Aħbarijiet | 20 ta’ April 2008 Nr 77
Sabrina Agius
sagius@mediatoday.com.mt
Ir-reazzjoni tal-Membri Parlamentari Maltin din il-ġimgħa għall-approvazzjoni mill-Kunsill ta’ l-Ewropa tar-riżoluzzjoni dwar l-aċċess għall-abort kompliet tikkonferma kemm dan is-suġġett hu tabù għal dawn il-gżejjer.
Jidher ċar li l-unika intenzjoni tar-rappreżentanti Maltin kienet li jimblukkaw ir-riżoluzzjoni aktar milli jiddibattu l-kontenut tagħha. Il-mozzjoni mressqa mill-Kumitat għal Drittijiet indaqs għall-Irġiel u Nisa, marret għall-vot nhar l-Erbgħa li għadda quddiem l-Assemblea Parlamentari u għaddiet b’102 voti favur u 69 vot kontra.
Ir-riżoluzzjoni titlob lill-pajjiżi membri fil-Kunsill ta’ l-Ewropa biex l-abort ma jibqax att kriminali u li n-nisa jkollhom id-dritt u l-aċċess għall-abort bil-prekawzjonijiet neċessarji.
F’Malta l-abort hu att kriminali li jġorr sentenza ta’ ħabs kemm għall-omm kif ukoll għat-tabib li jwettaq l-abort.
Il-Liġi Maltija ma tippermettix eċċezzjonijiet lanqas fil-każ fejn il-ħajja ta’ l-omm tkun fil-periklu minħabba t-tqala. Hu teknikament illegali wkoll li mara tingħata mediċini li jkunu meħtieġa biex isalvawlha ħajjitha f’każ ta’ xi kundizzjoni medika jekk hu magħruf li dawk il-mediċini se jwasslu għall-abort.
Madankollu jidher li l-Membri Parlamentari Maltin la kellhom interess u lanqas ħeġġa biex jiddiskutu dawn id-dettalji tant importanti fi kwistjoni morali sensittiva bħall-abort.
F’kumment lil din il-gazzetta r-rappreżentant ta’ l-Oppożizzjoni Leo Brincat qal li hu u l-kollega tiegħu Joe Debono Grech telgħu Strasbourg “bil-brief ċara” li r-riżoluzzjoni tiġi rtirata.
“Tlajna Strasbourg bil-brief ċara li mhux biss nopponu r-riżoluzzjoni li titkellem kategorikament dwar Access to safe and legal abortion in Europe, li hu illegali f’pajjiżna, iżda biex saħansitra nippruvaw ninkoraġġixxu li r-riżoluzzjoni u r-rapport jiġu irtirati,” sostna Brincat.
“Hekk tkellimt fis-Socialist Group u hekk ivvutajt fl-Assemblea Parlamentari. Dan aktar u aktar billi r-rapport kien żbilanċjat għall-aħhar u ma kellu l-ebda għarfien għad-drittijiet fundamentali ta’ ’l hekk imsejjaħ unborn child - it tarbija li għadha ma twelditx.”
Meta mistoqsi jekk jaqbilx mal-partijiet tar-rapport li jitkellmu dwar id-dikriminalizzazzjoni ta’ l-abort u l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kontraċezzjoni Brincat qal li “bħala Partit dejjem konnha u għadna kontra l-abort. Qatt ma kien hemm l-ebda diskussjoni interna li naf biha fl-istrutturi tal-Partit dwar dak kollu li inti irreferejt għalih.”
Hu sostna li dak li qal f’Strasbourg qalu “b’konvinzjoni personali, iżda wkoll b’riflessjoni sħiħa tal-fehma ċara tal-partit.”
Ir-rapport jgħid li fl-Ewropa hemm bejn 500,000 u 800,000 mara fis-sena li jaboritxxu mhux bil-prekawzjonijiet neċessarji. Ir-raġuni għal din ir-rata tant għolja hi minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u s-servizzi, kif ukoll restrizzjonijiet fejn jidħlu liġijiet dwar l-abort.
Ir-riżoluzzjoni tkellmet fuq l-abort bħala dritt tal-mara bil-kontra ta’ dikjarazzjonijiet oħra tan-Nazzjonijiet Uniti li dejjem qagħdu lura milli jitkellmu fuq l-abort bħala dritt. Madankollu, ir-riżoluzzjoni tkellmet ukoll dwar il-ħtieġa ta’ prekawzjonijiet biex ikun hemm inqas aborti, fosthom edukazzjoni sesswali u informazzjoni u aċċess ħieles għall-kontraċezzjoni.
Biex dan iseħħ
il-kummissjoni ipproponiet mezzi ta’ kif jista’ jkun hemm inqas abbuż ta’ abort illegali. Fost oħrajn ir-rapport għamel enfasi li għandu jkun hemm iktar informazzjoni u aċċess
għall-kontraċezzjoni.
Ir-riżoluzzjoni m’għandha l-ebda rabta legali fuq Malta u l-Gvern diġà qal li m’għandu l-ebda ħsieb ibiddel il-Liġi minn kif inhi llum.
Din il-gazzetta ippruvat tkellem ukoll lir-rappreżentant tal-Gvern Jeffrey Pullicino Orlando imma sakemm morna għall-Istampa ma rnexxilniex nagħmlu kuntatt miegħu. |
|

Julia Farrugia tintervista lil George Vella
Editorijal

Il Punt
Sergio Grech

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|