Ġej fowtow, għidu ċis!”
L-għalliem jibqa’ jgħidilna
Li l-Malti hu ħafif,
’Mma n-nannu lbieraħ qalli:
“Dan Malti tat-teftif!”
Tu rajt diss Moltiż properly
Jess, ju mast ħev samm gazz
Plis, gimi e brejk, tiċers:
Jur gona drajv mi nazz! |
|

Julia Farrugia tintervista lil George Vella
Editorijal

Il Punt
Sergio Grech

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|