MediaToday

Aħbarijiet | 20 ta’ April 2008 Nr 77

Skiet mis-Sorijiet Dumnikani dwar l-abbuż tat-tfal f’Għawdex

Sabrina Agius
sagius@mediatoday.com.mt

Jippersisti s-skiet assolut tal-Madre Ġenerali tas-Sorijiet Dumnikani, Karmelita Borg dwar il-każ ta’ abbuż fuq tfal li kienu, fil-kustodja tas-sorijiet f’Lourdes Home, f’Għawdex. Il-kongregazzjoni mmexxija minn Sr Borg ma tridx tagħti kummenti dwar il-każ.
Għal darb’oħra, tentattivi minn Illum biex tkellem lil Sr Borg sfaw fix-xejn. Soru li sostniet li tiġi s-segretarja ta’ Sr Borg qaltlilna:
“Il-Madre bħalissa mhux hawn. Imma bħala ordni għalissa ddeċidejna li ma nagħtu kummenti lil ħadd.”
Din kienet l-uniku risposta xotta li ħadna minkejja kull tentattiv bit-telefon biex inkellmu lil Sr Borg.
Din il-gazzetta staqsiet lill-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech jekk hux se jippubblika r-rapport, x’passi kienu se jittieħdu kontra s-sorijiet li ssemmew fir-rapport u jekk kienx se jingħata lill-Pulizija għal iktar investigazzjoni.
It-tweġiba tal-Kurja Għawdxija tkompli żżid ma’ l-omertà ġenerali fil-kuriduri tal-Knisja dwar dan il-każ.
Il-Kurja ta’ Għawdex wieġbet: “Meta talab lill-Kummissjoni tagħmel l-stħarriġ, l-Isqof Grech kien qed jitlobha tgħinu fil-ministeru pastorali tiegħu. Diversi persuni li dehru quddiem il-Kummissjoni afdawlha tagħrif kunfidenzjali u l-Isqof hu fid-dmir li jħares din il-kunfidenzjalita.
“L-Isqof ħa impenn li jara li jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni. L-għan ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet huwa li ma ssirx ħsara lit-tfal u li s-servizz li l-Knisja toffrilhom ikun ta’ livell tajjeb.
“Hi policy tal-Knisja li meta xi ħadd jipprezentawlha xi allegazzjonijiet ta’ abbużi minn funzjonarji pastorali, filwaqt li tfakkru li jekk irid jista’ jirrikorri għall-mezzi li tagħtih il-Liġi tal-pajjiż, b’sens ta’ responsabbiltà hi tagħmel investigazzjoni interna.”
Sa llum mhemm l-ebda ħjiel ta’ x’inhuma r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport.
Mitlub jikkummenta dwar il-każ tal-Lourdes Home, il-Kap Eżekuttiv ta’ Appoġġ Joe Gerada qal li x-xogħol mas-sorijiet tal-Lourdes Home għadu għaddej.
“Nista’ ngħid li hi sitwazzjoni delikata ħafna. Allura wieħed jitlob għal ħafna sensittività mingħand kulħadd biex kemm jista’ jkun nipproteġu lit-tfal.
“Il-ħaddiema soċjali ta’ Appoġġ qed jaħdmu biex jinstabu postijiet oħra fi djar tat-tfal f’Malta. Nittama li fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla jsir l-ewwel ċaqliq għal dawn it-tfal,” sostna Gerada.
“Nixtieq inżid li nħossni grat ħafna għal livell qawwi ta’ koperazzjoni li qed insibu mid-djar f’Malta li minkejja li għandhom id-diffikultajiet tagħhom qed jikkollaboraw magħna biex jinstab placement għal dawn it-tfal.”
Mistoqsi dwar x’għandu jsir mis-St Joseph Home ta’ Ħaż Żabbar li hi mmexxija mill-istess kongregazzjoni ta’ sorijiet, Gerada qal li ma kellu l-ebda riservi fuq is-St Joseph’s Home.
“M’għandi xejn xi ngħid fuq hemmhekk. Dik mhix kwistjoni ta’ l-Appoġġ iżda hi kwistjoni ta’ diskussjoni tal-Permanent Secretary u l-awtoritajiet ekkleżjastiċi bl-involviment tad-Direttur ta’ l-Istandards,” qal Gerada.
F’Lourdes Home hemm 10 itfal, subien u bniet, bl-età tagħhom tvarja bejn tmienja u 15-il sena.

Imqar skuża mis-sorijiet

Grace*, mara ta’ madwar 50 sena, titkellem ma’ Illum dwar l-esperjenza kerha li għaddiet minnha meta kienet residenti f’Lourdes Home

Kienet ilha hemm minn meta kienet tifla sakemm iżżewġet. Id-dispjaċir ta’ Grace hu li kienet marret għall-addozzjoni u din sfat fix-xejn għax il-koppja ma riduhiex.
“Kelli nerġa’ mmur hemm ġew. Kelli nerġa’ mmur minn fejn ħriġt,” tispjega b’leħen miksur.
“Fis-Sebgħinijiet kienu jsiru ħafna affarijiet bħalma qed isiru bħalissa. Hemm ħafna eżempji li nista’ nagħti. Dawn l-affarijiet rajthom b’għajnejja u qatt ma nista’ ninsihom.
“Nista’ ngħidlek li niftakar xi Sister minnhom taħraq idejn it-tfal bil-ħadida tal-mogħdija jekk ma tobdix. Dawn rajthom b’għajnejja stess,” tenfasizza Grace.
Il-moħqrija u l-umiljazzjoni li kellha tgħaddi minnhom wasslu lil Grace biex tingħalaq f’qoxritha. Tgħid li l-metodi ta’ kif is-sorijiet kienu jedukaw u jrabbu d-dixxiplina fit-tfal kienu ħorox.
“Kienu jsakkruni fil-bitħa għal xi tlett ijiem għax kont nagħmel pipì fis-sodda. Bħala kastig is-soru kienet iġġegħlni noħroġ bil-qalziet ta’ taħt imdendel m’għonqi u rrid immur l-iskola bih. Kont inxarrab is-sodda minħabba l-biża’ li kelli. U iktar ma kont nibża’ iktar kont nagħmel. B’hekk kont nispiċċa bil-qalziet ta’ taħt imdendel m’għonqi kważi kulum.”
Peress li l-età tat-tfal tvarja, Grace tispjega li kienu jinqasmu f’erba’ gruppi: it-trabi, it-tfal żgħar u dawk minn erba’ snin ’il fuq. Imbagħad kien hemm il-kbar.
“Kull grupp kien ikollu tnejn imfarfrin u aħna konnha nieħdu ħsieb liż-żgħar.”
Il-funzjoni ta’ dawn iż-żewġ imfarfrin ma kenitx xi waħda faċli.
“Jekk iqabbduna nagħtuhom kastig rridu nagħtuh bilfors għax inkella naqilgħuha aħna. Ġeneralment il-kastig kien ikun li nagħtuhom xi xebgħa jew nagħlquhom fil-bitħa. Mhux xebgħa fuq is-saqajn bħalma jagħtu llum imma daqqa bil-lasta ta’ xkupa jew biċ-ċinturin,” tgħid Grace b’dispjaċir.
Ħajjet Grace ġiet influwenzata ferm minħabba l-vjolenza li għaddiet minnu.
“Anke meta ġejt biex inrabbi lil uliedi f’qalbi kont ngħid kif kienu jsiru fuqi dawn l-affarijiet? Dawk demmi, jien mhux ħa nagħtihom bħalma kienu jagħtu lili. Nikkontrolla lili nnifsi. Meta niġi biex nitkellem man-nies noqgħod lura għax dejjem bil-biża’ li se naqlagħha.”
Nistaqsiha x’tistenna biex issir ġustizzja magħha. B’altruiżmu tgħid: “Nistenna li Lourdes Home ma jingħalaqx għax min fetaħha fetaħha f’isem it-tfal. Meta smajt li se jagħlquha ma ħadt xejn pjaċir għax ħa jikkastigaw it-tfal li hemm hemm ġew. Nirringrazzja l-Isqof talli talab skuża f’isem is-sorijiet. Napprezza.”
B’sorpriża tgħidli: “Nixtieq nirringrazzja lis-sorijiet li kienu twajbin u batew huma. Kien hemm sorijiet li kienu jaqbżu għalina u kienu jbatu huma. Għax meta kienet tagħtina kastig li ma niklux għal xi ġurnata sħiħa, is-Sister li kienet tkun fil-kċina kienet twarrbilna xi ħaga u tagħtihielna bil-moħbi. Ġieli kienu jitkeċċew is-sorijiet mid-dar minħabba dawn l-affarijiet.”
Grace tgħid li iżjed kienet tkun xi ħaġa sabiħa li jingħaqdu s-sorijiet ta’ llum u t-tfal li hemm u jitolbu skuża lil xulxin anki jekk it-tfal huma innoċenti.
“Fil-każ tagħna kieku xorta napprezza li s-sorijiet jiskużaw irwieħhom. Ikun kumpens kbir għalija għax ineħħuli toqla kbira minn fuq l-istonku tiegħi għax kienu nġusti miegħi. Setgħu ikkoreġewni mod ieħor milli b’dawk l-affarijiet.”

*L-isem inbidel biex jipproteġi l-identità
tal-mara

 

Intervista
Il-kelma ta’ George

Julia Farrugia tintervista lil George Vella


Editorijal
Tolleranza zero


Il Punt
Għad it-teknoloġija toqtol il-Ktieb?
Sergio Grech


Toni u Peppi
Il-bullying fuq l-għalliema



Emmanuel Micallef
Riforma soċjali


Carmelo Mifsud Bonnici

Staġun politiku ġdid



X'kien Jgħid
Konkors ta’ sbuħija



Wenzu Mintoff

Qamar il-għasel
Fix-xhur u l-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali għaddejna litteralment minn blitz medjatiku, bumbardament kontinwu ta’ politikanti li għamlu tabirruħhom li xtaqu sinċerament jikkomunikaw mal-poplu b’kull mezz possibbli, speċjalment dawk li għalihom kollox hu possibbli.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan