MediaToday

Aħbarijiet | 20 ta’ April 2008 Nr 77

Muscat jiċħad li se jirtira l-kandidatura

Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt

Joseph Muscat, wieħed mill-ħames kandidati għall-kariga ta’ Mexxej tal-Partit Laburista, caħad kategorikament li hu kien se jirtira n-nomina tiegħu u minflok jappoġġa l-kandidatura ta’ George Abela kif rappurtat minn TVM il-Ġimgħa fl-aħbarijiet tat-8.00pm.
Mistoqsi mill-gazzetta Illum jekk jaħsibx li x-xandir ta’ l-Istat kien intuża b’mod indirett waqt il-kampanja elettorali għal Mexxej Laburista, Muscat qal: “Ma naħsibx li kien qed jintuża b’mod daqshekk indirett. Naħseb li lbieraħ intuża b’mod dirett.
“Kont nistenna aħjar, meta wieħed jikkunsidra li kont bgħatt stqarrija ċara ħafna fejn għidt li kont se nikkontesta, qabel ma’ din l-aħbar ixxandret,” sostna Muscat.
“Madankollu nistgħu nagħtu l-benefiċċju tad-dubju lil kulħadd. Din hi, wara kollox, parti mir-riavviċinament mas-setturi kollha tal-media li qed nipproponi,” huwa qal.
Muscat għażel li jippreżenta ruħu quddiem l-istampa waħdu, mingħajr il-preżenza ta’ martu u uliedu, kif kien il-każ meta Michael Falzon ħabbar in-nomina tiegħu ħmistax ilu.
Iċ-ċentru ta’ l-attenzjoni waqt il-konferenza ta’ l-aħbarijiet qasira li saret fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi l-bieraħ kien il-viżjoni tiegħu għal “staġun politiku ġdid f’pajjiżna” permezz ta’ 40 proposta għal riforma totali tal-Partit Laburista.
“Il-viżjoni tiegħi għall-Partit Laburista hi li jittrasforma ruħu f’partit li jilħaq u jiżboq l-aspirazzjonijiet ambjentali, ekonomiċi, soċjali u Ewropej tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
“Se jkun il-bażi li fuqha se jkun iffurmat moviment li jiġbor flimkien nies progressivi u moderati f’pajjiżna, u b’hekk iwassal għal Ġenerazzjoni Rebbieħa,” stqarr Muscat.
Hu qal li l-proposti huma intenzjonati biex il-Partit Laburista jsir pożittiv, inklussiv, b’messaġġ ċar, organizzat, f’kuntatt kontinwu man-nies u attwali.
Muscat qal li jekk jinħatar Mexxej Laburista fil-5 ta’ Ġunju, jassigura li l-kontestanti l-oħra jingħataw rwol ċentrali fil-Partit Laburista.
Mistoqsi speċifikament jekk kienx lest jirtira l-kandidatura tiegħu għal Mexxej Laburista u jikkontesta bħala Deputat Mexxej ma’ George Abela, Muscat eskluda din il-possibbiltà.
“Fil-5 ta’ Ġunju Joseph Muscat se jkun kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista,” sostna il-Membru Parlamentari Ewropew.
Muscat qal li lest ikollu djalogu miftuħ mal-Gvern Nazzjonalista “u jpoġġi l-interess nazzjonali quddiem kollox.”
“Il-prinċipju li għandu jiggwidana hu r-responsabbiltà li nirrapreżentaw nofs il-poplu Malti u għalhekk għandna nkunu konsultati u rispettati,” sostna Muscat.
Barra minn hekk, hu wiegħed li se jagħmel “sforz lejn rikonċiljazzjoni nazzjonali mal-partiti politiċi l-oħra u setturi oħra tas-soċjetà dwar ġrajjiet politiċi li seħħew fil-passat.”

Intervista
Il-kelma ta’ George

Julia Farrugia tintervista lil George Vella


Editorijal
Tolleranza zero


Il Punt
Għad it-teknoloġija toqtol il-Ktieb?
Sergio Grech


Toni u Peppi
Il-bullying fuq l-għalliema



Emmanuel Micallef
Riforma soċjali


Carmelo Mifsud Bonnici

Staġun politiku ġdid



X'kien Jgħid
Konkors ta’ sbuħija



Wenzu Mintoff

Qamar il-għasel
Fix-xhur u l-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali għaddejna litteralment minn blitz medjatiku, bumbardament kontinwu ta’ politikanti li għamlu tabirruħhom li xtaqu sinċerament jikkomunikaw mal-poplu b’kull mezz possibbli, speċjalment dawk li għalihom kollox hu possibbli.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan